Ġużè Diacono
Ġużè Diacono (Valletta, 24 ta' Novembru 1912 – Pietà, 17 ta' Novembru 2002) kien awtur, ġurnalist u drammaturgu Malti.
Ġużè Diacono | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 1912 |
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta |
Mewt | 17 Novembru 2002 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
drammaturgu rumanzier |
Bidu
immodifikaBin Francis Xavier u Victoria, imwielda Meli, huwa studja fl-iskola Stella Maris (Tas-Sliema), ta’ San Pawl, il-Belt Valletta) u fl-Università ta' Malta, fejn kiseb id-Diploma ta' Prokuratur Legali (1938); iżda flok il-professjoni legali għażel dik letterarja u ta ruħu għall-ġurnaliżmu.
Politika
immodifikaDiacono kien xellugi imma fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1962, li fiha l-Knisja imponiet id-dnub il-mejjet fuq min jivvota lill-Partit Laburista, huwa kien ikkontesta bħala kandidat f'isem il-Partit Kostituzzjonali Progressiv (ta' Mabel Strickland) fuq l-10 distrett li kien ikopri lil Għawdex. Kien ġab 74 vot fl-ewwel għadd u spiċċa b'94 vot.
Ġurnaliżmu u xandir
immodifikaHuwa beda bħala editur tal-aħbarijiet tat-Times of Malta, aġixxa ta' editur tas-Sunday Times of Malta u għal xi żmien kien korrispondent tal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters. Fi żmien il-Gwerra, 1939-1945, ġie trasferit fir-redazzjoni ta' Il-Berqa, fejn waqqaf il-paġna sportiva bil-Malti u ħoloq diversi espressjonijiet sportivi. Huwa beda l-paġna ta' kuljum tal-fiction u bdieha bit-traduzzjoni ta' The Rosary, ir-rumanz magħruf ta' Florence L. Barclay. Din il-paġna kellha kontribuzzjonijiet ta' diversi awturi Maltin, xjuħ u żgħażagħ, iżda l-biċċa l-kbira kitibhom Diacono nnifsu. Huma baqa' mal-Allied Newspapers sal-1966.
Kien l-ewwel editur tal-ġurnal tal-Knisja Il-Ħajja bejn l-1965 u l-1967. Kien ukoll jieħu ħsieb ir-reklamar għall-ġurnal Il-Ħaddiem bejn is-snin 1966 u 1969. Sadanittant kien għamel żmien jgħallem il-Letteratura Maltija fl-Università ta' Malta.
Xandar bosta taħditiet minn fuq ir-Rediffusion speċjalment fis-serje Kotba x'taqra u tagħrif u tagħlim dwar l-arti drammatika.
B'riżq l-Ilsien Malti
immodifikaHuwa kien membru akkademiku tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u ko-fundatur tal-Għaqda ta' Awturi Maltin. Kien ukoll fil-kummissjoni biex ikun standardizzat l-ilsien Malti. Irreveda u ppubblika l-Ħames Volum tad-Dizzjunarju Ingliż–Malti ta' Dun Karm Psaila fil-bidu tas-snin disgħin.
Diacono kien wieħed mill-aktar kittieba prolifiċi Maltin tas-seklu għoxrin. Kiteb drammi, novelli, traduzzjonijiet u kritika letterarja. Fost il-kritika tiegħu nsibu Wara Ibsen u Il-Fidwa tal-Bdiewa ta' Ninu Cremona: Studju Kritiku.
Bħala studjuż tal-lingwa, kien ħareġ ktieb fl-1977 bl-isem Għeltijiet u Barbariżmi fil-Malti.
Kien ħareġ ġabra ta' novelli bl-isem ta' Dik is-Siġra Mħattba.
Drammi
immodifikaIżda l-qawwa ta' Diacono toħroġ fid-drammi tiegħu. L-għarfien tiegħu ta' kif żviluppa t-teatru ta' Ibsen u Strindberg għenu biex fetaħ id-drama Maltija lejn fruntieri ġodda, 'il bogħod mill-kitba tradizzjonali u konservattiva. Huwa ma kienx jiddejjaq jikteb biex juri s-sigrieti magħrufa soċjali tal-ħajja Maltija. Fost l-iktar drammi magħrufin tiegħu hemm dawk tas-snin sittin: L-Ewwel Jien u Erwieħ Marbuta.
Il-Madonna taċ-Ċoqqa
immodifikaL-iktar dramm li baqa' sinonimu ma' Diacono kien it-teledramm Il-Madonna taċ-Ċoqqa li kien jidher fuq TVM fl-1979, black and white. Dan ix-xogħol ta' Diacono juri l-qilla li jista' juri l-bniedem meta ffaċċjat minn istituzzjoni bħalma hija l-Knisja. Juri li l-imħabba tirbaħ fuq kollox, anke meta tiltaqa' ma' bosta tfixkil. Il-ħsieb wara dan il-kapolavur kien ġieh wara li lill-istess Diacono kienu ħadulu biċċa art. Il-ġrajja ta' Karmnu ta' Randu, li minkejja li kien jagħmel kollox għall-knisja u għall-festa, spiċċa mċaħħad mill-art li kienet tagħti l-għajxien lilu u lill-familja tiegħu hija qawwija wisq.
Dan it-teledramm kien qajjem ħafna kontroversji fil-pajjiż, mhux l-inqas għax kien fi żmien meta l-Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff kien qed iwettaq fil-prattika d-distinzjoni bejn Stat u Knisja. Ħafna telespettaturi ddarsu waqt xena fejn Rita (il-protagonista), tkisser in-niċċa tal-Madonna u tneħħilha ċ-ċoqqa. Oħrajn ma rawx għaliex din it-teleserje ngħatat dan l-isem, tant li ħassew li bħal donnu ssemma l-isem tal-Madonna fil-batal.
Imma l-akbar kontroversja kienet fil-fatt li Rita il-protagonista (parti maħduma minn Jane Marshall) kellha relazzjoni ma' Marjanu (Lino Mintoff) li kien novizz reliġjuż. Rita anke twelled tarbija fil-kampnar tal-Kappella fit-teleserje. Imma minħabba l-impatt qawwi li ħalliet din is-serje kien diffiċli għal uħud li jagħmlu distinzjoni bejn l-atturi u l-ħajja reali u għalhekk bdiet persekuzzjoni qawwija fuq Diacono, l-atturi prinċipali, u d-direttur.
Il-persekuzzjoni tant kienet qawwija li l-attriċi prinċipali Jane Marshall u r-raġel tagħha Albert Marshall li kien id-direttur ta' din it-teleserje rċevew ittri mimlija attakki, theddid u mibegħda. Dan wassal biex il-koppja Marshall (b'żewġt itfal żgħar) saħansitra titlaq minn Malta u temigra lejn l-Awstralja.
Kull meta kien jidher Il-Madonna taċ-Ċoqqa, it-toroq kienu jkunu baħħ, għax minkejja l-kritika, kulħadd kien jarah.
Ħajja personali
immodifikaDiacono kien bniedem paċenzjuż ħafna, metikoluż ħafna speċjalment fil-kitbiet u meta jiġi biex jaqra kitbiet ta' ħaddieħor. Kien iħobb il-mużika klassika u kellu kollezzjoni ta' diski b'mużika tal-opri. Kien iħobb ukoll l-isport, iżda meta kiber ftit seta' jipprattikah minħabba li f'żogħżitu kien weġġa' siequ waqt logħba tennis. Fil-futbol kien iżomm mas-Sliema u f'dak barrani mal-Ingliżi.
Lejn it-Tmiem
immodifikaFl-1997, huwa kien onorat bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali ta' Mertu mill-President Ugo Mifsud Bonnici għall-kontribut kbir tiegħu lejn is-soċjetà Maltija.
Lejn l-aħħar ta' ħajtu kien residenti fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana. Jum biss qabel mewtu, nhar is-16 ta' Novembru 2002, ir-remake tas-serje Il-Madonna taċ-Ċoqqa bi produzzjoni ta' Hermann Bonaci Productions li kien ixxandar ftit xhur qabel fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista Super One Television, rebaħ il-premju għall-Aħjar Drama Televiżiv ta' dik is-sena.
Xogħlijiet
immodifikaDrammi
immodifika- Salib ħaddieħor
- Ruħ Imxekkla
- L-Għarajjes
- Id-Dar il-Kbira
- Nebħ il-hemm
- Ħaddieħor
- L-Għarusa (1964)
- Kollox bis-sod
- Il-Maskri tar-Ruħ
- Magħkom nibqa'
- L-Għajn
- Ebda Jies
- L-Ixkora
- Ir-raġel li kienet tħobb (1954)
- Kemm Għaġġel! (1956)
- L-Ewwel Jien (1963)
- Il-Martri tal-Uganda (1964)
- Erwieħ Marbuta (1966)
- Il-Madonna taċ-Ċoqqa (1979) - teledramm
Novelli
immodifika- Serenata
- Il-Ġnien
- Kif sar sinjur
- Il-Qanpiena misħuta
- Qrara ta' mejta
- Iz-Zija Tonin jagħmel biċċa xogħol
- Qatel lil Martu
- L-Kagħka tas-Sinjura Kamilla
- Dak li nħallu warajna
- Missieri u ħija u ommi
- Gaspard imfejjaq
- Sidtna ta' Guadalupe
- Il-Milied ta' Kelinu
- Tancredi
- Rica u Tancredi
- It-Tfajla li pinġiet imrewħa
- Seba' Sigħat
- Pjanista u Mara
- Dinja Tiegħu
- Ulied il-Qanfud