Sangiran

sit ta' skavi arkeoloġiċi f'Ġava, l-Indoneżja

Sangiran huwa sit ta' skavi arkeoloġiċi f'Ġava, l-Indoneżja.[1] Skont rapport tal-UNESCO tal-1995, "Sangiran huwa rikonoxxut mix-xjenzati bħala wieħed mill-iktar siti importanti fid-dinja għall-istudju tal-fossili tal-bniedem, u jikklassifika fuq l-istess livell ta' Zhoukoudian (iċ-Ċina), il-Lagi ta' Willandra (l-Awstralja), l-Irdum ta' Olduvai (it-Tanżanija), u Sterkfontein (l-Afrika t'Isfel), u iktar rikk fil-fdalijiet minn kwalunkwe wieħed minnhom".[2]

Replika tal-kranju ta' Sangiran 17.

Iż-żona għandha erja ta' madwar 56 km² (7 km bi 8 km) u tinsab f'Ġava Ċentrali, madwar 15-il kilometru fit-Tramuntana ta' Surakarta fil-wied tax-xmara Solo. Amministrattivament, is-sit ta' Sangiran huwa maqsum bejn żewġ unitajiet amministrattivi: Sragen (id-distretti ta' Gemolong, Kalijambe u Plupuh) u Karanganyar (id-distrett ta' Gondangrejo). Karatteristika importanti tas-sit hija l-ġeoloġija taż-żona. Oriġinarjament, miljuni ta' snin ilu nħolqot qisha koppla naturali permezz ta' movimenti tettoniċ. Imbagħad, din il-koppla ttieklet mill-elementi u esponiet saffi ta' depożiti fi ħdan il-koppla li huma rikki bi fdalijiet arkeoloġiċi.[3]

Homo sapiens Ngrejeng (40,000 sena ilu)

Kronoloġija

immodifika
  • 1883: il-paleoantropologu Olandiż Eugène Dubois wettaq analiżijiet preliminari fil-post f'Sangiran. Madankollul, Dubois ma sab l-ebda fossila ta' interess u b'hekk xeħet l-attenzjoni tiegħu fuq Trinil fil-Lvant ta' Ġava fejn għamel skoperti sinifikanti.
  • 1934: l-antropologu Gustav Heinrich Ralph von Koenigswald beda jeżamina ż-żona. Matul l-iskavi fis-snin ta' wara sab uħud mill-ewwel antenati magħrufa tal-bniedem, Pithecanthropus erectus (imlaqqam ir-"Raġel ta' Ġava", issa kklassifikat mill-ġdid bħala parti mill-ispeċi Homo erectus). Madwar 60 fossila umana oħra, fosthom il-"Meganthropus" enigmatiku, instabu fil-post minn dak iż-żmien. Sangiran 2, pereżempju, ġie skopert minn von Koenigswald fis-sit. Barra minn hekk, instabu wkoll ammonti konsiderevoli ta' fdalijiet ta' annimali li dawn il-bnedmin primittivi kienu jikkaċċjaw, u ta' oħrajn li kienu jikkondividu l-ħabitat tagħhom magħhom.
  • 1977: il-gvern Indoneżjan iddeżinja erja ta' 56 km2 madwar Sangiran bħala Daerah Cagar Budaya (Żona Kulturali Protetta).[4]
  • 1988: ġie stabbilit mużew lokali mudest u laboratorju tal-konservazzjoni f'Sangiran.
  • 1996: l-UNESCO rreġistrat lil Sangiran bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Sit tal-Ewwel Bnedmin ta' Sangiran".[5][6]
  • 2011: il-mużew u ċ-ċentru tal-viżitaturi attwali nfetħu mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kultura fil-15 ta' Diċembru.
  • 2012: il-President Susilo Bambang Yudhoyono żar il-mużew fi Frar akkumpanjat minn 11-il ministru tal-kabinett.

Maż-żmien, wara x-xogħol inizjali ta' Dubois u ta' von Koenigswald f'Sangiran, studjużi oħra inkluż arkeologi Indoneżjani wettqu xi xogħol fis-sit. Fost l-istudjużi Indoneżjani kien hemm Teuku Jacob, Etty Indriati, Sartono, Fachroel Aziz, Harry Widianto, Yahdi Zaim, u Johan Arif.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Sit tal-Ewwel Bnedmin ta' Sangiran ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[6]

Mużew ta' Sangiran

immodifika
 
Il-Mużew ta' Sangiran

Kien jeżisti mużew mudest f'Sangiran għal diversi deċennji qabel ma nfetaħ mużew iktar modern u ċentru tal-viżitaturi f'Diċembru 2011. Il-binja l-ġdida tal-mużew fiha tliet swali prinċipali b'diversi oġġetti għall-wiri u b'dijorami impressjonati tas-sit ta' Sangiran kif x'aktarx kien madwar miljun sena ilu. Diversi ċentri oħra nbnew ukoll u sal-2014 infetħu erba' ċentri f'postijiet differenti fi ħdan is-sit kumplessiv ta' Sangiran.[8] L-erba' ċentri huma:

  • Krikilan: is-sit eżistenti u operattiv sa llum biċ-ċentru tal-viżitaturi u l-mużew.
  • Ngebung: is-sit dwar l-istorja tal-iskoperta tas-sit ta' Sangiran.
  • Bukuran: is-sit informattiv dwar l-iskoperta tal-fossili umani preistoriċi f'Sangiran.
  • Dayu: is-sit informattiv dwar l-aħħar riċerka tas-sit.

Il-mużew attwali u ċ-ċentru tal-viżitaturi għandhom tliet swali. L-ewwel sala fiha għadd ta' dijorami li jipprovdu tagħrif dwar il-bnedmin bikrin u l-annimali li kienu jeżistu fis-sit ta' Sangiran madwar miljun sena ilu. It-tieni sala, li hija iktar estensiva, fiha iktar materjal dettaljat dwar firxa wiesgħa ta' fossili li nstabu f'Sangiran u dwar l-istorja ta' esplorazzjoni tas-sit. It-tielet sala, bi preżentazzjoni separata, fiha dijorama kbira li tagħti veduta panoramika tas-sit kollu ta' Sangiran, b'vulkani bħal dak tal-Muntanja Lawu fl-isfond u l-ewwel bnedmin u l-annimali fuq quddiem, kif wieħed jimmaġina li seta' jkun is-sit madwar miljun sena ilu. Diversi preżentazzjoni f'din it-tielet sala jirreferu għax-xogħol tal-iskultur paleontoloġiku magħrufa internazzjonalment Elisabeth Daynes.

Aċċess

immodifika
 
Darsa ta' Stegodon trigonocephalus.

Wieħed jaċċessa l-mużew ta' Sangiran billi jivvjaġġa madwar 15-il kilometru fit-Tramuntana minn Surakarta tul it-triq prinċipali lejn ir-raħal ta' Purwodadi f'Ġava Ċentrali. Il-kisra lejn il-mużew, eżatt wara r-raħal żgħir ta' Kalioso, twassal għal triq imwittija li sserrep f'żona rurali relattivament fqira għal madwar erba' kilometri qabel ma wieħed jasal għat-triq qasira finali tad-dħul taċ-ċentru tal-viżitaturi fuq il-lemin. Jiddependi mit-traffiku tul it-triq traffikuża bejn Surakarta u Purwodadi, iżda bħala medja l-vjaġġ minn Surakarta jdum xi 45-60 minuta. Tul ir-rotta minn Surakarta għal Purwodadi l-karozzi tal-linja jgħaddu spiss u jwaqqfu lill-passiġġieri fil-kisra msemmija hawn fuq. Sewwieqa informali lokali tal-muturi li jagħmluha ta' sewwieqa tat-taksi għall-erba' kilometri li jkun għad fadal u jwasslu lill-viżitaturi sal-mużew għal ftit flus. Wieħed jista' jasal għall-mużew b'mod konvenjenti wkoll permezz tal-awtostrada bin-noll li taqsam minn naħa għall-oħra ta' Ġava. Il-mużew jiftaħ kuljum mit-08:00 ta' filgħodu sal-04:00 ta' waranofsinhar għajr nhar ta' Tnejn meta l-mużew ikun magħluq.

Problemi soċjali u oħrajn

immodifika

L-iżvilupp tas-sit kumplessiv ta' Sangiran ma sarx mingħajr kontroversja. It-tħaffir mhux ikkontrollat u l-kummerċ illegali tal-fossili seħħew diversi drabi mill-ewwel skoperta tas-sit. Għal perjodu konsiderevoli, in-nies tal-villaġġi fl-inħawi kienu jħaffru għall-fossili u jbigħuhom lix-xerrejja lokali. Wara l-promulgazzjoni tal-Liġi Nazzjonali Nru 5 tal-1992 dwar l-oġġetti ta' wirt kulturali, beda jkun hemm kontrolli iktar rigorużi fuq dawn l-attivitajiet.[9] Madankollu, xorta waħda baqgħu jsiru attivitajiet illegali xi kultant fis-snin reċenti. Fl-2010, pereżempju, ċittadin Amerikan li sostna li kien xjenzat ġie arrestat qrib Sangiran wara li nqabad jivvjaġġa fi trakk li kien fih 43 tip differenti ta' fossili f'kaxxi u fi xkejjer, b'valur stmat fis-suq ta' $2 miljun.[10]

Iktar reċentement, kien hemm diskussjoni fil-mezzi tax-xandir Indoneżjani dwar il-mod kif l-iżvilupp tas-sit ta' Sangiran ma wassal l-ebda benefiċċju tanġibbli sinifikanti lill-komunitajiet rurali lokali.[11]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Choi, Kildo; Driwantoro, Dubel (2007). "Shell tool use by early members of Homo erectus in Sangiran, central Java, Indonesia: cut mark evidence". Journal of Archaeological Science. 34: 48.
  2. ^ "World Heritage List note, Sangiran, No 593, Settembru 1995" (PDF).
  3. ^ "Tracing man's origins in Sangiran, Pacitan | The Jakarta Post". web.archive.org. 2013-09-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-09-05. Miġbur 2022-08-17.
  4. ^ Surat Keputusan Menteri Pendidikan dan Kebudayaan (Deċiżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Kultura) Nru 070/O/1977.
  5. ^ UNESCO Document WHC-96/Conf. 2201/21.
  6. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sangiran Early Man Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.
  7. ^ Etty Indriati, Warisan budaya dan munusia purba Indonesia Sangiran [Cultural heritage and ancient Indonesian man Sangiran], PT Citra Aji Parama, Yogyakarta, 2009.
  8. ^ Post, The Jakarta. "Sangiran Museum to open in 2014". The Jakarta Post (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.
  9. ^ Post, The Jakarta. "The Paradox of Sangiran". The Jakarta Post (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.
  10. ^ "American Held Over Rare Fossils Theft | The Jakarta Globe". web.archive.org. 2010-10-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-10-27. Miġbur 2022-08-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ Sri Rejeksi, 'Sangiran, Bumi manusia Jawa yang tandus' [Sangiran, Java's barren homelands], Kompas, 16 March 2013. Also Sri Rejeksi, 'Tanah Air: Wajah Kontradiktif Sangiran' [Homeland: The Contradictory Face of Sangiran], Kompas, is-16 ta' Marzu 2013.