Tumbati Ċerimonjali tal-Ħamrija ta' Hopewell
It-Tumbati Ċerimonjali tal-Ħamrija ta' Hopewell, magħrufa wkoll bħala l-Park Storiku Nazzjonali tal-Kultura ta' Hopewell, huma park storiku nazzjonali tal-Istati Uniti b'għadd ta' tumbati tal-ħamrija u ta' tumbati funebri tal-kultura ta' Hopewell, poplu indiġenu li ffjorixxa mill-ħabta tal-200 Q.K. sal-500 W.K. Il-park huwa magħmul minn erba' siti separati li huma miftuħa għall-pubbliku fil-Kontea ta' Ross, Ohio, inkluż l-eks Monument Nazzjonali tal-Grupp tal-Belt tat-Tumbati. Il-park jinkludu riżorsi arkeoloġiċi tal-kultura ta' Hopewel u jiġi amministrat mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali tad-Dipartiment tal-Intern tal-Istati Uniti. It-tumbati tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1][2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-Tumbati Ċerimonjali tal-Ħamrija ta' Hopewell ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Komponenti
immodifikaIl-Park Storiku Nazzjonali tal-Kultura ta' Hopewell jikkonsisti minn erba' komponenti ġeografikament separati li huma miftuħin għall-pubbliku:[3]
- il-Grupp tal-Belt tat-Tumbati huwa s-sit fejn hemm iċ-ċentru għall-viżitaturi u huwa l-uniku sit tal-kultura ta' Hopewell li ġie rrestawrat kollu. Jinsab f'16062 State Route 104, Chillicothe, OH 45601;
- it-Tumbati tal-Ħamrija ta' Seip, li jinsabu f'7078 US Route 50, Bainbridge, OH 45612;
- il-Grupp tat-Tumbati tal-Kultura ta' Hopewell, li jinsab f'4731 Sulphur Lick Rd., Chillicothe, OH 45601;
- it-Tumbati tal-Ħamrija ta' Hopeton, li jinsabu f'990 Hopeton Road, Chillicothe, OH 45601.
Storja
immodifikaKultura ta' Hopewell
immodifikaMill-ħabta tal-200 Q.K. sal-500 W.K., il-wied tax-xmara Ohio kien żona ċentrali tal-kultura preistorika ta' Hopewell. It-terminu "kultura ta' Hopewell" (meħud mis-sid tal-art ta' wieħed mill-kumplessi tat-tumbati tal-ħamrija) jiġi applikat għal network wiesa' ta' twemmin u ta' prattiki fost popli Amerikani Nattivi differenti li abitaw parti kbira mil-Lvant tal-Amerka ta' Fuq. Il-kultura hija kkaratterizzata mill-kostruzzjoni ta' żoni mdawwra b'ħitan tal-ħamrija u tat-tajn, spiss mibnija b'mudelli ġeometriċi, u ta' tumbati tal-ħamrija b'diversi għamliet. Fdalijiet viżibbli tal-kultura ta' Hopewell huma kkonċentrati fil-wied tax-xmara Scioto qrib fejn illum hemm Chillicothe, Ohio.
L-iżjed komponenti tal-kultura ta' Hopewell li jispikkaw fihom tumbati tal-ħamrija b'għamliet kwadri, ta' ċrieki, u b'għamliet ġeometriċi oħra. Bosta minn dawn is-siti nbnew fuq skala monumentali, b'ħitan tal-ħamrija għoljin sa 12-il pied (3.7 metri) li joħolqu l-kontorn ta' figuri ġeometriċi wesgħin iktar minn 1,000 pied (300 metru). It-tumbati tal-ħamrija b'għamla konika u qisha ta' ħobża għoljin sa 30 pied (9.1 metri) spiss jinsabu assoċjati mal-istrutturi ġeometriċi tal-ħamrija. Il-bennejja tagħhom kellhom għarfien dettaljat dwar il-ħamrija lokali, u użaw tipi differenti ta' ħamrija biex jipprovdu l-aħjar stabbiltà għax-xogħlijiet. Il-kostruzzjoni kienet teħtieġ ix-xogħol organizzat ta' eluf ta' sigħat ta' bosta nies, peress li kollox kien isir bl-idejn u n-nies kienu jġorru l-ħamrija fi qfief minsuġa bl-idejn.
Il-Belt tat-Tumbati, li tinsab mal-Awtostrada ta' Ohio Nru 104, madwar 4 mili (6.4 kilometri) fit-Tramuntana ta' Chillicothe tul ix-xmara Scioto, hija grupp ta' 23 tumbata tal-ħamrija li nbnew mill-kultura ta' Hopewell. Kull tumbata fi ħdan il-grupp kienet tordom il-fdalijiet ta' kompartiment b'bosta difniet. Wara li l-kultura ta' Hopewell kienet twettaq il-kremazzjoni tal-mejtin, imbagħad il-kompartiment bil-mejtin kien jingħata n-nar. Il-kultura ta' Hopewell kienet tibni tumbata tal-ħamrija fuq dawn il-fdalijiet u fit-tumbati kienu jpoġġu wkoll xi artefatti, bħala figurini tar-ram, mika, ponot li jaqtgħu u pipi.
Skoperta u protezzjoni
immodifikaL-Amerikani Ewropej immappjaw is-sit għall-ewwel darba fis-snin 40 tas-seklu 19. L-arkeologi Ephraim George Squier u Edwin Hamilton Davis kienu l-ewwel skavaturi tas-sit u sabu kollezzjoni kbira ta' artefatti fit-tumbati tal-ħamrija li issa hija ppreservata fil-Mużew Brittaniku. Il-biċċa l-kbira tas-sit inqered matul l-Ewwel Gwerra Dinjija meta l-Armata tal-Istati Uniti bniet bażi għat-taħriġ militari, il-Kamp Sherman, fuq is-sit. Wara l-gwerra, l-armata qerdet il-kamp. Is-Soċjetà Storika ta' Ohio wettqet skavi arkeoloġiċi tas-sit mill-1920 sal-1922, segwiti mir-rikostruzzjoni tat-tumbati tal-ħamrija. Fl-1923, id-Dipartiment tal-Intern iddikjara l-Grupp tal-Belt tat-Tumbati bħala Monument Nazzjonali, li kellu jiġi amministrat mill-gvern federali.
Fl-1992, il-Grupp tal-Belt tat-Tumbati tkabbar u ngħata l-isem ġdid ta' Park Storiku Nazzjonali tal-Kultura ta' Hopewell. Id-definizzjoni tiegħu kienet tinkludi l-fdalijiet ta' erba' sistemi oħra ta' tumbati u strutturi oħra tal-ħamrija fil-qrib. Żewġ siti fil-Kontea ta' Ross jinsabu ftit mili 'l bogħod mill-Belt tat-Tumbati u huma miftuħin għall-pubbliku. It-Tumbati tal-Ħamrija ta' Seip jinsabu 17-il mil (27 kilometru) fil-Punent ta' Chillicothe mal-Awtostrada tal-Istati Uniti magħrufa bħala r-Rotta Nru 50. Il-Grupp tat-Tumbati tal-Ħamrija tal-Kultura ta' Hopewell huma s-sit tal-iskavi tal-1891 fl-art ta' Mordecai Hopewell (il-kultura ngħatat kunjomu). It-Tumbati tal-Ħamrija ta' Hopeton fuq in-naħa l-oħra tax-xmara Scioto River meta mqabblin mal-Belt tat-Tumbati u mal-Istrutturi tax-Xatt Għoli, huma magħluqin għall-pubbliku.
Is-Soċjetà Storika ta' Ohio tieħu ħsieb ukoll għadd ta' sistemi ta' tumbati u ta' strutturi elaborati tal-ħamrija fin-Nofsinhar ta' Ohio, inkluż l-Għeliem Storiċi Nazzjonali ta' Fort Ancient, it-Tumbati tal-Ħamrija ta' Newark u t-Tumbata tal-Ħamrija b'Għamla ta' Serp. Ħmistax-il kumpless bit-tumbati tal-ħamrija li kienu ġew identifikati qabel fil-kontea ntilfu minħabba l-agrikoltura jew l-iżvilupp urban.
Il-park nazzjonali għandu riżorsi arkeoloġiċi sinifikanti nazzjonalment, inkluż kumplessi kbar bi strutturi u bit-tumbati tal-ħamrija. Dawn jagħtu ħjiel dwar il-ħajja soċjali, ċerimonjali, politika u ekonomika kumplessa tal-poplu Hopewell.[4]
Iċ-ċentru għall-viżitaturi tal-park jinkludi filmat ta' orjentazzjoni, żona għall-bejgħ tal-kotba u żjarat awtogwidati.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ "Hopewell Ceremonial Earthworks". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-09.
- ^ "Ohio's-Hopewell-Ceremonial-Earthworks-are-a-UNESCO-World- Heritage-site : NPR". web.archive.org. 2024-02-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2024-02-09. Miġbur 2024-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Chillicothe, Mailing Address: 16062 State Route 104; Us, OH 45601 Phone: 740 774-1125 Contact. "Places - Hopewell Culture National Historical Park (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-09.
- ^ "The US' 2,000-year-old mystery mounds". www.bbc.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-09.