Teatru Ruman ta' Orange
It-Teatru Ruman ta' Orange (bil-Franċiż: Théâtre antique d'Orange) huwa teatru Ruman li jinsab f'Orange, Vaucluse, Franza. Inbena fil-bidu tas-seklu 1 W.K. L-istruttura hija ta' sjieda tal-muniċipalità ta' Orange u fis-sajf tospita l-festival tal-opri magħrufa bħala Chorégies d'Orange.
Huwa wieħed mill-iżjed teatri Rumani ppreservati tajjeb, u kien jintuża mill-kolonja Rumana ta' Arausio (jew b'mod iktar speċifiku lill-Colonia Julia Firma Secundanorum Arausio: "il-kolonja Ġuljana ta' Arausio stabbilita mis-suldati tat-tieni leġjun") li ġiet stabbilita fl-40 Q.K. It-teatru kellu rwol ewlieni fil-ħajja taċ-ċittadini, li kienu jqattgħu parti kbira mill-ħin liberu tagħhom hemmhekk. It-teatru kien jitqies mill-awtoritajiet Rumani mhux biss bħala mezz biex tinfirex il-kultura Rumana fil-kolonji, iżda anke bħala mezz ta' distrazzjoni mill-attivitajiet politiċi kollha.
Il-forom dominanti ta' divertiment kienu l-mimika, il-pantomimi, il-qari tal-poeżiji u l-"attelana" (tip ta' farsa simili għall-commedia dell'arte) li kienu jdumu l-jum kollu. Għall-popolin, li kienu jħobbi l-effetti spettakolari, ix-xenarji grandjużi tal-palk saru importanti ħafna, flimkien mal-użu tal-makkinarju tal-palk. Id-divertiment kien jiġi offrut lil kulħadd u mingħajr ħlas.
It-teatru ġie rrestawrat għall-funzjoni preċedenti tiegħu, primarjament l-opri, flimkien mal-użu tiegħu bħala attrazzjoni turistika. Fl-1981 it-Teatru Ruman flimkien mal-Arkata Trijonfali ta' Orange tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-preservazzjoni u għall-arkitettura straordinarja tagħhom.[1]
Kostruzzjoni u struttura
immodifikaIt-teatri Rumani bikrin kienu mibnija l-iktar bl-injam u kienu maħsuba inizjalment bħala strutturi temporanji. Fil-55 Q.K. Pompeo ordna li jinbena teatru tal-ġebel f'Ruma, u minn hemm 'il quddiem it-teatri Rumani grandjużi u permanenti nfirxu b'mod wiesa'.[2] It-Teatru Ruman ta' Orange nbena fir-renju ta' Awgustu, u jingħad li kien l-ewwel wieħed ta' dan it-tip f'dawn l-inħawi li llum jagħmlu parti minn Franza. Waħda mill-iżjed partijiet ikoniċi ta' din l-istruttura hija l-faċċata esterna grandjuża, li hija twil 103 metri (338 pied) u hija għolja 37 metru (121 pied). Oriġinarjament, kien hemm saqaf tal-injam minn naħa għall-oħra tat-teatru biex jilqa' kontra x-xita u l-maltemp. Hemm evidenza fuq il-ħitan li turi li f'xi punt jew ieħor is-saqaf inqered min-nirien. Għalkemm ma tantx għandu wisq tiżjin u dekorazzjonijiet, il-ħajt ta' tliet sulari jagħti dehra tassew b'saħħitha lill-binja kollha. It-tliet daħliet prinċipali fl-ewwel sular tal-faċċata jagħtu direttament għall-palk fit-teatru, li jesa' bejn 5,800 ruħ sa 7,300 ruħ. Illum il-ġurnata l-biċċa l-kbira tal-postijiet bilqiegħda ġew rikostruwiti biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-turisti u tal-membri tal-udjenza.
Il-palk, li huwa twil 61 metru (200 pied) u li huwa olzat madwar metru mill-art, warajh għandu ħajt għoli 37 metru (121 pied) li ġie ppreservat kompletament. Dan il-ħajt huwa vitali għat-teatru għaliex kien jgħin fil-projezzjoni tal-awdjo għall-udjenza kbira. Il-ħajt, magħruf ukoll bħala scaenae frons, huwa l-unika superfiċe mżejna arkitettonikament fit-teatru kollu. Oriġinarjament kien imżejjen bil-mużajk tal-irħam b'diversi kuluri, b'għadd ta' kolonni u ta' freġji, u bi statwi mqiegħda f'niċeċ. In-niċċa ċentrali fiha statwa ta' 3.5 metri (11-il pied) tal-Imperatur Awgustu, għalkemm din x'aktarx li kienet restawr ta' statwa oriġinali ta' Apollo, l-alla tal-mużika u tal-arti. Id-daħla ċentrali, taħt in-niċċa b'din l-istatwa, tissejjaħ id-Daħla Rjali jew valva regia. Din id-daħla kienet tintuża biss mill-iżjed atturi prinċipali importanti biex jidħlu u joħorġu mill-palk. Fuq id-daħla kien hemm freġju mżejjen biċ-ċentawri, li ma għadux hemm iżda jinsab għall-wiri fuq in-naħa l-oħra tat-triq tat-teatru fil-Mużew ta' Orange (sfortunatament għad fadal biss fdalijiet minnu). Il-palk ġie mgħotti bi pjattaforma moderna meta t-teatru beda jerġa' jintuża għall-opri u għal spettakli oħra.
Telqa
immodifikaMeta l-Imperu Ruman tal-Punent qabad it-triq tan-niżla matul is-seklu 4, meta l-Kristjaneżmu kien laħaq sar ir-reliġjon uffiċjali, it-teatru ngħalaq permezz ta' editt uffiċjali fit-391 W.K., peress li l-Knisja kienet kontra dak li skontha dak iż-żmien kienu spettakli mhux ċivili. X'aktarx li r-rikkezzi tiegħu nsterqu mill-Viżigoti fl-412, u bħall-biċċa l-kbira tal-binjiet Rumani ċertament li tteħidlu xi irħam jew ġebel ieħor matul is-sekli biex jerġa' jintuża għal bini ieħor. Kien jintuża bħala stazzjonament difensiv fil-bidu tal-Medju Evu, u sas-seklu 12 beda jintuża mill-Knisja għal reċti reliġjużi. Matul il-gwerer reliġjużi tas-seklu 16, it-teatru sar rifuġju għaċ-ċittadini tar-raħal matul il-Gwerer Reliġjużi Franċiżi, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni telqet mir-raħal.
Rikostruzzjoni
immodifikaIr-rikostruzzjoni bdiet fl-1825 bil-ħsieb li t-teatru jerġa' jintuża għall-iskop oriġinali tiegħu, jiġifieri li jospita spettakli eċċitanti kbar. Fl-1869, filwaqt li kien għadu fil-proċess ta' restawr, it-teatru ospita l-"Festivals Rumani", li attiraw iktar minn 10,000 ruħ. Parti importanti ħafna mir-restawr kienu l-iskavi taż-żona madwar it-teatru, li saru fis-snin 30 tas-seklu 20. Dawn l-iskavi u l-livellar tal-binjiet tal-madwar żvelaw bosta oġġetti u artefatti li komplew itejbu l-għarfien dwar l-istorja u l-użi tal-istruttura. Illum il-ġurnata, it-tliet livelli kollha tal-postijiet bilqiegħda ġew irrestawrati għalkollox, flimkien mal-bosta turġien, partijiet kbar mill-pavimentar, il-palk, l-orkestra u partijiet mill-ħitan.
Matul is-seklu 19, it-teatru bil-mod il-mod beda jirkupra s-sbuħija oriġinali tiegħu, bis-saħħa tal-isforzi ta' Prosper Mérimée, li dak iż-żmien kien qed jokkupa l-kariga ta' direttur tal-monumenti storiċi. Taħt it-tmexxija tiegħu, ix-xogħol tar-restawr beda fl-1825 u fl-1869 it-teatru beda jospita "Festival Ruman" li kien jiċċelebra l-glorja ta' Ruma u kien jinkludi spettaklu mill-opra ta' Méhul, Ġużeppi. Lejn l-aħħar parti tas-seklu, il-figuri ewlenin kollha tal-palk klassiku Franċiż ħadu sehem fil-festivals ta' Orange, inkluż Sarah Bernhardt li għamlitha ta' "Phèdre" fl-1903.
Sal-aħħar tas-seklu, il-livelli differenti tal-postijiet bilqiegħda ġew irrestawrati wara proċess burokratiku. Fl-1902 il-festival ingħata isem ġdid, "Chorégies", u ġie ppjanat bħala festival annwali tas-sajf. L-isem oriġina mit-taxxa li kienet tiġi imposta fuq ir-Rumani għonja biex iħallsu għall-produzzjonijiet teatrali. Sal-1969, il-Chorégies kienu jikkonsistu minn reċti li kienu jalternaw ma' musicals, opri u sinfoniji. Madankollu, wara dik id-data, f'Orange bdew isiru biss festivals tal-opri u x-xogħlijiet teatrali bdew isiru f'Avignon.
Użu attwali
immodifikaIt-Teatru Ruman ta' Orange jitqies bħala l-iżjed teatru Ruman ippreservat fl-Ewropa kollha. Jiġi ġestit minn Culturespaces, organizzazzjoni li tiġġestixxi wkoll siti kulturali relatati oħra fl-inħawi, bħall-Mużew ta' Orange u l-Arkata Trijonfali ta' Orange, fost siti oħra fin-Nofsinhar ta' Franza. Dan l-isforz ta' preservazzjoni jippermetti li jintuża mhux biss bħala sit storiku iżda wkoll bħala post fejn isiru l-kunċerti u l-ispettakli.
L-ewwel festival kbir li sar fit-teatru fl-1869 wara li beda r-restawr kien jissejjaħ il-"Festival Ruman". Dan il-festival żviluppa f'festival annwali msejjaħ Chorégies. Dawn l-avvenimenti multimedjali jattiraw eluf ta' viżitaturi minn madwar id-dinja.
Matul il-bqija tas-sena, it-Teatru Ruman ta' Orange jibqa' attrazzjoni turistika ewlenija. It-turisti jistgħu jgħaddu mit-teatru prinċipali u mill-kmamar u mill-kurituri tal-madwar u jitgħallmu iktar dwar l-istorja tas-sit permezz ta' awdjogwida.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-Teatru Ruman ta' Orange u l-inħawi tiegħu flimkien mal-Arkata Trijonfali ta' Orange ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981. Fl-2007 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Biblijografija
immodifika- Michel-Édouard Bellet, Orange antique, Imprimerie nationale, coll. « Guides archéologiques de la France », 1991.
- Gaston Boissier, À propos d’un théâtre antique, Revue des Deux Mondes, 1899, p. 303-332.
- James Bromwich, The Roman Remains of Southern France : A Guidebook, Routledge, 1993
- Anaïs Roumégous, Orange et sa région, vol. 84/3, Éditions de la Maison des sciences de l'homme, coll. « Carte archéologique de la Gaule », 2009
- Orange Antique, Paris, ministère de la Culture, de la Communication et des Grands Travaux, coll. « guides archéologiques de la France », 1991, 118 p. (ISBN 2-11-081111-0), p. 27-30
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Roman Theatre and its Surroundings and the "Triumphal Arch" of Orange". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
- ^ "Arausio.(Orange).Theatre.Commentary". www.whitman.edu. Miġbur 2022-08-21.