Tsodilo

sit arkeoloġiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Botswana

Tsodilo jew l-Għoljiet ta' Tsodilo (bit-Tswana: Lefelo la Tsodilo) huwa sit bl-għoljiet li jikkonsisti minn arti fuq il-blat, postijiet imkennija bil-blat, depressjonijiet u għerien fil-Botswana, fin-Nofsinhar tal-Afrika. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001 bis-saħħa tal-importanza reliġjuża u spiritwali unika tas-sit għan-nies lokali, kif ukoll bis-saħħa li huwa xhieda unika tal-insedjament uman tul bosta millenji.[1] L-UNESCO tistima li hemm iktar minn 4,500 tpittir fuq il-blat fis-sit. Is-sit huwa magħmul minn ftit għoljiet prinċipali magħrufa bħala l-Għolja tal-Wild, l-Għolja Femminili u l-Għolja Maskili.

It-tpittir aħmar fuq il-blat ta' Tsodilo.

Ġeografija

immodifika
 
Mappa tal-Botswana.

Hemm erba' għoljiet prinċipali fi ħdan is-sit. L-ogħla waħda hija 1,400 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, u hija wieħed mill-ogħla punti fil-Botswana. L-erba' għoljiet spiss jiġu deskritti bħala l-Għoljiet "Maskili" (l-ogħla), "Femminili", "tal-Wild", u oħra żgħira mingħajr isem.[2] Dawn jinsabu madwar 40 kilometru minn Shakawe u wieħed jista' jasal għalihom permezz ta' triq imħarbta f'kundizzjoni pjuttost tajba.

Bejn l-ikbar żewġ għoljiet hemm sit ġestit tal-kampeġġ, bix-xawers u bit-tojlits. Dan jinsab qrib l-iżjed tpittir famuż tal-poplu San fis-sit, magħruf bħala l-panew ta' Laurens van der Post, f'ġieħ il-kittieb tal-Afrika t'Isfel li ddeskriva t-tpittir għall-ewwel darba fil-ktieb tiegħu tal-1958 The Lost World of the Kalahari (Id-Dinja Mitlufa tal-Kalahari). Barra minn hekk, hemm mużew żgħir u mitjar qrib is-sit tal-kampeġġ.

Arkeoloġija

immodifika
 
Il-panew ta' Laurens van der Post fl-2006.

Il-bniedem uża l-Għoljiet ta' Tsodilo għat-tpittir u għar-ritwali għal eluf ta' snin. L-UNESCO tistima li l-għoljiet fihom 500 sit individwali li jirrappreżentaw eluf ta' snin ta' abitazzjoni umana. L-arti fuq il-blat tal-għoljiet ġiet ikkollegata mal-kaċċaturi-ġemmiegħa lokali. Huwa maħsub li l-antenati tal-poplu San ħolqu wħud mit-tpittir f'Tsodilo, u kienu wkoll dawk li insedjaw l-għerien u l-postijiet imkennija fil-blat. Hemm evidenza li l-popli Bantu kienu responsabbli għal uħud mill-opri tal-arti fl-għoljiet.[3] Uħud mit-tpittir imorru lura saħansitra għal 24,000 sena qabel il-preżent.[4]

Għar tar-Rinoċeront

immodifika
 
Ġiraffa mpittra fuq il-blat fl-Għoljiet ta' Tsodilo.

L-Għar tar-Rinoċeront jinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-Għolja Femminili u għandha żewġ ħitan prinċipali fejn jinsab it-tpittir. It-tpittir abjad tar-rinoċeront (li għalih ingħata isem l-għar) jinsab fuq il-ħajt tat-Tramuntana, u huwa maqsum bi tpittir ieħor ta' ġiraffa. L-iskavi tal-art tal-għar wasslu għal bosta materjali litiċi. F'dan l-għar ma nstabux il-qxur tal-bajd tan-nagħma, l-artefatti tal-għadam, il-bċejjeċ tal-fuħħar jew l-oġġetti tal-ħadid, iżda nstabu ftit frammenti ta' qxur tal-mongongo li nstabu f'saffi ta' Żmien il-Ħaġar Aħħari.

Il-karbonju maħruq li nstab matul l-iskavi jmur lura għal Żmien il-Ħadid Afrikan, għal Żmien il-Ħaġar Aħħari, u għal Żmien il-Ħaġar Nofsani. Il-biċċa l-kbira tal-artefatti tal-ġebel minn Żmien il-Ħaġar Aħħari kienu magħmula minn materjali lokali bħall-kwarz u d-djaspru. L-artefatti ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani mill-għar huma l-iktar ponot imħejjija x'aktarx ta' vleġeġ. Il-ponot instabu tipikament f'diversi stadji tal-produzzjoni, uħud abbandunati u wħud kompluti.

It-tpittir tal-Għar tar-Rinoċeront jinsab l-iktar mal-ħajt tat-Tramuntana, u sar b'lewn aħmar u oranġjo fl-aħmar, għajr ir-rinoċeront li sar b'lewn abjad. Madwar ir-rinoċeront u l-ġiraffa hemm diversi tpittir, l-iktar bl-aħmar, ta' disinni ġeometriċi. Fuq il-ħajt oppost tal-għar hemm vireg u xquq 'l isfel li tħaffru fil-blat. Dawn jaf tħaffru bl-użu ta' ġebel bħala mrietel jew bil-moli minn Żmien il-Ħaġar Aħħari li nstabu f'Tsodilo.

Tpittir Abjad

immodifika
 
Tqabbil tat-Tpittir Aħmar u Abjad fl-Għoljiet ta' Tsodilo.

L-arti fuq il-blat impittra bl-abjad f'Tsodilo hija assoċjata mal-popli Bantu. Ħafna mit-tpittir bl-abjad jinsab fil-Blat Imkenni bit-Tpittir Abjad, fuq l-Għolja Maskili. Apparti t-tpittir abjad hemm ukoll tpittir aħmar fil-blat imkenni. It-tpittir abjad juri annimali, kemm domestiċi kif ukoll selvaġġi, u figuri qishom ta' bnedmin. Il-figuri umani normalment ġew impittra b'idejhom fuq ġenbhom. Għadd minnhom jidhru rekbin iż-żwiemel, u jagħtu x'tifhem li tpittru mhux qabel nofs is-seklu 19, meta ż-żwiemel ġew introdotti għall-ewwel darba fl-inħawi.[5]

Id-dati li rriżultaw mill-karbonju maħruq, mill-qxur tal-bajd tan-nagħma, mill-kampjuni tal-għadam u mid-depożiti jvarjaw minn Żmien il-Ħaġar Nofsani għal Żmien il-Ħaġar Aħħari. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza li s-sit intuża matul il-perjodu storiku: buttuna tan-nylon u żibeġ Ewropej tal-ħġieġ instabu fis-saffi ta' fuq tal-iskavi fis-sit. Is-saff ta' Żmien il-Ħaġar Aħħari kienu jinkludu ġebel li kienu jintużaw bħala mrietel u moli, flimkien ma' artefatti tal-għadam u materjal mikrolitiku. Instabu wkoll bċejjeċ tal-fuħħar, żibeġ tal-qxur tal-bajd tan-nagħma u qxur tal-mongongo. Id-depożiti ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani kienu jinkludu xfafar tal-ġebel kif ukoll għodod litiċi oħra.

Tpittir Aħmar

immodifika
 
L-annimali mpittrin fuq il-blat.

L-Għoljiet ta' Tsodilo fihom firxa ta' arti fuq il-blat bl-aħmar; dan it-tpittir jista' jinstab madwar is-sit kollu. Fl-Għar tar-Rinoċeront, uħud mit-tpittir aħmar jidher eqdem mir-rinoċeront abjad. It-tpittir aħmar ta' hemmhekk, u ta' madwar Tsodilo, ġie attribwit lill-poplu San.

Sit tad-Depressjoni Mkennija tal-Blat

immodifika
 
Tpittir aħmar ta' rinoċeront.

Dan is-sit jinsab fuq in-naħa tal-Majjistral tal-Għolja Femminili, u ngħata dan l-isem mid-depressjonijiet li tħaffru fil-ħitan tal-blat. Flimkien ma' dawn il-marki hemm tpittir aħmar qisu ta' bhejjem, kif ukoll disinni ġeometriċi. Is-sit tad-depressjoni mkennija tal-blat, li ġie datat mill-kampjuni tal-karbonju maħruq, ġie okkupat għall-ewwel darba mill-inqas 30,000 sena ilu.

 
Figuri ta' rinoċeronti u annimal qisu baqra.

Mill-iskavi nstabu għodod tal-ġebel ta' Żmien il-Ħaġar Aħħari u artefatti ta' Żmien il-Ħadid. Il-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu fl-iżjed saffi fondi ġew datati li jmorru lura għas-seklu 1 W.K., u ġew affiljati mal-eqdem artefatti tal-ġebel li nstabu f'dawn l-inħawi. Instabu wkoll qxur tal-lewż mongongo f'diversi depożiti, inkluż fl-eqdem saffi, u b'hekk huma l-eqdem lewż mongongo li qatt instabu f'kuntest arkeoloġiku.[6]

Metallurġija

immodifika

L-Għoljiet ta' Tsodilo huma magħmula minn għadd ta' siti arkeoloġiċi. Tnejn minn dawn is-siti, magħrufa bħala Divuyu u Nqoma, fihom evidenza ta' artefatti tal-metall ta' Żmien il-Ħadid Bikri. Fiż-żewġ siti ġew skavati frammenti ta' ġojjellerija u għodo tal-metall magħmula mill-ħadid u/jew mir-ram. L-oġġetti tal-ġojjellerija kienu jinkludu ċappetti, żibeġ, imsielet, ċrieket u pendenti, filwaqt li l-għodod kienu jinkludu skalpelli, ponot tal-vleġeġ u saħansitra xfafar. Dawn iż-żewġ siti fihom teknoloġija simili ta' fabbrikazzjoni, iżda fihom stili differenti tal-produzzjoni tal-metall. Il-gagazza u t-tuyères milli jidher jindikaw li Divuyu u Nqoma jaf kienu żoni tat-tidwib tal-ħadid, u b'hekk jaf kienu wħud mill-ftit siti ta' Żmien il-Ħadid Bikri fin-Nofsinhar tal-Afrika b'evidenza tal-produzzjoni tal-metall.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Tsodilo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Importanza kulturali

immodifika
 
Tpittir mhux ċar bl-aħmar f'Tsodilo.

Dawn l-għoljiet huma ta' importanza kulturali u spiritwali kbira għall-popli San tal-Kalahari. Huma jemmnu li l-għoljiet huma post tal-mistrieħ għall-ispirti tal-mejtin u li dawn l-ispirti jikkawżaw xorti ħażina u seħta jekk xi ħadd jikkaċċja jew jikkawża l-mewt qrib l-għoljiet. Is-sit ta' Tsodilo huwa fil-mira ta' dibattitu sħiħ rigward kif kien jgħix il-poplu San fl-imgħoddi.

Tradizzjonijiet bil-Fomm

immodifika

Bosta popli lokali madwar l-Għoljiet ta' Tsodilo għandhom ġrajjiet tal-imgħoddi li jirrigwardaw il-bosta għerien u l-blat imkenni bit-tpittir. It-tradizzjonijiet bil-fomm spiss isemmu l-poplu Zhu, grupp lokali tal-poplu San, li kienu jużaw il-blat imkenni għall-protezzjoni mill-elementi jew bħala postijiet għar-ritwali tagħhom.

 
L-Għoljiet ta' Tsodilo fil-Majjistral tal-Botswana.

Ġrajja partikolari ssostni li l-kaċċaturi kienu jidħlu fil-blat imkenni biex jagħmlu kuntatt mal-antenati jekk il-kaċċa ma tirnexxix. Imbagħad kienu jistaqsu għall-għajnuna tagħhom biex ikollhom kaċċa tajba meta jerġgħu joħorġu jikkaċċjaw. Bħala ringrazzjament, meta l-kaċċa kienet tirnexxi, il-kaċċaturi kienu jerġgħu jmorru fil-blat imkenni u jsajru għall-antenati tagħhom. F'uħud minn dawn is-siti allegati però ma hemm l-ebda evidenza ta' fdalijiet ta' nar jew ftit li xejn evidenza ta' dan.

Għad hemm żoni fejn isiru ritwali bħal talb biex tagħmel ix-xita. L-anzjani fl-inħawi għadhom jiftakru l-użu ta' xi blat imkenni bħala siti ta' kampeġġ meta kienu għadhom tfal. Il-blat imkenni bit-tpittir abjad jaf intuża bħala kamp matul l-istaġun tax-xita saħansitra sa 70-80 sena ilu.

Il-poplu San lokali jemmen li Tsodilo huwa l-oriġini ta' kull forma ta' ħajja u għalhekk id-dixxendenti tagħhom kienu jagħmlu dik l-arti kollha. Il-ġeografija, il-mogħdijiet u l-gandotti fl-art ta' Tsodilo huma magħrufa bħala l-fdalijiet tal-passaġġi u tal-impronti tal-ewwel annimali, li kienu jiġu jfittxu l-ilma. Fil-fatt, qrib l-Għolja Femminili ta' Tsodilo hemm għajn naturali li tintuża kemm bħala sit għall-ġbir tal-ilma kif ukoll bħala sit għar-ritwali. Dan is-sit jitqies bħala sagru, u jintuża minn bosta nies għat-tindif, għall-fejqan u għall-protezzjoni.

Ipoteżi tal-iżjed ritwal bikri magħruf

immodifika
 
Tpittir fil-beraħ fuq il-blat ta' Tsodilo.

Fl-2006, is-sit magħruf bħala l-Għar tar-Rinoċeront sar prominenti fil-mezzi tax-xandir meta Sheila Coulson tal-Università ta' Oslo stqarret li kienu ġew skoperti artefatti ta' 70,000 sena ilu u blata li tixbaħ ras ta' serp u li dawn x'aktarx li kienu l-ewwel fdalijiet ta' ritwali umani. Hija appoġġat ukoll l-interpretazzjoni tagħha tas-sit bħala post tar-ritwali abbażi ta' annimali oħra mpittrin: "Fl-għar insibu biss l-iżjed tliet annimali importanti għall-poplu San: is-serp, l-iljunfant, u l-ġiraffa. Minn dak iż-żmien, uħud mill-arkeologi involuti fl-investigazzjonijiet oriġinali tas-sit fl-1995 u fl-1996 ikkontestaw dawn l-interpretazzjonijiet. Huma jindikaw li l-ħofor (magħrufa fost l-arkeologi bħala kupuli) deskritti minn Coulson mhux neċessarjament kollha jmorru lura għall-istess perjodu u li "ħafna mid-depressjonijiet huma friski ħafna filwaqt li oħrajn huma miksijin b'patina tqila". Siti oħra fil-qrib (iktar minn 20) fihom depressjonijiet ukoll u ma fihomx annimali. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju u bit-termoluminixxenza ta' dan is-sit ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani ma taqbilx mal-ipoteżi li figura minnhom għandha 70,000 sena ilu, u minflok tissuġġerixxi dati iktar reċenti.

 
Tpittir tal-Pingwin ta' Tsodilo, b'għamla qisha ta' għasfur.

Huma hu jiddiskutu t-tpittir, l-arkeologi jsostnu li t-tpittir deskritt bħala iljunfant fil-fatt huwa rinoċeront, li t-tpittir aħmar ta' ġiraffa ma jmurx iktar lura mill-400 W.K. u li t-tpittir abjad tar-rinoċeront huwa iktar reċenti, u l-esperti tal-arti fuq il-blat jemmnu li t-tpittir abjad u aħmar sar minn gruppi ta' nies differenti. Huma jirreferu għall-interpretazzjoni ta' Coulson bħala projezzjoni ta' twemmin modern fuq l-imgħoddi u jsejħu l-interpretazzjoni tagħha bħala ġrajja kompożita li hija "sfaċċatament qarrieqa". Huma jwieġbu għall-istqarrija ta' Coulson li dan huwa l-uniku tpittir fl-għar billi jgħidu li hija injorat it-tpittir aħmar ta' disinni ġeometriċi li nstab mal-ħajt tal-għar.

Barra minn hekk, huma jiddiskutu wkoll il-ponot maħruqa ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani, u jsostnu li ma hemm xejn mhux tas-soltu fl-użu ta' materjali mhux lokali. Huma ma jaqblux mal-istqarrija li ma stabux għodod ordinarji fis-sit, u jinnutaw li l-bosta skalpelli li nstabu huma għodod ordinarji u li hemm evidenza ta' produzzjoni tal-għodod fis-sit. Huma u jiddiskutu l-"kompartiment sigriet", huma jindikaw in-nuqqas ta' evidenza li xi xamani tal-poplu San użaw xi kompartimenti fl-għerien jew li dan il-kompartiment partikolari ntuża għal xi ritwali.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tsodilo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-29.
  2. ^ Staurset, Sigrid. "Ritualized Behavior in the Middle Stone Age: Evidence from Rhino Cave, Tsodilo Hills, Botswana". Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  3. ^ Robbins, Lawrence; Murphy, Michael; Campbell, Alec; Brook, George (1996). "Excavations at the Tsodilo Hills Rhino Cave". Botswana Notes and Records. 28: 23–45.
  4. ^ C. Michael Hogan. 2008.
  5. ^ Robbins, L.H.; Murphy, M.L.; Brook, G.A.; Ivester, A.H.; Campbell, A.C; Klein, R.G.; Milo, R.G.; Stewart, K.M.; Downey, W.S.; Stevens, N.J. (2000). "Archaeology, Palaeoenvironment, and Chronology of the Tsodilo Hills White Paintings Rock Shelter, Northwest Kalahari Deser, Botswana". Journal of Archaeological Science. 27 (11): 1085–1113.
  6. ^ Robbins, L.H.; Campbell, A.C. (1989). "The Depression Rock Shelter Site, Tsodilo Hills". Botswana Notes and Records: 1–3.
  7. ^ Miller, Duncan; van der Merwe, Nikolaas (1994). "Early Iron Age Metal Working at the Tsodilo Hills, Northwestern Botswana". Journal of Archaeological Science. 21: 101–115.