Rewwixta tal-Qassisin

rewwixta li kienu għamlu l-qassisin f'Malta fl-1775

Ir-Rewwixta tal-Qassisin, magħrufa wkoll bħala r-Ribelljoni tal-Maltin tal-1775 jew ir-Ribelljoni ta' Settembru 1775[1], kienet rewwixta mmexxija mill-kleru ta' Malta kontra l-Ordni ta' San Ġwann, li kellha s-sovranità fuq il-Gżejjer Maltin. Ir-rewwixta seħħet fit-8 ta' Settembru 1775, iżda l-Ordni sfaxxata fix-xejn fi ftit sigħat. Ir-ribelli nqabdu u wħud ġew ġustizzjati, eżiljati jew mitfugħa l-ħabs.

Id-daħla tal-Forti Sant'Iermu fil-Belt Valletta

Il-kawżi tar-rewwixta jmorru lura għall-1773, meta Francisco Ximenes de Texada ġie elett Gran Mastru wara l-mewta ta' Manuel Pinto da Fonseca. Malli ġie elett, Ximenes sab li s-senduq tat-Teżor kien tbattal mhux ħażin, u għaldaqstant daħħal miżuri ta' awsterità, fosthom it-tnaqqis tal-infiq u ż-żieda tal-prezz tal-qamħirrum. B'hekk il-poplu Malti u Għawdxi ħadu fuq demm id-dars, u mhux biss il-popolin iżda anke l-kleru kien tal-istess fehma.[2]

Ximenes ħareġ editt li jipprojbixxi l-kaċċa tal-liebri (jew iktar speċifikament tal-fenek tax-xiber) mill-popolin,[3] sabiex il-kaċċa tkun irriżervata għall-elit tas-soċjetà.[4] Il-projbizzjoni ġiet opposta mill-Isqof Giovanni Carmine Pellerano u mill-kleru. Xi avvenimenti oħra komplew iżidu t-tensjoni bejn il-kleru u l-Ordni.[5]

Rewwixta

immodifika

Minħabba t-tensjoni li kienet inġemgħet bejn l-Ordni u l-kleru, u l-opinjoni pubblika negattiva rigward Ximenes, xi qassisin immexxija minn Dun Gaetano Mannarino bdew jikkonfoffaw kontra l-Ordni. Huma għażla t-8 ta' Settembru bħala l-jum tar-ribelljoni, meta l-bastimenti tal-Ordni kienu qegħdin fuq il-baħar mal-Flotta Navali Spanjola u l-Belt Valletta ma kinitx difiża sew. 28 membru tal-kleru u għadd iktar ta' individwi mill-popolin kienu involuti fl-ippjanar tar-rewwixta.[6]

 
Il-fortifikazzjoni magħrufa bħala l-Kavallier ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta

Fit-8 ta' Settembru 1775, jum ir-rewwixta, tfaċċaw biss 18 mit-28 membru tal-kleru. Minkejja dan, Mannarino xorta waħda ddeċieda li jkompli bir-rewwixta. Grupp ta' 13-il ruħ ħadu f'idejhom il-Forti Sant'Iermu fit-Tramuntana tal-Belt Valletta, filwaqt li l-bqija tar-ribelli ħatfu l-fortifikazzjoni magħrufa bħala l-Kavallier ta' San Ġakbu fuq in-naħa l-oħra tal-belt. Fiż-żewġ każijiet, il-bandiera tal-Ordni ġiet imniżżla u minflok ittellgħet il-bandalora ta' San Pawl.[6] Meta faqqgħet ir-rewwixta, Ximenes laqqa' l-Kunsill tal-Istat biex jara kif itemm ir-rewwixta. Il-Kunsill bagħat lill-Vikarju Ġenerali biex jitkexxef x'kienu t-talbiet tar-ribelli, li qablu li jinnegozjaw. Madankollu, kien hemm mument meta heddew li jisplodu l-maħżen tal-porvli tal-Forti Sant'Iermu, li kien jikkawża ħsarat estensivi lill-forti u lill-fortifikazzjonijiet tal-belt. Minħabba f'hekk, l-Ordni ddeċidiet li terġa' tikseb il-kontroll tal-fortifikazzjonijiet okkupati bil-forza. Il-Forti Sant'Iermu reġa' għadda taħt il-kontroll tal-Ordni wara skambju qasir ta' tiri bl-armi tan-nar, filwaqt li l-Kavallier ta' San Ġakbu ġie ċedut ftit wara. Mit-18-il qassis li kienu involuti fir-rewwixta, 12 biss baqgħu jissieltu sal-aħħar.[7]

Wara r-rewwixta

immodifika

Wara li ċedew, ir-ribelli ntefgħu l-ħabs fil-Forti Sant'Iermu. L-ewwel proċessi quddiem il-liġi saru f'Ottubru 1775 u komplew wara l-mewt ta' Ximenes fl-4 ta' Novembru. Tlieta mir-ribelli ġew ġustizzjati, filwaqt li l-oħrajn intefgħu l-ħabs, ġew eżiljati jew inħelsu.[8] Il-mexxej tar-rewwixta Mannarino kien wieħed minn dawk li ngħata sentenza ta' ħabs għall-għomor. Eventwalment inħeles flimkien ma' priġunieri politiċi oħra, wara iktar minn għoxrin sena ħabs, meta Malta kienet taħt il-Franċiżi fl-1798. Mannarino miet fl-1814 meta kellu 81 sena.[9]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "The Magna Curia Castellania" (PDF). Melitensia (bl-Ingliż): 5. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-04-02. Miġbur 2021-02-24.
  2. ^ Fava, Peter (1978). "A Reign of Austerity: Economic Difficulties During the Rule of Grand Master Ximenes (1773–1775)". Storja: 42–59.
  3. ^ Portelli, Paul. "How the wild rabbit was tamed" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2021-02-24.
  4. ^ "Malta's hunting bans have been contested for centuries, research shows" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2021-02-24.
  5. ^ Bellizzi, W. F. "The Rising of the Priests" (bl-Ingliż). Malta Historical Society. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-04-21. Miġbur 2021-02-24.
  6. ^ a b Borg Muscat, David (1933). "Reassessing the September 1775 Rebellion: A Case of Lay Participation or a 'Rising of the Priests" (PDF) (bl-Ingliż). 3 (2). Melita Historica: 239–252. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-04-16. Miġbur 2021-02-24. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  7. ^ Sciberras, Sandro. "Maltese History – E. The Decline of the Order of St John In the 18th Century" (PDF) (bl-Ingliż). St Benedict College. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2015-04-30. Miġbur 2021-02-24.
  8. ^ Borg Muscat, David (2005). "Reassessing the September 1775 Rebellion: a Case of Lay Participation or a 'Rising of the Priests'?" (bl-Ingliż). Malta Historical Society. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-04-21. Miġbur 2021-02-24.
  9. ^ Schiavone, Michael J. (2009). "Dictionary of Maltese Biographies Vol. II G-Z". Pietà, Malta: Pubblikazzjonijiet Indipendenza: 1100–1102. ISBN 9789993291329. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)