Ċikli ta' affreski tas-seklu 14 ta' Padova
Iċ-Ċikli ta' affreski tas-seklu 14 ta' Padova huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Padova, l-Italja, mill-2021.[1]
Is-sit jinkludi tmien binjiet, kemm reliġjużi kif ukoll lajċi, miġbura f'erba' raggruppamenti. Dawn il-binjiet fihom ċikli ta' affreski li ġew impittrin bejn l-1302 u l-1397 minn diversi pitturi prominenti: Giotto, Guariento di Arpo, Giusto de' Menabuoi, Altichiero da Zevio, Jacopo d'Avanzi, u Jacopo da Verona.[2] L-affreski huma innovattivi fil-mod kif iħaddnu narrattiva allegorika u jużaw mod ġdid kif tintwera l-perspettiva. L-emozzjonijiet tal-karattri fl-affreski jintwerew b'mod realistiku. F'xi affreski, il-patrun li kkummissjonahom jintwera bħala wieħed mill-karattri fi ġrajja. Dan l-istil ġdid ta' affreski fforma l-bażi ta' ispirazzjoni għal sekli sħaħ ta' xogħol tal-affreski fir-Rinaxximent Taljan u lil hinn.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċikli ta' affreski tas-seklu 14 ta' Padova huma lista ta' tmien binjiet bl-affreski li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-24 ta' Lulju 2021 matul l-44 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji li saret f'Fuzhou, iċ-Ċina.[1] Inizjalment dan is-sit kien ġie nnominat bit-titlu ta' "Padova Urbs Picta" iżda l-Kumitat issuġġerixxa li l-isem jinbidel. Is-sit ġie ddeżinjat bħala sit kulturali peress li "juri mod ġdid għalkollox ta' kif tiġi rrappreżentata n-narrattiva fil-pittura, bi prospettivi ġodda ta' spazju influwenzati mill-progressi tax-xjenza tal-ottika u kapaċità ġdida ta' rappreżentazzjoni tal-figuri umani bil-karatteristiċi kollha tagħhom, inkluż is-sentimenti u l-emozzjonijiet. Dawn l-innovazzjonijiet jirrappreżentaw era ġdida fl-istorja tal-arti, u ħolqu bidla irreżistibbli fid-direzzjoni tal-istorja tal-arti".[3]
Għalkemm twettqu minn artisti differenti u f'binjiet differenti b'diversi funzjonijiet, l-affreski tas-seklu 14 għandhom stil u kontenut komuni. Il-mudell ta' dawn l-affresk nistgħu ngħidu li huwa l-opra tal-arti ta' Giotto fuq ġewwa tal-Kappella tal-familja Scrovegni. Dawn il-pitturi mal-ħitan jirrappreżentaw il-bidu ta' rivoluzzjoni ġdida fl-istorja tal-pittura u juru kif it-teknika tat-tpittir tal-affreski, imqanqla minn impetu kreattiv u studji dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ispazji, evolviet tul seklu sħiħ.[2]
Lista ta' siti
immodifikaDan is-Sit ta' Wirt Dinji huwa magħmul minn tmien binjiet f'erba' raggruppamenti:
Ismijiet | Ritratt | ID | Daqs |
---|---|---|---|
il-Kappella tal-familja Scrovegni u l-Knisja tal-Eremitani | 1623-001 | 7.18 ettari | |
il-Palazzo della Ragione, il-Kappella tal-Palazz tal-Carraresi, u l-Battisterju tal-Katidral | 1623-002 | 7.34 ettari | |
il-Bażilika u l-Monasteru ta' Sant'Antnin, u l-Oratorju ta' San Ġorġ | 1623-003 | 5.19 ettari | |
l-Oratorju ta' San Mikiel | 1623-004 | 0.25 ettari |
Referenzi
immodifika- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Padua's fourteenth-century fresco cycles". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-02.
- ^ a b "I Cicli Affrescati del XIV secolo di Padova" (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-02.
- ^ "Padova Urbs Picta entra nel patrimonio mondiale Unesco". Il Bo Live UniPD (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-02.