Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar
Is-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar (bil-Persjan: سازههای آبی شوشتر) hija sistema kumplessa tal-irrigazzjoni tal-belt-gżira ta' Shushtar minn żmien is-Sassanidi. Tikkonsisti minn 13-il diga, pont, kanal u struttura li jaħdmu flimkien bħala sistema idrawlika.
Din is-sistema tinsab fil-Provinċja ta' Khuzestan, l-Iran.[1] Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[2] Dan il-kapulavur tal-inġinerija huwa uniku kemm fl-Iran kif ukoll fid-dinja. Is-Sassanidi, li l-ekonomija tagħhom kienet tiddependi l-iktar fuq l-agrikoltura, żviluppaw sistemi estensivi tal-irrigazzjoni f'dan ir-reġjun.
L-infrastruttura kienet tinkludi mtieħen tal-ilma, digi, mini u kanali. Il-Pont-Diga ta' Gargar inbena fuq l-imtieħen tal-ilma u l-kaskati. Il-Kanal ta' Bolayti jinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-imtieħen tal-ilma u l-kaskati, u l-funzjoni tiegħu hi li jipprovdi l-ilma minn wara l-Pont ta' Gargar għan-naħa tal-Lvant tal-imtieħen tal-ilma u li jiddirezzjona l-ilma f'kanal sabiex jipprevjeni li ssir il-ħsara lill-imtieħen tal-ilma. Il-Mina ta' Dahaneye Shahr hija waħda mit-tliet mini prinċipali li kienu jiddirezzjonaw l-ilma minn wara l-Pont-Diga ta' Gargar għall-mitħna tal-ilma biex imbagħad jitħaddmu diversi mtieħen tal-ilma.[3][4] Il-Kanal ta' Seh Kooreh jiddirezzjona l-ilma minn wara l-Pont ta' Gargar għan-naħa tal-Punent. L-imtieħen tal-ilma u l-kaskati jirrappreżentaw mudell perfett tal-użu tal-ilma għat-tħaddim ta' diversi mtieħen tal-ilma oħra.
Il-Band-e Kaisar ("Diga ta' Ċesri"), diga Rumana twila madwar 500 metru (1,600 pied) minn naħa għall-oħra tax-xmara Karun, kienet l-istruttura ewlenija tal-kumpless, li flimkien mad-Diga ta' Mizan (Band-e Mizan), żammet u ddevjat l-ilma tax-xmara lejn il-kanali tal-irrigazzjoni fl-inħawi.[5] Din id-diga nbniet minn forza tax-xogħol Rumana fis-seklu 3 W.K. skont l-ordnijiet tas-Sassanidi, u kienet l-iżjed pont Ruman u diga Rumana fil-Lvant, kif ukoll l-ewwel struttura fl-Iran li kienet tintuża bħala pont u diga f'daqqa.[6]
Partijiet mis-sistema tal-irrigazzjoni jingħad li oriġinarjament imorru lura għal żmien Darius il-Kbir, re Akemenid tal-Iran. Parzjalment tikkonsisti minn par kanali primarji ta' devjazzjoni fix-xmara Karun, u wieħed minnhom għadu jintuża sal-lum. Iwassal l-ilma lejn il-belt ta' Shushtar permezz ta' rotta ta' mini tal-provvista tal-ilma. Fl-inħawi hemm ukoll il-Kastell ta' Salasel, li huwa l-assi għat-tħaddim tas-sistema idrawlika. Jikkonsisti wkoll minn torri għall-kejl tal-livell tal-ilma, flimkien ma' pontijiet, digi, imtieħen tal-ilma u baċiri.
Is-sistema idrawlika mbagħad tidħol fil-pjanura fin-Nofsinhar tal-belt, fejn l-impatt tagħha jinkludi l-faċilitazzjoni tal-possibbiltà tal-biedja f'żona msejħa Mianâb u t-tħawwil tas-siġar tal-frott. Fil-fatt iż-żona kollha bejn iż-żewġ kanali tad-devjazzjoni tal-ilma (Shutayt u Gargar) fix-xmara Karun tissejjaħ Mianâb, bil-belt ta' Shushtar fin-naħa tat-Tramuntana tagħha.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Komponenti
immodifikaIs-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar hija kumpless ta' digi, pontijiet, kanali u strutturi, magħmula minn 13-il sit li jaħdmu flimkien bħala sistema idrawlika. Dawn huma:[2][8]
1. Id-Diga ta' Mizan
2. It-Torri ta' Kolah-Farangi
3. Il-Kanal ta' Gargar
4. Il-Pont-Diga ta' Gargar
5. L-Inħawi tal-Imtieħen tal-Ilma u l-Kaskati
6. Il-Pont-Diga ta' Borj Ayar u s-Santwarju ta' Sabein
7. Il-Pont-Diga ta' Khoda-Afrain
8. Il-Kastell ta' Salasel
9. Il-Kanal ta' Dariun
10. Il-Pont-Diga ta' Shadorvan
11. Id-Diga ta' Band-e Khak
12. Il-Pont-Diga ta' Lashkar
13. Id-Diga ta' Sharabdar
Gallerija
immodifikaIktar qari
immodifika- Hartung, Fritz; Kuros, Gh. R. (1987), "Historische Talsperren im Iran", in Garbrecht, Günther (ed.), Historische Talsperren, vol. 1, Stuttgart: Verlag Konrad Wittwer, pp. 221–274, ISBN 3-87919-145-X.
- Hodge, A. Trevor (1992), Roman Aqueducts & Water Supply, Londra: Duckworth, p. 85, ISBN 0-7156-2194-7.
- Huff, Dietrich (2010), "Bridges. Pre-Islamic Bridges", f'Yarshater, Ehsan (ed.), Encyclopædia Iranica Online.
- Kleiss, Wolfram (1983), "Brückenkonstruktionen in Iran", Architectura, 13: 105–112 (106).
- Kramers, J. H. (2010), "Shushtar", f'Bearman, P. (ed.), Encyclopaedia of Islam (2nd ed.), Brill Online.
- O'Connor, Colin (1993), Roman Bridges, Cambridge University Press, p. 130 (No. E42), ISBN 0-521-39326-4.
- Schnitter, Niklaus (1978), "Römische Talsperren", Antike Welt, 8 (2): 25–32 (32).
- Smith, Norman (1971), A History of Dams, Londra: Peter Davies, pp. 56–61, ISBN 0-432-15090-0.
- Vogel, Alexius (1987), "Die historische Entwicklung der Gewichtsmauer", in Garbrecht, Günther (ed.), Historische Talsperren, vol. 1, Stuttgart: Verlag Konrad Wittwer, pp. 47–56 (50), ISBN 3-87919-145-X.
Referenzi
immodifika- ^ "Shushtar, Historical Hydraulic System - World Heritage Site - Pictures, info and travel reports". web.archive.org. 2010-06-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-04. Miġbur 2024-01-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Shushtar Historical Hydraulic System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-02.
- ^ Hodge, A. Trevor (1992), Roman Aqueducts & Water Supply, Londra: Duckworth, p. 85, ISBN 0-7156-2194-7.
- ^ O'Connor, Colin (1993), Roman Bridges, Cambridge University Press, p. 130 (No. E42), ISBN 0-521-39326-4.
- ^ Schnitter, Niklaus (1978), "Römische Talsperren", Antike Welt, 8 (2): 25–32 (32), p. 28.
- ^ Vogel, Alexius (1987), "Die historische Entwicklung der Gewichtsmauer", in Garbrecht, Günther (ed.), Historische Talsperren, vol. 1, Stuttgart: Verlag Konrad Wittwer, pp. 47–56 (50), ISBN 3-87919-145-X, p. 50.
- ^ C. J. Edmonds, East and West of Zagros, BRILL, 2009, ISBN 9004173447; p. 157.
- ^ "Dokument tal-Evalwazzjoni tal-UNESCO".