Skoll tal-Qroll tal-Belize
L-Iskoll tal-Qroll tal-Belize huwa magħmul minn sensiela ta' skolli tal-qroll 'il barra mill-kosta tal-Belize, madwar 300 metru (980 pied) fit-Tramuntana u 40 kilometru (25 mil) fin-Nofsinhar fil-limiti territorjali tal-pajjiż. L-Iskoll tal-Qroll tal-Belize huwa sezzjoni twila 300 kilometru (190 mil) tas-Sistema Mesoamerikana tal-Iskolli tal-Qroll twila 900 kilometru (560 mil), li hija kontinwa minn Cancún fit-tarf tal-Grigal tal-Peniżola ta' Yucatán sar-Riviera Maya, il-Messiku, u 'l isfel lejn il-Honduras, u b'hekk hija t-tieni l-ikbar sistema ta' skolli tal-qroll fid-dinja wara l-Iskoll il-Kbir tal-Qroll fl-Awstralja. Huwa l-iżjed destinazzjoni turistika ewlenija tal-Belize, huwa popolari fost il-bugħaddasa u l-għawwiema, u jattira kważi nofs il-260,000 viżitatur tal-pajjiż. Huwa vitali wkoll għall-industrija tas-sajd tal-pajjiż.[1]
Fl-1842 Charles Darwin iddeskriva l-Iskoll tal-Qroll tal-Belize bħala "l-iżjed skoll notevoli fl-Indji tal-Punent".
Minbarra l-iskoll tal-qroll, hemm ukoll tliet skolli b'għamla ta' ċirku jew gżejjer tal-qroll distinti fil-Baħar tal-Karibew: il-Gżira tal-Qroll ta' Turneffe, l-Iskoll ta' Glover u l-Iskoll tal-Fanal. L-Iskoll tal-Fanal (bl-Ingliż: Lighthouse Reef) huwa l-iżjed sit tal-għadis fil-Lvant fil-Belize, u fih hemm il-Ħofra Blu l-Kbira, li saret famuża bis-saħħa ta' Jacques Cousteau fl-1970; il-Gżira tal-Qroll ta' Turneffe tinsab eżat lejn il-Lvant tal-Belt tal-Belizeu hija l-eqreb gżira tal-qroll għal dik il-belt. L-iskoll u l-gżejjer tal-qroll jipprovdu diversi opportunitajiet differenti għall-bugħaddasa, inkluż ħitan, pinnakli u artijiet ċatti tal-qroll li jinsabu fuq medda enormi ta' baħar.[2]
Speċijiet
immodifikaL-Iskoll tal-Qroll tal-Belize jospita diversità kbira ta' pjanti u ta' annimali:
- 70 speċi ta' qroll iebes;
- 36 speċi ta' qroll artab;
- 500 speċi ta' ħut;
- mijiet ta' speċijiet ta' invertebrati.
Għalkemm għad fadal 90 % tal-iskoll tal-qroll li għadu ma ġiex irriċerkat, huwa stmat li ġew skoperti 10 % biss tal-ispeċijiet kollha tal-Iskoll tal-Qroll tal-Belize.[3]
Protezzjoni ambjentali
immodifikaParti kbira mill-iskoll tal-qroll hija protetta mis-Sistema tar-Riżerva tal-Iskoll tal-Qroll tal-Belize, li tinkludi seba' riżervi tal-baħar, 450 caye (gżira bir-ramel fil-wiċċ tal-iskoll tal-qroll), u tliet gżejjer tal-qroll. L-erja totali tal-Iskoll tal-Qroll tal-Belize hija ta' 960 kilometru kwadru (370 mil kwadru), u tinkludi:
- ir-Riżerva tal-Baħar tal-Iskoll ta' Glover;
- il-Ħofra Blu l-Kbira;
- ir-Riżerva tal-Baħar ta' South Water Caye;
- il-Monument Naturali ta' Half Moon Caye;
- ir-Riżerva tal-Baħar ta' Hol Chan;
- il-cayes li ġejjin: Ambergris Caye, Caye Caulker, Caye Chapel, Carrie Bow Caye, St. George's Caye, English Caye, Rendezvous Caye, Gladden Caye, Ranguana Caye, Long Caye, Moho Caye, Blackbird Caye, Three Corner Caye, Northern Caye, Tobacco Caye u Sandbore Caye.
Fl-1996 l-Iskoll tal-Qroll tal-Belize tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu u minħabba l-fatt li fih l-iżjed ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika.[4]
Il-Belize sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li pprojbixxa t-tkarkir tal-qiegħ f'Diċembru 2010.[5][6] F'Diċembru 2015, il-Belize pprojbixxa t-tħaffir għaż-żejt lil hinn mill-kosta sa kilometru mill-Iskoll tal-Qroll.[7]
Minkejja dawn il-miżuri protettivi, l-iskoll għadu mhedded mit-tniġġis oċeaniku kif ukoll mit-turiżmu, mit-trasport marittimu u mis-sajd mhux ikkontrollat. Theddidiet oħra jinkludu l-uragani, flimkien mat-tisħin globali u ż-żieda fit-temperaturi tal-oċean li tirriżulta minnu. Dan jikkawża l-iskulurizzazzjoni tal-qroll. Xi xjenzati jsostnu li iktar minn 40 % tal-Iskoll tal-Qroll tal-Belize ġarrab xi tip ta' ħsara mill-1998 'l hawn.[8]
L-Iskoll tal-Qroll tal-Belize ġie affettwat minn avvenimenti ta' skulurizzazzjoni tal-qroll tal-massa. L-ewwel skulurizzazzjoni tal-massa seħħet fl-1995, fejn ġiet stmata mortalità ta' 10 fil-mija tal-kolonji tal-qroll, skont rapport tal-Istitut tal-Ġestjoni taż-Żona Kostali fil-Belize. Avveniment ieħor ta' skulurizzazzjoni tal-massa seħħ meta bl-Uragan Mitch fl-1998. Il-bijologi osservaw tnaqqis ta' 48 fil-mija tal-kopertura tal-qroll ħaj fis-sistema tal-qroll tal-Belize.
Normalment ikun diffiċli li ssir distinzjoni dwar jekk ir-raġuni tal-iskulurizzazzjoni tal-qroll hijiex dovuta għal attivitajiet tal-bniedem jew għal raġunijiet naturali bħal maltempati jew fluttwazzjonijiet batteriċi. Fil-każ tal-Iskoll tal-Qroll tal-Belize, bosta fatturi li jagħmlu din id-distinzjoni diffiċli ma japplikawx. Il-popolazzjoni umana f'din iż-żona hija ferm iktar sparpaljata milli fiż-żoni korrispondenti qrib skolli tal-qroll oħra, għaldaqstant l-attività tal-bniedem u t-tniġġis huma ferm iktar baxxi meta mqabbla ma' skolli tal-qroll oħra, u s-sistema tal-qroll tal-Belize tinsab f'żona ferm iktar imkennija.
Meta jkun hemm avvenimenti ta' skulurizzazzjoni tal-qroll, parti kbira mill-qroll tmut, u l-kumplament tal-ekosistema tibda l-proċess tat-tiswija tal-ħsara. Iżda l-probabbiltà ta' rkupru totali hija baxxa, peress li l-qroll affettwat isir ferm iktar suxxettibbli għall-mard. Il-mard spiss joqtol iktar qroll mill-avveniment ta' skulurizzazzjoni nnifsu. Bl-avvenimenti kontinwi ta' skulurizzazzjoni, l-iskoll tal-qroll ma tantx ikollu wisq ċans ta' rkupru.[9]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaL-Iskoll tal-Qroll tal-Belize ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[4]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ "Reef at forefront of CO2 battle" (bl-Ingliż). 2006-06-12. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Belize Diving - Great Blue Hole, Turneffe, Ambergris". www.dive-the-world.com. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Barrier Reef, Belize". web.archive.org. 2013-06-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-05. Miġbur 2024-02-28.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Belize Barrier Reef Reserve System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Guatemalans trawling in Belize's southern waters | Channel5Belize.com" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-04-16. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Belize Bans Bottom Trawling in Exclusive Economic Zone". web.archive.org. 2012-10-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-09. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "7 News Belize". www.7newsbelize.com. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "BBC News | SCI/TECH | Coral collapse in Caribbean". news.bbc.co.uk. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Belize Reef Die-Off Due to Climate Change?". web.archive.org. 2003-06-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2003-06-27. Miġbur 2024-02-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)