Sophie Germain
Marie-Sophie Germain (pronunzja bil-Franċiż: [maʁi sɔfi ʒɛʁmɛ̃]; twieldet fl-1 ta' April 1776 – mietet fis-27 ta' Ġunju 1831) kienet matematika, fiżika u filosfa Franċiża. Minkejja l-oppożizzjoni inizjali mill-ġenituri tagħha u d-diffikultajiet li kellha tiffaċċja mis-soċjetà, hija kisbet l-edukazzjoni tagħha mill-kotba fil-librerija ta' missierha, inkluż dawk ta' Leonhard Euler, u mill-korrispondenza ma' matematiċi famużi bħal Lagrange, Legendre, u Gauss (bil-psewdonimu ta' "Monsieur LeBlanc"). Hija kienet waħda mill-pijuniera tat-teorija tal-elastiċità u rebħet il-gran premju mill-Akkademja tax-Xjenzi ta' Pariġi għas-saġġ tagħha dwar is-suġġett. Il-ħidma tagħha fuq l-Aħħar Teorema ta' Fermat serviet ta' pedament għall-matematiċi li esploraw is-suġġett għal mijiet ta' snin warajha.[1] Minħabba l-preġudizzju kontriha minħabba li kienet mara, ma setgħetx tagħmel karriera mill-matematika, iżda ħadmet b'mod indipendenti tul ħajjitha kollha.[2] Qabel mewtha, Gauss irrakkomanda li tiġi ppremjata b'lawrija onorarja, iżda dan qatt ma seħħ.[3] Fis-27 ta' Ġunju 1831 mietet bil-kanċer tas-sider. Għaċ-ċentenarju ta' ħajjitha, triq u skola tal-bniet issemmew għaliha. L-Akkademja tax-Xjenzi stabbiliet il-Premju Sophie Germain biex tingħata ġieħ.
Sophie Germain | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Marie-Sophie Germain |
Twelid | Pariġi, 1 April 1776 |
Nazzjonalità | Franza |
Mewt | Pariġi, 27 Ġunju 1831 |
Post tad-dfin |
Iċ-Ċimiterju Père Lachaise Grave of Sophie Germain (en) |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (kanċer tas-sider) |
Familja | |
Missier | Ambroise-François Germain |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Göttingen |
Direttur tat-teżi | Carl Friedrich Gauss |
Lingwi | Franċiż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
matematiku fiżiku filosofu |
Premjijiet |
List |
Influwenzat minn | Arkimede |
Psewdonomu | Antoine Auguste Le Blanc |
Ħajja bikrija
immodifikaFamilja
immodifikaMarie-Sophie Germain twieldet fl-1 ta' April 1776 f'Pariġi, Franza, f'dar f'Rue Saint-Denis. Skont il-biċċa l-kbira tas-sorsi, missierha, Ambroise-François, kien merkant għani tal-ħarir[4][5][6], għalkemm uħud jemmnu li kien arġentier tad-deheb. Fl-1789 kien elett bħala rappreżentant tal-borgeżija tal-États-Généraux, li mbagħad inbidel fl-Assemblea Kostituzzjonali. Għalhekk x'aktarx li Sophie semgħet bosta diskussjonijiet bejn missierha u l-ħbieb tiegħu dwar il-politika u l-filosofija. Gray isostni li wara l-karriera politika tiegħu, Ambroise-François sar direttur ta' bank; fi kwalunkwe każ, il-familja baqgħet sinjura biżżejjed biex tappoġġa finanzjarjament lil Germain tul il-ħajja adulta kollha tagħha.[7]
Marie-Sophie kellha oħtha iżgħar minnha, Angélique-Ambroise, u oħtha ikbar minnha, Marie-Madeline. Ommha wkoll kien jisimha Marie-Madeline, u peress li kien hemm iktar minn Marie waħda, probabbli li għalhekk kienet tippreferi li tissejjaħ Sophie. In-neputi ta' Germain, Armand-Jacques Lherbette, iben Marie-Madeline, ippubblika parti mix-xogħol ta' Germain wara li mietet.[5]
Introduzzjoni għall-matematika
immodifikaMeta Germain kellha 13-il sena, kien hemm il-waqgħa ta' Bastilja, u minħabba l-atmosfera rivoluzzjonarja tal-belt kellha tibqa' ġewwa. Għad-divertiment, daret għal-librerija ta' missierha. Hemmhekk sabet L'Histoire des Mathématiques ta' J. E. Montucla, u l-istorja tal-mewt ta' Arkimede interessata ħafna.[5]
Germain ħasbet li jekk il-metodu tal-ġeometrija, li dak iż-żmien kien jirreferi għall-matematika pura kollha, kien jaffaxxina tant lil Arkimede, żgur li kien suġġett li ta' min jistudjah.[8] Għalhekk fliet kull ktieb tal-matematika li missierha kellu fil-librerija, u saħansitra tgħallmet il-Latin u l-Grieg waħedha, sabiex tkun tista' taqra xogħlijiet bħal dawk ta' Sir Isaac Newton u Leonhard Euler. Kienet tħobb taqra wkoll it-Traité d'Arithmétique ta' Étienne Bézout u l-Le Calcul Différentiel ta' Jacques Antoine-Joseph Cousin. Iktar 'il quddiem, Cousin żar lil Germain id-dar, u ħeġġiġha tkompli bl-istudji tagħha.[9]
Il-ġenituri ta' Germain xejn ma kienu japprovaw il-mod kif affaxxinat ruħha ħesrem mill-matematika, li dak iż-żmien kienet xi ħaġa mhux xierqa għal mara. Meta kien isir billejl, ma kinux iħalluha tilbes ħwejjeġ sħan u tqabbad in-nar fil-kamra tas-sodda tagħha sabiex ma tibqax tistudja, iżda wara li kienu jitilqu mill-kamra tas-sodda tagħha, kienet tixgħel ix-xemgħat, kienet titgeżwer fil-kutri u kienet toqgħod tistudja l-matematika. Wara li għadda ftit żmien, ommha kienet bdiet tappoġġaha bil-moħbi.[10]
École Polytechnique
immodifikaFl-1794, meta Germain kellha 18-il sena, fetħet l-École Polytechnique. Peress li kienet mara, Germain ma setgħetx tattendi, iżda s-sistema l-ġdida tal-edukazzjoni kienet tippermetti li "n-noti tal-lezzjonijiet ikunu disponibbli għal kull min kien jitlobhom". Il-metodu l-ġdid kien jirrikjedi wkoll li l-istudenti "jibagħtu osservazzjonijiet bil-miktub".[11] Germain kisbet in-noti tal-lezzjonijiet u bdiet tibgħat ix-xogħol tagħha lil Joseph Louis Lagrange, li kien membru tal-fakultà. Hija użat isem eks student, Monsieur Antoine-Auguste Le Blanc[12], "peress li kienet tibża'", kif spjegat iktar 'il quddiem lil Gauss, "li tiġi rridikolizzata bħala xjenzata mara". Meta Lagrange ra b'għajnejh l-intelliġenza ta' M. Le Blanc, talab li ssir laqgħa, u b'hekk Sophie kellha tiżvela l-identità reali tagħha. Fortunatament, Lagrange ma kienx jagħti kas li Germain kienet mara, u sar il-mentor tagħha.[13]
Xogħol bikri fit-teorija tan-numri
immodifikaKorrispondenza ma' Legendre
immodifikaGermain saret interessata għall-ewwel darba fit-teorija tan-numri fl-1798 meta Adrien-Marie Legendre ppubblika l-Essai sur la théorie des nombres. Wara li studjat dak ix-xogħol, bdiet korrispondenza miegħu fuq it-teorija tan-numri, u iktar 'il quddiem fuq it-teorija tal-elastiċità. Legendre wera ftit mix-xogħol ta' Germain fis-Supplément tat-tieni edizzjoni tiegħu tat-Théorie des Nombres, fejn isejjaħlu très ingénieuse ("inġenjuż ħafna").[14][15]
Korrispondenza ma' Gauss
immodifikaL-interess ta' Germain fit-teorija tan-numri ġiet imġedda meta qrat ix-xogħol monumentali ta' Carl Friedrich Gauss, Disquisitiones Arithmeticae. Wara tliet snin ta' xogħol bl-eżerċizzji u s-sejbien ta' evidenza minnha stess għal uħud mit-teoremi[16], hija kitbet, mill-ġdid bil-psewdonimu M. Le Blanc, lill-awtur innifsu, li kien sena iżgħar minnha.[17] Fl-ewwel ittra, datata l-21 ta' Novembru 1804[18], ġew diskussi d-Disquisitiones ta' Gauss u ġew ippreżentati wħud mix-xogħlijiet ta' Germain rigward l-Aħħar Teoremo ta' Fermat. F'din l-ittra, Germain sostniet li kellha l-evidenza għat-teorema ta' n = p − 1, fejn p huwa numru prim tal-forma p = 8k + 7.[19] Madankollu, l-evidenza tagħha kien fiha suppożizzjoni dgħajfa, u t-tweġiba ta' Gauss ma kkummentatx dwar l-evidenza ta' Germain.[20]
Għall-ħabta tal-1807 (is-sorsi jvarjaw), matul il-Gwerer Napuljoniċi, il-Franċiżi kienu qed jokkupaw ir-raħal Ġermaniż ta' Braunschweig, fejn kien jgħix Gauss. Germain, imħassba li seta' jgħaddi mid-destin ta' Arkimede, kitbet lill-Ġeneral Pernety (Joseph Marie de Pernety), li kien ħabib tal-familja, u talbitu jiżgura s-sikurezza ta' Gauss. Il-Ġeneral Pernety bagħat lil kap ta' battaljun biex jiltaqa' personalment ma' Gauss biex jara li kien sikur. Wara kollox, Gauss kien tajjeb, iżda kkonfonda kif sema' isem Sophie.[21]
Tliet xhur wara l-inċident, Germain żvelat l-identità reali tagħha lil Gauss. Huwa wieġeb:[22]
Kif nista' niddeskrivi kemm jien mimli stagħġib u ammirazzjoni li qed nara b'għajnejja lill-għażiża korrispondenta M. Le Blanc metamorfizzata f'din il-persuna tal-għaġeb ... minħabba l-ġeneru tagħha, id-drawwiet u l-preġudizzji tagħna jwasslu biex in-nisa jiffaċċjaw bil-bosta iktar ostakli milli l-irġiel biex jiffamiljarizzaw ruħhom mad-diversi ostakli iktar li jiltaqgħu magħhom u mal-problemi ibsin tat-teorija tan-numri, Minkejja dan hija tegħleb dawn l-intoppi u titkixxef dwar l-iżjed kunċetti moħbija; għalhekk bla dubju għandha kuraġġ mill-iktar nobbli, talent straordinarju, u moħħ superjuri.
L-ittri ta' Gauss lil Olbers juru li t-tifħir tiegħu għal Germain kien sinċier.[23] Fl-istess ittra tal-1807, Germain sostniet li if hija tal-forma , allura hija wkoll ta' dik il-forma. Gauss wieġeb b'kontroeżempju: tista' tinkiteb , iżda ma tistax.[24]
Għalkemm Gauss kellu ħsibijiet pożittivi dwar Germain, it-tweġibiet tiegħu għall-ittri tagħha spiss kienu jdumu ma jaslu, u ġeneralment ma kienx jirrieżamina x-xogħol tagħha. Eventwalment l-interessi tiegħu ma baqgħux marbuta mat-teorija tan-numri, u fl-1809 l-ittri waqfu. Minkejja l-ħbiberija ta' Germain u Gauss, qatt ma ltaqgħu.[25]
Premju Sophie Germain
immodifikaIl-Premju Sophie Germain (bil-Franċiż: Prix Sophie Germain), li jingħata kull sena mill-Fondazzjoni Sophie Germain, jingħata mill-Akkademja tax-Xjenzi f'Pariġi. L-iskop tiegħu huwa li jagħti ġieħ lil matematiku Franċiż għar-riċerka fis-sisien tal-matematika. Dan il-premju, li jammontaw għal €8,000, ġie stabbilit fl-2003, taħt il-patroċinju tal-Institut de France.[26]
Referenzi
immodifika- ^ Del Centina, Andrea (2008). "Unpublished manuscripts of Sophie Germain and a revaluation of her work on Fermat's Last Theorem". Archive for History of Exact Sciences. 62 (4), p. 373.
- ^ Case, Bettye Anne; Leggett, Anne M. (2005). Complexities: Women in Mathematics. Princeton University Press. ISBN 0-691-11462-5. p. 39.
- ^ Mackinnon, Nick (1990). "Sophie Germain, or, Was Gauss a feminist?". The Mathematical Gazette 74 (470), p. 347.
- ^ Del Centina, Andrea (2005). "Letters of Sophie Germain preserved in Florence". Historia Mathematica. 32 (1): 60–75, sez. 1.
- ^ a b ċ Gray, Mary (1978). "Sophie Germain (1776–1831)". In Louise S. Grinstein; Paul Campbell (eds.). Women of Mathematics: A Bibliographic Sourcebook. Greenwood. p. 47. ISBN 978-0-313-24849-8.
- ^ Moncrief, J. William (2002). "Germain, Sophie". In Barry Max Brandenberger (ed.). Mathematics, Volume 2: Macmillan Science Library. Macmillan Reference USA. ISBN 978-0-02-865563-5. p. 103.
- ^ Gray, Mary W. (2005). "Sophie Germain". In Bettye Anne Case; Anne M. Leggett (eds.). Complexities: Women in Mathematics. Princeton University Press. p. 68. ISBN 0-691-11462-5.
- ^ Ogilvie, Marilyn Bailey (1990). Women in Science: Antiquity Through the Nineteenth Century: a Biographical Dictionary with Annotated Bibliography. MIT Press. ISBN 978-0-262-65038-0. p. 90.
- ^ Gray, Mary (1978). "Sophie Germain (1776–1831)". In Louise S. Grinstein; Paul Campbell (eds.). Women of Mathematics: A Bibliographic Sourcebook. Greenwood. ISBN 978-0-313-24849-8. p. 48.
- ^ Gray, Mary (1978). "Sophie Germain (1776–1831)". In Louise S. Grinstein; Paul Campbell (eds.). Women of Mathematics: A Bibliographic Sourcebook. Greenwood. pp. 47–48. ISBN 978-0-313-24849-8.
- ^ Gray, Mary W. (2005). "Sophie Germain". In Bettye Anne Case; Anne M. Leggett (eds.). Complexities: Women in Mathematics. Princeton University Press. p. 69. ISBN 0-691-11462-5.
- ^ "Math's Hidden Woman". www.pbs.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-27.
- ^ Mackinnon, Nick (1990). "Sophie Germain, or, Was Gauss a feminist?". The Mathematical Gazette. 74 (470), p. 348.
- ^ Del Centina, Andrea (2005). "Letters of Sophie Germain preserved in Florence". Historia Mathematica. 32 (1): 60–75. sez. 2.
- ^ Sampson, J. H. (1990). "Sophie Germain and the Theory of Numbers". Archive for History of Exact Sciences. 41 (2), p. 158.
- ^ Del Centina, Andrea (2008). "Unpublished manuscripts of Sophie Germain and a revaluation of her work on Fermat's Last Theorem". Archive for History of Exact Sciences. 62 (4), p. 352.
- ^ Sampson, J. H. (1990). "Sophie Germain and the Theory of Numbers". Archive for History of Exact Sciences. 41 (2), p. 157.
- ^ Gray, Mary W. (2005). "Sophie Germain". In Bettye Anne Case; Anne M. Leggett (eds.). Complexities: Women in Mathematics. Princeton University Press. p. 71. ISBN 0-691-11462-5.
- ^ Dickson, Leonard Eugene (1919). History of the Theory of Numbers, Volume II: Diophantine Analysis. p. 733.
- ^ Del Centina, Andrea (2008). "Unpublished manuscripts of Sophie Germain and a revaluation of her work on Fermat's Last Theorem". Archive for History of Exact Sciences. 62 (4), p. 355.
- ^ Dunnington, G. Waldo (1955). Carl Friedrich Gauss: Titan of Science. A study of his life and work. Hafner. p. 67.
- ^ Mackinnon, Nick (1990). "Sophie Germain, or, Was Gauss a feminist?". The Mathematical Gazette. 74 (470), p. 349.
- ^ Bell, Eric Temple (1937). Men of Mathematics. Simon and Schuster. p. 262.
- ^ Waterhouse, William C. (1994). "A counterexample for Germain". American Mathematical Monthly. 101 (2): 140–150.
- ^ Gray, Mary (1978). "Sophie Germain (1776–1831)". In Louise S. Grinstein; Paul Campbell (eds.). Women of Mathematics: A Bibliographic Sourcebook. Greenwood. p. 49. ISBN 978-0-313-24849-8.
- ^ "Prix Sophie Germain – Fondation de l'Institut de France" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-11-29. Miġbur 2022-06-27.