Takkanot Shum

sett ta' digrieti fformulati u maqbula mit-tliet bliet ċentrali tar-Rheinland Medjevali

It-Takkanot Shum (bl-Ebrajk: תקנות שו"ם), jew il-Promulgazzjonijiet tal-Bliet ShUM, kienu sett ta' digrieti li ġew ifformulati u maqbula matul perjodu ta' deċennji mill-mexxejja ta' tlieta mill-bliet ċentrali Ġermaniżi tar-reġjun Lhudi Medjevali tar-Rheinland: Speyer, Worms u Mainz. L-inizjali tal-ismijiet bl-Ebrajk ta' dawn it-tlett ibliet: Shpira, Vermayza u Magentza jiffurmaw l-akronimu ShUM. Filwaqt li dawn ir-regolamenti kienu maħsuba biex jiġu indirizzati l-problemi ta' dak iż-żmien, xorta waħda kellhom effett fuq ir-reġjuni Lhud Ewropej għal sekli sħaħ.[1]

L-istat federali Ġermaniż ta' Rheinland-Pfalz, fejn illum il-ġurnata jinsabu t-tlett ibliet ShUM.

Sfond immodifika

Wara d-devastazzjoni tal-komunitajiet Lhud fir-Rheinland matul il-Kruċjata tal-Foqra, il-Lhud li preċedentement kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom bħala merkanti li jmorru minn raħal għall-ieħor ma setgħux jivvjaġġaw iktar fis-sikurezza, u kellhom isibu karrieri fil-bliet fejn kienu jgħixu. Bosta saru merkanti lokali; oħrajn saru selliefa tal-flus. Dan żied b'mod drastiku r-rata ta' kummerċ fost il-Lhud u dawk li ma kinux Lhud, u għaldaqstant żdiedu anke d-diżgwidi u t-tilwim kemm internament fost il-Lhud kif ukoll bejn il-Lhud u dawk li ma kinux Lhud. Simultanjament, ġew imposti taxxi ħorox fuq il-komunitajiet Lhud mill-gvern lokali, li kienu taxxi li bosta Lhud dak iż-żmien ħassew li kienu mifruxa b'mod inġust mill-mexxejja tal-kehilla lokali. Il-pressjoni interna u esterna bdiet kulma jmur tiżdied fuq il-komunità Lhudija, u flimkien mal-qerda kważi totali matul il-Kruċjati, wasslet biex il-mexxejja ta' dak iż-żmien jiddeċiedu li jistabbilixxu digrieti mifruxa biex isaħħu l-komunitajiet tagħhom.[2][3]

Sinodu tat-Takkanot immodifika

Għall-ħabta tal-1160 sar sinodu f'Troyes. Dan is-sinodu tmexxa mir-Rabbi Tam, ħuh ir-Rashbam, it-tnejn li huma neputijiet ta' Rashi, u Eliezer ben Nathan (ir-Ra'avan). Iżjed minn 250 rabbi mill-komunitajiet Lhud fi Franza kollha attendew ukoll. Għadd ta' digriet komunali ġew ippromulgati fis-sinodu u dawn kienu jkopru kemm ir-relazzjonijiet bejn il-Lhud u l-Ġentili kif ukoll kwistjonijiet marbuta internament mal-komunità Lhudija.[4] Eżempji ta' dawn id-digrieti jinkludu:

  • Ir-restrizzjoni li kienet teżiġi li l-każijiet ta' Lhud involuti f'diġwidi monetarji ma' Lhud oħra kellhom jiġu deċiżi minn beth din Lhudi, u mhux minn qorti lajka, sakemm waħda mill-partijiet ma tirrifjutax li taċċetta d-deċiżjoni tal-beth din.
  • Persuna li ma taqbilx mal-valutazzjoni tat-taxxa tal-kehillah kellha l-ewwel tħallas it-taxxa u mbagħad tressaq lill-valutaturi quddiem il-beth din.
  • Persuna li ssellef spazju lil komunità biex jintuża bħala sinagoga ma setgħetx ma tħallix lil xi individwi speċifiċi jitolbu hemmhekk. Setgħet biss tirrevoka l-permess in toto.[5]

Fost il-bosta digrieti ġodda li ġew implimentati jew id-digrieti iktar antiki li ssaħħu kien hemm il-projbizzjoni famuża tar-Rabbi Gershom kontra l-poligamija.[6]

Sinodi tal-bliet ShUM immodifika

 
Ir-Rashi Shul storiku minn ġewwa f'Worms.

Is-sinodu f'Troyes kien vinkolanti biss għar-reġjuni Lhud Franċiżi. Għall-ħabta tal-1196, ir-rabbi u l-mexxejja tal-komunitajiet fir-Rheinland kollu sejħu sinodu tagħhom stess f'Mainz, fejn affermaw il-biċċa l-kbira tad-digrieti tas-sinodu ta' Troyes, u żiedu għadd ta' digrieti tagħhom ukoll. Id-digrieti ma qabdux daqs kemm kien mixtieq, għaldaqstant erba' u għoxrin sena wara, fl-1220, sar it-tieni sinodu f'Mainz, fejn il-mexxejja ta' dik il-ġenerazzjoni affermaw mill-ġdid id-digrieti ppromulgati fl-ewwel sinodu. Figuri storiċi importanti li attendew wieħed mis-sinodi jew it-tnejn li huma kien jinkludu lil David ta' Münzenberg, Simha ta' Speyer, Jacob ben Asher ta' Speyer, Eliezer ben Joel HaLevi u Elazar Rokeach.[7]

Dawn il-promulgazzjonijiet kienu jkopru kwistjonijiet interni fi ħdan il-komunità Lhudija kif ukoll kwistjonijiet li kienu jinvolvu interazzjonijiet mal-gvern mhux Lhudi ta' dak iż-żmien. Eżempji speċifiċi ta' promulgazzjonijiet stabbiliti jew imsaħħa fis-sinodi tar-Rheinland jinkludu:

  • Il-kollokazzjoni ta' cherem fuq kwalunkwe persuna li kienet tgħaddi informazzjoni fuq Lhudi ieħor sa ma sseħħ it-troddija lura.
  • It-tneħħija ta' kull eċċezzjoni fir-rigward tat-taxxi komunitarji imposti.
  • Il-projbizzjoni kontra l-għoti ta' flus b'self lil Lhud oħra mingħajr ma tiġi żgurata l-konformità stretta mal-halakhot li kien jindirizza s-self.
  • Il-projbizzjoni kontra li wieħed jissejjaħ mamzer jew li jiġu ġġenerati għajdut dwar il-validità ġuridika taż-żwieġ tal-ġenituri tiegħu.
  • L-għoti ta' permess biex il-wirt ta' persuna deċeduta jintuża għall-edukazzjoni tal-ulied, anke jekk il-persuna deċeduta tkun indikat xi użu speċifiku ieħor tal-fondi.[8]

Kien hemm bosta digrieti oħra li kienu marbuta ma' diversi aspetti tal-ħajja ġuridika, finanzjarja u reliġjuża Lhudija ta' dak iż-żmien.

Fl-1223 sar it-tielet sinodu tal-komunità tar-Rheinland, din id-darba fi Speyer. L-enfasi prinċipali ta' dan is-sinodu kienet iċ-Chalitzah takkana, iżda ġew diskussi diġriet oħra wkoll, inkluż il-projbizzjoni kontra l-kollokazzjoni jew it-tneħħija ta' cherem. Sabiex dan iseħħ, tali projbizzjonijiet kienu jeżiġu li jaqbel iktar minn mexxej wieħed tal-komunitajiet. Fost il-persuni notevoli li attendew għal dan is-sinodu kien hemm Elazar Rokeach u David ben Shaltiel.[9]

Żminijiet moderni immodifika

Filwaqt li partijiet mid-diversi digrieti għadhom fis-seħħ sa llum il-ġurnata, il-maġġoranza tat-Takkanot Shum ma għadhomx jitqiesu fis-seħħ mill-biċċa l-kbira tar-reġjun Lhud Axkenażiċi. Id-digrieti ġew stabbiliti biex jiġu indirizzati problemi reliġjużi u soċjoloġiċi speċifiċi tal-imgħoddi, u ma kinux maħsuba biex jibqgħu fis-seħħ b'mod perpetwu, iżda għall-perjodu li matulu kien ikun hemm dawn it-tipi ta' diżgwidi. Madankollu, għad hemm żewġ digrieti speċifiċi li jitqiesu bħala attivi sa llum il-ġurnata: it-Takkana tad-dota u ċ-Chalitzah takkana.[10]

Takkana tad-dota immodifika

Fl-imgħoddi kienet drawwa komuni li l-ulied bniet jiżżewġu meta jkunu għadhom pjuttost żgħar, malli kien jinstab raġel xieraq u kienet tiġi akkumulata d-dota.[11] Flimkien mal-mard fit-tfulija u rata ta' mortalità ġeneralment għolja, dan kien ifisser li ma kinitx xi ħaġa rari li ż-żgħażagħ imitu ftit wara li jiżżewġu, qabel mal-konjuġi jkunu ffurmaw relazzjonijiet dejjiema mal-familji tagħhom. Skont il-liġi Lhudija dwar il-wirt, raġel kien l-uniku werriet tal-mara tiegħu, iżda mara ma setgħetx tiret mir-raġel tagħha. B'hekk, imut min imut, id-dota, li kienet tirrappreżenta sagrifiċċju sostanzjali mill-ġenituri tal-mara għall-hena ta' binthom, kienet tispiċċa għand ir-raġel jew għand il-familja tiegħu. B'riżultat ta' dan, il-ġenituri kienu joqogħdu lura milli jagħtu doti kbar lill-bniet tagħhom, u dan kien iwassal għal diffikultà biex isibulhom raġel xieraq. Għalhekk, is-sinodu ta' Troyes, immexxi mir-Rabbi Tam, stabbilixxa digriet li kien isostni li jekk raġel jew mara jmutu fi żmien sena miż-żwieġ mingħajr ma jħallu wild bħala werriet, id-dota kienet terġa' lura għand il-ġenituri li żborżjawha; jekk il-mewt kienet tinzerta fi żmien sentejn, nofs id-dota kienet terġa' lura għand il-ġenituri li żborżawha.[12] Filwaqt li r-Rabbi Tam ħassar dan id-digriet qabel mewtu, dan ġie affermat mill-ġdid mill-istudenti tiegħu fl-ewwel sinodu tal-bliet ShUM. Dan id-digriet illum il-ġurnata huwa inkorporat b'referenza fil-kuntratt stand taż-żwieġ tal-Lhud Axkenażi (tena'im), permezz tal-frażi "u f'każ ta' nuqqas [ewfemiżmu għall-mewt], japplika d-digriet tal-bliet ShUM"; f'xi komunitajiet saħansitra dan l-ewfemiżmu għall-mewt jitqies bħala seħta fiż-żwieġ, għaldaqstant issir referenza impliċita biss permezz tal-frażi kriptika "u jekk ikun il-każ, eċċ.".[13] Minkejja li ma ssirx referenza espliċita, jew ma jkun hemm l-ebda kuntratt taż-żwieġ, xorta waħda jitqies li l-partijiet taw il-kunsens tagħhom sakemm ma jkun hemm esklużjoni espliċità.[14]

Chalitzah takkana immodifika

 
Inċiżjoni ta' ċerimonja taċ-chalitzah.

Meta raġel imut mingħajr ma jkollu ulied, ikun hemm mitzvah għal ħuh jekk ikun għadu ħaj biex iwettaq yibbum jew halizah. Diġà fiż-żminijiet tat-Talmud, it-twettiq tal-yibbum intemm u minflok kienet titwettaq il-halitza għal diversi raġunijiet.[15] Id-digrieti ppromulgati fid-diversi sinodi tal-bliet ShUM indirizzaw il-firxa taż-żmien tal-prattika kif ukoll l-iżborżar tal-proprjetà tal-persuna deċeduta wara l-halitzah.

Id-digriet oriġinali, diskuss fit-tliet sinodi kollha tal-bliet ShUM, stabbilixxa limitu taż-żmien ta' tliet xhur wara l-mewt tar-raġel li matulu kellha titwettaq yibbum jew halitzah (għalkemm il-yibbum qajla kienet titwettaq) u wara l-halitzah, beth din kienet tiddeċiedi dwar l-iżborżar tal-wirt, bl-ebda rikors possibbli għal ħu r-raġel li jkun wettaq il-halitzah li jfittex lil xi ħadd. Dan id-digriet reġa' ġie affermat mill-ġdid 60 sena wara mill-Meir ta' Rothenburg.

Madankollu, fl-1381, sar sinodu ieħor f'Mainz li mmodifika l-iżborżar — fejn ġiet stabbilita diviżjoni ugwali bejn l-armla u l-aħwa rġiel kollha li jkunu għadhom ħajjin. Din kienet bidla mit-tradizzjoni preċedenti fejn iktar iva milli le, ħu r-raġel deċedut li jwettaq il-halitzah kien jirċievi l-flejjes tal-ketubah, minbarra li normalment kien jirċievi wkoll il-biċċa l-kbira tal-wirt, jekk mhux kollu. Din il-verżjoni hija t-tieni mid-digrieti li għadhom infurzati sa llum il-ġurnata.[16]

 
Il-mikvah ta' Speyer.[17]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Il-bliet ShUM ta' Speyer, Worms u Mainz ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[18][19]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[18][19]

Referenzi immodifika

  1. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)): 16–23.
  2. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), pp. 16-17.
  3. ^ Weiss, Moshe (2004). "Rashi and the Crusades". A brief history of the Jewish people. Lanham, MD: Rowman & Littlefield. pp. 101–102. ISBN 0-7425-4402-8.
  4. ^ "Synods". www.jewishvirtuallibrary.org. Miġbur 2023-03-15.
  5. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), p. 18.
  6. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), p. 19.
  7. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), p. 21.
  8. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), pp. 20-21.
  9. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), p. 22.
  10. ^ Hirschman, Raphael (2009). Ben Nun, Dov (ed.). "The Takkanos of SHUM". Mishpacha (260 (Kolmos Supplement)), p. 23.
  11. ^ Tosafot Kiddushin (41a) sv assur le'adam.
  12. ^ Rama, Even Ha'ezer 53:3.
  13. ^ Mordechai Farkash, Seder Kiddushin Venisu'in 1:11.
  14. ^ Beth Shmuel 53:20.
  15. ^ Talmud Bekhorot 13a.
  16. ^ Talmud Yevamot 39b.
  17. ^ "ShUM, a UNESCO World Heritage Site". Stadt Speyer (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-15.
  18. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "ShUM Sites of Speyer, Worms and Mainz". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-15.
  19. ^ a b "Home". SchUM Städte e.V. (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-15.