Waqgħa tal-Avro Lancaster f'Ħal-Luqa fl-1952
Il-waqgħa tal-Avro Lancaster f'Ħal Luqa tal-1952 kienet inċident tal-avjazzjoni militari li seħħ f'Malta fit-30 ta' Diċembru 1952 meta bomber tat-tip Avro Lancaster ġġarraf ftit wara t-tluq mill-ajruport tal-RAF Luqa f'żona residenzjali f'Ħal Luqa. Tlieta mill-erba’ membri tal-ekwipaġġ abbord l-ajruplan u nies oħra fl-art inqatlu. It-tiġrif ikkawża wkoll ħsarat estensivi fil-proprjetà. Il-kawża tal-inċident kienet ħsara fil-magna.
Sfond
immodifikaL-ajruplan involut fl-inċident kien Avro Lancaster ASR III, inġenju tal-ajru tat-Tiftix u Salvataġġ (SAR), numru tas-serje SW344 . L-ajruplan kien inbena matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u wara li spiċċa l-kunflitt ġie modifikat għat-tfittxija u s-salvataġġ marittimu. Ġie kkonsenjat lin-No. 37 Squadron RAF f'April 1951. Dan it-tip ta' ajruplani kienu meqjusa skaduti sal-1952, u l-iskwadra kienet qed tippjana li tissostitwixxi l-Lancasters tagħha ma' Avro Shackletons fl-1953.[1]
L-ekwipaġġ tal-ajruplan kien magħmul mill-bdot John C.E. Smith, mill-kopilota Charles Glanville, mill-operatur tar-radju John Crawford Logan u mill-inġinier tat-titjira Wilfred Morris. Kienet l-ewwel titjira ta’ Glanville bħala kaptan.[1]
Inċident
immodifikaDakinhar tal-inċident, l-ajruplan kellu jieħu sehem f’titjira ta’ taħriġ. Wara li saru l-kontrolli ta’ rutina, il-magna tal-ajruplan inxtegħtet u dan resaq lejn ir-Runway 06 tal-RAF Luqa. Fil-11.40am, hekk kif kienet qed jagħmel it-tlugħ, il-magna Rolls-Royce Merlin ta’ ġewwa tal-port bdiet tintafa b’mod intermittenti, u l-magna waqfet taħdem għal kollox hekk kif l-ajruplan inqata' mill-art.[1]
Bi tlieta mill-erba’ magni għadhom jaħdmu, Smith ħa f’idejh il-kontroll tal-ajruplan u pprova jirritorna lejn l-ajruport biex jagħmel inżul ta’ emerġenza. Madankollu, il-veloċità tal-ajruplan kienet bil-mod wisq, l-altitudni tiegħu kienet baxxa wisq u kien qed idur lejn il-lemin, u inqas minn tliet minuti wara t-tluq ħabat f’żona residenzjali ta’ Ħal Luqa.[1]
L-ajruplan ħabat ma' dar u mbagħad waqa' fi Triq San Ġorġ, u fil-proċess laqat tliet djar oħra. L-ajruplan imbagħad ħa n-nar, u xi biċċiet minnu waqgħu fi Triq il-Ġdida. Id-denb tal-ajruplan niżel f’sit ta’ bini fejn kienet qed tinbena mill-ġdid dar li kienet ġarbet ħsara tal-gwerra, filwaqt li partijiet mill-ġwienaħ u l-magni niżlu fuq id-djar, fil-ġonna jew fit-triq fl-inħawi. Il-ħabta ħalliet traċċa ta’ qerda ta’ madwar 275 metres (902 ft), u numru ta' djar sofrew ħsarat kbar jew ġew meqruda.[1]
Sforzi ta' salvataġġ u rkupru
immodifikaL-operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ saret inizjalment minn pompieri mill-RAF Luqa u l-pulizija ta’ Malta. Salvataġġi oħra waslu fuq il-post tal-inċident ftit wara, inklużi timijiet mill-RAF Ħal Far u RAF Ta' Qali u mid-Tarzna Navali. Paramediċi u speċjalisti Brittaniċi kif ukoll persunal tan-Navy tal-Istati Uniti li kienu bbażati f’Ħal Far offrew ukoll l-ewwel għajnuna lill-vittmi.[1]
Tlieta mill-erba’ membri tal-ekwipaġġ fuq il-Lancaster baqgħu ħajjin mill-ħabta inizjali iżda weġġgħu gravi. Tnejn minnhom mietu l-isptar fi ftit sigħat mill-ħabta jew l-għada, u b’hekk il-pilota Smith kien l-unika wieħed li baqa' ħaj. Persuna minn Ħal Luqa sofriet ħruq gravi minħabba nar mill-fjuwil f’waħda mill-ġwienaħ tal-ajruplan li niżlet fil-ġnien tagħha. Hija ttieħdet l-Isptar San Luqa, fejn mietet fl-1 ta’ Jannar 1953. Mill-inqas żewġ persuni oħra sofrew ħruq inqas gravi u ttieħdu wkoll l-isptar.[1]
Wara
immodifikaWara l-ħabta, iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida fl-RAF Luqa ġew imħassra b'sinjal ta' rispettati lejn il-vittmi. Tnejn mill-membri tal-ekwipaġġ ġew midfuna fiċ-Ċimiterju Militari tal-Imtarfa fit-2 ta’ Jannar 1953, filwaqt li l-fdalijiet tal-operatur tar-radju Crawford Logan ittajru lejn l-Iskozja u ġew midfuna hemmhekk. Il-mara minn Ħal Luqa li mietet minħabba l-ġrieħi tagħha ndifnet fiċ-ċimiterju tal-parroċċa ta’ Ħal Luqa.[1]
It-tiġrif irriżulta fi ħsarat estensivi f’numru ta’ binjiet, fejn 14-il proprjetà sofriet xi forma ta’ ħsara. Perit maħtur mill-qorti u Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi stħarreġ l-ħsara fil-bini u s-servizzi rispettivament. Waħda mill-familja li d-dar tagħha ġarrbet ħsarat serji ngħatat akkomodazzjoni alternattiva f’bini li kien inbena biex jilqa’ l-għassa tal-pulizija ta’ Ħal Luqa. Dakinhar tal-inċident, l-uffiċjal kmandant fir-RAF Luqa bagħat ċekk ta’ £25 [a] mill-AOC Benevolent Fund lill-kappillan ta’ Ħal Luqa bħala għajnuna inizjali għall-vittmi. Aktar tard l-RAF kienet lesta li tħallas kumpens ex gratia, iżda mhux daqs kemm kien mitlub minn dawk li kienu tilfu l-proprjetà fl-inċident. Il-Kap tal-Partit Laburista Dom Mintoff għamel kampanja biex jingħata kumpens adegwat, u eventwalment il-Claims Commissiioin għamlet rapport li ta kumpens ibbażat fuq evalwazzjonijiet tal-esperti tal-qorti.[1]
Wieħed mill-ewwel ħaddiema li waslu fis-sit tal-inċident, il-kap tas-sezzjoni tan-nar tal-RAF Luqa Cecil F. Harrison, ingħata l-Midalja tal-Imperu Brittaniku fl-1 ta’ Settembru 1953 għall-ħidma tiegħu waqt is-salvataġġ. Huwa kien skopra żewġ membri tal-ekwipaġġ li ġew mitfugħa 'l barra mill-ajruplan, u kkonforthom fost fdalijiet ta' ħruq u għajjat sakemm waslet aktar għajnuna.[1]
Investigazzjoni
immodifikaSaret inkjesta uffiċjali u nstab li s-Surġent tat-Titjira Smith ma kienx responsabbli li kkawża l-inċident.[1]
Memorja
immodifikaM'hemm l-ebda monument jew sinjal ta' kommemorazzjoni li jfakkar dan l-inċident.[1]
Ara ukoll
immodifikaNoti
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ i Caruana, Richard (30 December 2012). "60 years ago: Lancaster crashes into Luqa village". Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-15 February 2020.
- ^ "Five Ways to Compute the Relative Value of a UK Pound Amount, 1270 to Present". MeasuringWorth.com (bl-Ingliż). 2024. Miġbur 14 Jannar 2024.