Yagul
Yagul huwa sit arkeoloġiku u eks belt-stat assoċjat maċ-ċivilizzazzjoni Żapoteka tal-Mesoamerka pre-Kolumbjana, li jinsab fl-istat Messikan ta' Oaxaca. Is-sit ġie ddikjarat bħala wieħed mill-erba' Monumenti Naturali tal-pajjiż fit-13 ta' Ottubru 1998.[1] Is-sit huwa magħruf lokalment ukoll bħala Pueblo Viejo (Villaġġ Antik) u kien okkupat fi żmien il-Konkwista Spanjola. Wara l-Konkwista, il-popolazzjoni ġiet rilokata fir-raħal modern fil-qrib ta' Tlacolula fejn għadhom jgħixu d-dixxendenti tagħhom.[2][3]
Il-belt-stat ta' Yagul ġiet okkupata għall-ewwel darba għall-ħabta tal-500-100 Q.K. Lejn il-500-700 W.K., inbnew strutturi residenzjali, ċiviċi u ċerimonjali fis-sit. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dak li għadu viżibbli llum il-ġurnata jmur lura għall-1250-1521 W.K., meta s-sit kien jintuża bħala l-belt kapitali ta' belt-stat Postklassika.[4]
Is-sit ġie skavat fis-snin 50 u 60 tas-seklu 20 mill-arkeologi Ignacio Bernal u John Paddock.[5]
Fdalijiet ta' abitazzjoni umana fiż-żona, b'mod partikolari tpittir fuq l-irdumijiet f'Caballito Blanco, imorru lura għal mill-inqas it-3000 Q.K. Wara l-abbandun ta' Monte Albán għall-ħabta tat-800 W.K., l-abitanti tar-reġjun stabbilew lilhom infushom f'diversi ċentri żgħar bħal Lambityeco, Mitla u Yagul stess.[1]
Yagul ġejja mil-lingwa Żapoteka, u hija ffurmata minn ya (siġra) u gul (antika), jiġifieri tfisser litteralment "siġra antika".[1][2]
Pożizzjoni
immodifikaYagul jinsab ftit 'il bogħod mill-Awtostrada 190 bejn il-belt ta' Oaxaca u Mitla, madwar 36 kilometru minn Oaxaca. Is-sit jinsab fuq għolja vulkanika mdawra b'art għammiela fil-parti ta' Tlacolula tal-Wied ta' Oaxaca.[6] Ix-xmara Salado tnixxi lejn in-Nofsinhar.
Storja
immodifikaL-okkupazzjoni f'Yagul tmur lura saħansitra għall-perjodu Preklassiku Nofsani sal-perjodu Preklassiku Aħħari. Oqbra elaborati tal-perjodu Preklassiku ġew skavati f'Yagul, akkumpanjati minn reċipjenti taċ-ċeramika bl-effiġji, li jindikaw l-influwenza ta' Monte Albán fuq l-elit lokali li kulma jmur bdiet tiżdied.[7]
Fil-perjodu Postklassiku Aħħari, immedjatament qabel il-Konkwista Spanjola, il-belt-stat ta' Yagul kellha popolazzjoni ta' iktar minn 6,000 ruħ.[8]
Deskrizzjoni
immodifikaYagul huwa wieħed mill-iżjed siti arkeoloġiċi studjati fil-Wied ta' Oaxaca. L-isem ta' dan iċ-ċentru Preispaniku importanti jfisser litteralment "Siġra Antika". Is-sit huwa stabbilit madwar għolja, u jista' jinqasam fi tliet żoni prinċipali: il-fortizza, iċ-ċentru ċerimonjali u ż-żoni residenzjali.[9] Il-ġebla tal-kostruzzjoni f'Yagul fil-biċċa l-kbira hija ġebla komuni mix-xmara ffurmata mill-blat vulkaniku bħall-bażalt. F'Yagul instabu madwar 30 qabar, uħud minnhom mibnija bħala pari. Ftit minnhom għandhom kitbiet ġeroglifiċi fuqhom.[10]
Fortizza
immodifikaIl-fortizza tinsab fil-quċċata tal-irdumijiet fil-Grigal tas-sit u hija protetta minn ħitan naturali u artifiċjali. Tinsab f'punt panoramiku eċċellenti għall-għassa tal-Wied ta' Tlacolula kollu. Għandha diversi postijiet li llum il-ġurnata jintużaw bħala punti panoramiċi tas-sit u tal-pajsaġġ tal-madwar, inkluż wieħed li tasal għalih permezz ta' pont dejjaq.[11]
Żona residenzjali
immodifikaIż-żona residenzjali, ħafna minnha mhux skavata, tinsab fuq ir-raba' mtarraġ tan-Nofsinhar. Ir-residenza tal-perjodu Klassiku jinsabu fil-Majjistral taċ-ċentru ċerimonjali skavat u r-residenzi Postklassiċi ta' klassi inferjuri jingħad li jinsabu madwar il-qalba tas-sit.
Ċentru ċerimonjali
immodifikaIċ-ċentru ċerimonjali ġie skavat fl-1974 minn Bernal u Gamio. Jinkludi l-maġġoranza l-kbira ta' dak li ġie skavat u li hu viżibbli llum il-ġurnata. Iċ-ċentru ċerimonjali jikkonsisti minn għadd ta' terrazzi kkonfinati b'arkitettura monumentali, u jinkludi wkoll post għal-logħba tal-ballun tradizzjonali u kumpless residenzjali tal-elit.[12] Fost l-istrutturi f'din iż-żona nsibu:
- L-ispazju miftuħ għal-logħba tal-ballun tradizzjonali: dan l-ispazju rrestawrat għandu orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent u huwa l-ikbar wieħed fil-Wied ta' Oaxaca. Ras ta' serp imnaqqax, li attwalment jinsab fil-Mużew Reġjonali f'Oaxaca, instab imwaħħal mal-parti ta' fuq tal-ħajt tan-Nofsinhar.[13] L-ispazju miftuħ għal-logħba tal-ballun tradizzjonali nbena fil-perjodu Klassiku bejn il-500 u s-700 W.K., u mbagħad twessa' bejn is-700 u d-900 W.K. Għandu tul totali ta' 47 metru u għalqa ċentrali ta' 30 metru, b'wisa' ta' sitt metri.[14]
- Il-Palazz tas-Sitt Terrazzi: din l-istruttura qisha labirint hija magħmula minn kumpless elaborat ta' passaġġi u bosta kmamar. Il-palazz huwa magħmul minn tliet kumplessi tal-elit, kull wieħed b'żewġ terrazzi mdawra bil-kmamar. F'kull par terrazzi, dik tat-Tramuntana x'aktarx li kien tintuża bħala residenza filwaqt li dik tan-Nofsinhar x'aktarx li kienet tintuża bħala żona amministrattiva. F'kull terrazza hemm daħla għal qabar. L-istess konfigurazzjoni tinstab fis-sit ta' Mitla fil-qrib, għalkemm iż-żewġ siti x'aktarx li kienu indipendenti. Il-ħitan huma magħmula minn ġebel u stukko bit-tafal fin-nofs, l-artijiet kienu magħmula bi stukko aħmar.[15] It-Terrazza F hija kemxejn differenti mill-oħrajn fil-kumpless għaliex kienet tagħti għal fuq l-ispazju miftuħ tal-logħba tal-ballun tradizzjonali u għall-kumplessi tat-terrazza t'isfel. Milli jidher kellha funzjoni iktar pubblika. Kellha bank baxx fi ħdan kamra li kien ikun viżibbli għaż-żoni ta' taħt u b'hekk it-terrazza jaf kienet maħsuba biex tilqa' l-viżitaturi. Il-kumpless tal-palazz kien jinkludi wkoll tempju.[16]
- It-Terrazza Nru 1: din hija spazju miftuħ kbir eżatt fix-Xlokk tal-Palazz tas-Sitt Terrazzi. Fiha kmamar fuq in-naħat kollha għajr fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Eżatt fin-Nofsinhar tat-Terrazza Nru 1 hemm tempju.
- It-Terrazza Nru 4: din tinsab fix-Xlokk tal-ispazju miftuħ għal-logħba tal-ballun tradizzjonali u hija parti minn kumpless ta' tempju-terrazza-artal iffurmat minn erba' tumbati madwar artal ċentrali. Kienet tintuża mill-inqas mill-perjodu Klassiku sal-perjodu Postklassiku. Skultura ta' żrinġ bħala effiġju tinsab fil-bażi tat-tumbata tal-Lvant.
- Il-Qabar Nru 30: dan il-qabar Postklassiku jinsab taħt it-Terrazza Nru 4. Huwa maqsum fi tliet kompartimenti b'panewijiet imżejnin. Il-kompartiment prinċipali għandu faċċata mżejna b'żewġt irjus imnaqqxa fil-ġebel. Id-daħla għall-qabar hija ħaġra tal-ġebel b'kitbiet ġeroglifiċi mnaqqxa fuq iż-żewġ naħat.
- Il-Kamra tal-Kunsill: din hija kamra twila u dejqa b'orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent, li tinsab fin-Nofsinhar ta' "triq" dejqa. Xi darba kienet imżejna b'mużajk tal-ġebel u wieħed kien jidħol għaliha permezz ta' taraġ mit-Terrazza Nru 1, li tinsab eżatt lejn in-Nofsinhar. Id-daħla hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet permezz ta' żewġ pilastri wesgħin żewġ metri kull wieħed. Minħabba n-natura mhux residenzjali tagħha u n-nuqqas ta' santwarju jew ta' tempju, din il-kamra jingħad li kellha funzjoni amministrattiva.[17]
- It-Triq Imżejna: din it-"triq" dejqa għandha orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent bejn il-Palazz tas-Sitt Terrazzi fit-Tramuntana u l-Kamra tal-Kunsill fin-Nofsinhar. Il-ħajt tan-Nofsinhar tagħha huwa twil iktar minn 40 metru u kien imżejjen b'mużajk tal-ġebel ġeometriku, simili għal dak ta' Mitla.
- Il-Binja U: din il-binja nbniet fuq pjattaforma artifiċjali fil-parti tat-Tramuntana tas-sit. Taħtha hemm qabar. Wieħed jasal għall-binja permezz ta' taraġ lejn in-Nofsinhar u tgawdi minn veduta tajba tal-biċċa l-kbira tas-sit.
Is-sit ta' Yagul jieħu ħsiebu l-Instituto Nacional de Antropología e Historia (l-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja) u huwa miftuħ għall-pubbliku.
Monument Naturali ta' Yagul
immodifikaYagul ġie ddeżinjat bħala Monument Naturali tal-pajjiż fl-1999 mill-Gvern Messikan. Il-monument għandu erja ta' 10.76 km2. Jiġi amministrat mill-Kummissjoni Nazzjonali taż-Żoni Naturali Protetti (CONANP).[18]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-sit arkeoloġiku ta' Yagul huwa inkluż fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Għerien Preistoriċi ta' Yagul u Mitla fil-Wied Ċentrali ta' Oaxaca" li ġie ddeżinjat fl-2010 filwaqt li s-sit arkeoloġiku ta' Mitla mhuwiex inkluż. Is-sit ta' Yagul huwa inkluż peress li jinsab qrib ħafna tat-tpittir preistoriku fuq l-irdumijiet, li fl-imgħoddi kienu l-ħitan ta' għerien li maż-żmien ċedew.[19]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[19]
Biblijografija
immodifika- Adams, Richard E.W. (1996). Prehistoric Mesoamerica (Revised ed.). Norman: University of Oklahoma Press. ISBN 0-8061-2834-8. OCLC 22593466.
- INAH [Instituto Nacional de Antropología e Historia] (1973). The Oaxaca Valley: Official Guide (5th ed.). México, D.F.: INAH. OCLC 1336526.
- Joyce, Arthur A. (2010). Mixtecs, Zapotecs, and Chatinos: Ancient Peoples of Southern Mexico. Chichester, West Sussex, UK.: Wiley-Blackwell. ISBN 978-0-631-20978-2. OCLC 318057918.
- Kowalewski, Stephen A.; Gary M. Feinman; Laura Finsten; Richard E. Blanton (1991). "Pre-Hispanic Ballcourts from the Valley of Oaxaca, Mexico". In Vernon Scarborough; David R. Wilcox (eds.). The Mesoamerican Ballgame. Tucson: University of Arizona Press. ISBN 0-8165-1360-0. OCLC 51873028.
- Winter, Marcus (1998). Oaxaca: The Archaeological Record. Indian peoples of Mexico series. Alberto Beltrán (illus.) (2nd ed.). México, D.F.: Minutiae Mexicana. ISBN 968-7074-31-0. OCLC 26752490.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ INAH, Mediateca. "Yagul. Oaxaca, México". lugares.inah.gob.mx (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.
- ^ a b Winter 1998, p. 119.
- ^ Adams 1996, p. 333.
- ^ Winter 1998, pp. 72, 75.
- ^ Winter 1998, p. 6.
- ^ Joyce 2010, pp. 271-272.
- ^ Joyce 2010, p. 147.
- ^ Joyce 2010, p. 271
- ^ INAH 1973, p.38.
- ^ INAH 1973, pp. 38, 40.
- ^ Winter 1998, p. 120.
- ^ Joyce 2010, p. 272
- ^ INAH 1973, pp. 38-39.
- ^ Kowalewski et al. 1991, p. 29.
- ^ INAH 1973, p. 39.
- ^ Joyce 2010, p. 273.
- ^ INAH 1973, p. 40.
- ^ "Protected Planet | Yagul". Protected Planet. Miġbur 2022-08-18.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Prehistoric Caves of Yagul and Mitla in the Central Valley of Oaxaca". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.