Tempju ta' Haeinsa
It-Tempju ta' Haeinsa (bil-Korean magħruf ukoll bħala 해인사, 海印寺: it-Tempju tal-Mudra tal-Oċean) huwa tempju ewlieni tal-Ordni ta' Jogye (대한불교조계종, 大韓佛敎 曹溪宗) tal-Buddiżmu Seon Korean li jinsab fil-Park Nazzjonali ta' Gayasan (가야산, 伽倻山), fil-Provinċja tan-Nofsinhar ta' Gyeongsang, il-Korea t'Isfel. It-Tempju ta' Haeinsa huwa magħruf l-iktar bħala l-post fejn hija maħżuna t-Tripitaka Koreana, jiġifieri l-kollezzjoni kompluta tal-Iskritturi Buddisti mnaqqxa fuq 81,350 tavla litografika tal-injam, li ilha tinżamm hemmhekk mill-1398.[1]
It-Tempju ta' Haeinsa huwa wieħed mit-Tempji tat-Tliet Ġojjelli, u jirrappreżenta d-Dharma jew it-tagħlimiet tal-Buddha. Għadu ċentru attiv fejn jiġi pprattikat il-Buddiżmu Seon (선, 禪) fiż-żminijiet moderni, u kien it-tempju tal-imgħallem Seon influwenti Seongcheol (성철, 性徹), li miet fl-1993.
Storja
immodifikaIt-tempju nbena għall-ewwel darba fit-802. Skont leġġenda, żewġ patrijiet Koreani, Suneung u Ijeong, reġgħu lura miċ-Ċina u fejqu lill-mara tar-re Aejang ta' Silla mill-mard li kellha. Bħala ħajr għall-ħniena ta' Gautama Buddha, ir-re ordna l-kostruzzjoni tat-tempju.[1] Rakkont ieħor ta' Choe Chi-Won fid-900 jiddikjara li Suneung u d-dixxiplu tiegħu Ijeong, kisbu l-appoġġ ta' reġina armla li kkonvertit għall-Buddiżmu u mbagħad għenet biex tiffinanzja l-kostruzzjoni tat-tempju.
Il-kumpless tat-tempju ġie rinnovat fis-seklu 10, fl-1488, fl-1622, u fl-1644. Huirang, is-superjur tal-patrijiet tat-tempju kiseb il-patroċinju tar-re Taejo ta' Goryeo. It-Tempju ta' Haeinsa nqered minħabba nirien fl-1817 u reġa' nbena fl-1818.[1] Waqt rinnovazzjoni oħra fl-1964, instabet libsa rjali ta' Gwanghaegun ta' Joseon, li kien responsabbli għar-rinnovazzjoni tal-1622, u iskrizzjoni fuq travu tat-tempju.
Is-sala prinċipali, Daejeokkwangjeon (대적광전, 大寂光殿: is-Sala ta' Silenzju u Dawl Kbir), mhijiex tas-soltu għaliex hija ddedikata lil Vairocana, filwaqt li l-biċċa l-kbira tat-tempji Koreani l-oħra jkollhom xbihat ta' Gautama Buddha fis-swali prinċipali tagħhom.
It-Tempju ta' Haeinsa u r-Repożitorji tat-Tavli Litografiċi tal-Injam tat-Tripiṭaka Koreana saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2] Il-Kumitat tal-UNESCO nnota li l-binjiet fejn hija maħżuna t-Tripiṭaka Koreana huma uniċi għaliex l-ebda struttura storika oħra ma ġiet iddedikata b'mod speċifiku għall-preservazzjoni ta' artefatti u t-tekniki li ntużaw kienu partikolarment inġenjużi.[3]
It-tempju fih ukoll diversi teżori uffiċjali tal-Korea t'Isfel, fosthom tinqix realistiku fl-injam ta' patri Buddist u pitturi Buddisti interessanti, pagodi tal-ġebel, u lanterni.
Kriżi
immodifikaWara l-indipendenza, meta faqqgħet il-Gwerra Koreana, it-Tempju ta' Haeinsa għadda minn kriżi. F'Settembru 1951, wara l-Battalja ta' Inchon, il-Korea t'Isfel kienet minn fuq fil-gwerra iżda l-Korea ta' Fuq ma rtiratx it-truppi tagħha u xi elf suldat tal-Korea ta' Fuq li kien għad fadal madwar it-Tempju ta' Haeinsa baqgħu jiġġieldu f'għadd ta' guerrillas. Il-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti ġew ordnati jibbumbardjaw it-Tempju ta' Haeinsa b'erba' bumbardaturi.
Janggyeong Panjeon (Teżor Nazzjonali Nru 32)
immodifikaIs-swali tal-ħżin magħrufa bħala l-kumpless ta' Janggyeong Panjeon huma r-repożitorji tat-tavli litografiċi tal-injam tat-Tripiṭaka Koreana fit-Tempju ta' Haeinsa u fl-20 ta' Diċembru 1962 ġew iddeżinjati mill-gvern Korean bħala Teżor Nazzjonali. Huma wħud mill-ikbar faċilitajiet tal-ħżin tal-injam fid-dinja. B'xorti tajba, is-swali ma ġewx affettwati mill-invażjonijiet Ġappuniżi tal-Korea (1592-1598) u min-nirien tal-1818 li qerdu l-biċċa l-kbira tal-kumpless tat-tempju. B'kollox, is-swali tal-ħżin ħelsuha ħafif minn seba' nirien kbar u minn bumbardament bi żbrixx matul il-Gwerra Koreana meta bdot ma obdiex l-ordnijiet minħabba li ftakar li fit-tempju kien hemm teżori imprezzabbli.[2]
Il-kumpless ta' Janggyeong Panjeon huwa l-eqdem parti tat-tempju u fih l-81,258 tavla litografika tal-injam tat-Tripiṭaka Koreana. Għalkemm id-data eżatta tal-kostruzzjoni tal-kumpless mhix ċerta, jingħad li Sejo ta' Joseon espandih u rrinnovah fl-1457. Il-kumpless huwa magħmul minn erba' swali f'għamla ta' rettangolu u l-istil tagħhom huwa sempliċi ħafna minħabba l-użu tagħhom bħala faċilitajiet tal-ħżin. Is-sala tat-Tramuntana tissejjaħ Beopbojeon (is-Sala tad-Dharma) u s-sala tan-Nofsinhar tissejjaħ Sudara-jang (is-Sala tas-Sutri). Dawn iż-żewġ swali prinċipali għandhom tul ta' 60.44 metru, wisa' ta' 8.73 metri, u għoli ta' 7.8 metri. It-tnejn li huma fihom ħmistax-il kamra b'żewġ kmamar jagħtu għal xulxin. Barra minn hekk, hemm żewġ swali żgħar fil-Lvant u fil-Punent li fihom żewġ libreriji żgħar.[2]
Diversi tekniki ta' preservazzjoni inġenjużi jintużaw biex jiġu ppreservati t-tavli litografiċi tal-injam. L-arkitetti użaw ukoll in-natura biex tgħinhom jippreservaw it-Tripitaka. Il-kumpless tal-ħżin inbena fl-ogħla punt tat-tempju, 655 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Janggyeong Panjeon tħares lejn il-Lbiċ biex jiġi evitat ir-riħ umduż mix-Xlokk mill-wied iktar 'l isfel u l-qċaċet tal-muntanji jilqgħulha mir-riħ kiesaħ mit-Tramuntana. Barra minn hekk, hemm bosta twieqi b'daqs differenti fin-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar taż-żewġ swali prinċipali għall-ventilazzjoni, li jużaw il-prinċipji tal-idrodinamika. It-twieqi ġew installati f'kull sala biex tiġi mmassimizzata l-ventilazzjoni u biex tiġi rregolata t-temperatura. L-artijiet taflin ġew mimlija bil-karbonju, bl-ossidu tal-kalċju, bil-melħ, bil-ġebla tal-ġir u bir-ramel, li jnaqqsu l-umdità meta tagħmel ix-xita billi jassorbu l-indewwa eċċessiva li mbagħad tinżamm matul ix-xhur nexfin tax-xitwa. Is-saqaf huwa magħmul ukoll bit-tafal u l-brekits u r-riffieda tal-injam jipprevjenu bidliet ħesrem fit-temperatura. Barra minn hekk, l-ebda parti mill-kumpless mhi esposta għax-xemx. Milli jidher, l-annimali, l-insetti, u l-għasafar jevitaw il-kumpless iżda r-raġuni għalfejn dan huwa l-każ mhijiex magħrufa. Dawn il-miżuri sofistikati ta' preservazzjoni ġew akkreditati bħala r-raġuni ewlenija għalfejn it-tavli litografiċi tal-injam waslu sa żminijietna f'kundizzjoni daqstant tajba.[4]
Fl-1970, kumpless modern tal-ħżin inbena bl-użu ta' tekniki moderni ta' preservazzjoni biex jieħu post il-kumpless attwali iżda meta nstabet il-moffa fit-tavli litografiċi ta' prova, iċ-ċaqliq maħsub ġie kkanċellat u t-tavli litografiċi tal-injam baqgħu fit-Tempju ta' Haeinsa.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-Tempju ta' Haeinsa ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Turiżmu
immodifikaIt-tempju joffri programmi ta' Soġġorn fit-Tempju fejn il-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw il-kultura Buddista.[5]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ orientalarchitecture.com. "Asian Historical Architecture: A Photographic Survey". Asian Architecture (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-28.
- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Haeinsa Temple Janggyeong Panjeon, the Depositories for the Tripitaka Koreana Woodblocks". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-28.
- ^ "WH Committee: Report of 19th Session, Berlin 1995". whc.unesco.org. Miġbur 2021-08-28.
- ^ a b "Haeinsa - New World Encyclopedia". www.newworldencyclopedia.org. Miġbur 2021-08-28.
- ^ "Templestay | Finding your 'True-self'". eng.templestay.com. Miġbur 2021-08-28.