Raħal Storiku ta' St. George u l-Fortifikazzjonijiet Relatati, Bermuda
Ir-Raħal Storiku ta' St. George u l-Fortifikazzjonijiet Relatati, Bermuda huwa l-isem uffiċjali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO magħmul mir-raħal storiku ta' Saint George, Bermuda, li ġie stabbilit fl-1612 (wara nawfraġju ta' Sea Venture fl-1609 mal-iskolli ta' Bermuda), u minn firxa ta' fortifikazzjonijiet, bastjuni u strutturi difensivi li nbnew bejn l-1612 u l-1939, li l-aħħar fosthom tneħħew mill-użu fl-1953.[1][2]
Ir-raħal ta' Saint George, li jinsab fil-gżira u fil-parroċċa bl-istess isem, huwa l-iżjed raħal Ingliż antik li għadu jeżisti fid-Dinja l-Ġdida. Oriġinarjament imsejjaħ New London (litteralment "Londra Ġdida"), ir-raħal ġie stabbilit mill-Kumpanija Virginia u kien il-kapitali ta' Bermuda sal-1815. Fih bosta binjiet storiċi, inkluż il-Knisja ta' San Pietru (ikkonsagrata fl-1612, għalkemm l-eqdem partijiet tal-istruttura attwali jmorru lura għall-1620), l-eqdem knisja Protestanta fid-Dinja l-Ġdida, id-Dar Statali (bl-Ingliż: State House), li kienet ospitat il-Parlament ta' Bermuda mill-1620 sal-1815, u bosta binjiet storiċi oħra, inkluż id-Dar ta' Tucker, il-Lukanda Globe, id-Dar ta' Mitchell, il-Loġġa ta' Stuart, ir-Rettorat Antik, id-Dar tal-Pont, id-Dar tal-Karozzini, u l-Knisja Mhux Kompluta.
Storja
immodifikaMill-insedjament tar-raħal ta' Saint George fl-1612 (l-insedjament permanenti ta' Bermuda kien beda bin-nawfraġju tas-Sea Venture, il-bastiment ewlieni tal-Kumpanija Virginia, iżda t-tliet irġiel li baqgħu minn dak il-bastiment marru jgħixu fuq il-Gżira ta' Smith, qabel il-wasla ta' insedjaturi oħra fl-1612), il-milizji tal-kolonja bnew u saħħew firxa ta' fortifikazzjonijiet, l-iktar bħala protezzjoni tad-daħliet għall-Port ta' Saint George u għall-Port tal-Kastell, li t-tnejn li huma kienu jagħtu aċċess għar-raħal. Dawn kienu jinkludu fortijiet fuq sensiela ta' gżejjer li jisseparaw il-Port tal-Kastell mill-Atlantiku miftuħ san-Nofsinhar, magħrufa kollettivament bħala l-Fortifikazzjonijiet tal-Gżejjer tal-Kastell, kif ukoll fortijiet oħra madwar id-daħliet tal-Port ta' Saint George fuq il-Gżejjer ta' Saint George, ta' Saint David u ta' Paget.[3][4]
Għalkemm kumpanija ta' suldati regolari tal-fanterija ġiet stazzjonata f'Bermuda mill-1701 'il quddiem, il-milizji baqgħu l-qawwa difensiva primarja tal-kolonja. Dan inbidel wara l-indipendenza tal-Istati Uniti, li ġiet rikonoxxuta mill-Kuruna fl-1783. L-indipendenza tal-Istati Uniti ċaħdet lir-Renju unit mill-bażijiet kollha tagħha fuq l-art kontinentali bejn Maritimes u Florida (li ġew irritornati lis-sovranità Spanjola, iżda baqgħu joperaw minnhom sal-Ewwel Gwerra ta' Seminole li rriżultat fi Spanja ċċedi l-kolonja lill-Istati Uniti). Bermuda saret prominenti għall-Flotta Navali Rjali (bl-Ingliż: Royal Navy), li bdiet tixtri l-art fin-naħa tal-Punent tal-arċipelagu għall-kostruzzjoni ta' tarzna u ta' bażi navali. Dak iż-żmien, ma kien magħruf l-ebda passaġġ minn ġo l-iskoll ta' madwar il-gżira li kien kbir biżżejjed biex il-bastimenti l-kbar tal-linja jaslu san-naħa tal-Punent tal-gżira. Għalhekk, il-Flotta Navali Rjali stabbiliet ruħha fir-raħal ta' Saint George u fil-madwar, inkluż fil-Bajja tal-Ħabsin u l-maħżen li nbena fil-baċiri tar-raħal (l-unika binja tal-brikks f'Bermuda, li attwalment tospita l-Mużew tal-Karozzini). Fi żmien tnax-il sena, kien instab passaġġ adattat san-naħa tal-Punent (il-Fliegu ta' Hurd), u l-Flotta Navali Rjali bdiet twettaq rilokazzjoni tal-istabbilimenti tagħha ta' mal-kosta lejn il-Punent. Il-bażi navali f'Bermuda kellha rwol importanti fil-Gwerra Amerikana tal-1812. Bermuda saret il-kwartieri ġenerali tal-Flotta Navali Rjali fil-Majjistral tal-Atlantiku (fil-Lbiċ tal-Atlantika tħalliet iżżomm bażi kbira fil-Brażil) sas-snin 50 tas-seklu 20.[5]
L-istabbiliment tal-bażi navali f'Bermuda wassal biex il-kolonja tkun bersall probabbli fi kwalunkwe gwerra fil-Majjistral tal-Atlantiku. B'hekk l-Armata Brittanika armat Gwarniġjon kbir ta' Bermuda, magħmul minn suldati professjonali. Is-suldati regolari ħadu ħsieb il-gwarniġjoni ta' diversi fortijiet, kif ukoll ir-rikostruzzjoni u l-armament mill-ġdid tagħhom. Barra minn hekk, bnew sensiela ta' fortijiet u ta' batteriji ġodda, kampijiet militari, u diversi faċilitajiet militari oħra matul is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Għalkemm it-tarzna tal-Flotta Navali Rjali kienet tinsab fl-estremità tal-Punent tal-gżira, ikkonċentrata fuq il-Gżira ta' Ireland, u l-kapitali ta' Bermuda kienet ġiet ittrasferita minn Saint George għal Hamilton, fil-parroċċi ċentrali (li kienet diġà qabżet lil Saint George bħala ċ-ċentru ekonomiku), l-unika rotta li minnha setgħet tiżbarka xi qawwa invażiva, jew twettaq xi attakk navali fuq in-naħa tal-Punent, kienet għadha permezz tal-kanali li kienu jwassluhom madwar in-naħa tal-Grigal tal-Gżejjer ta' Saint David u ta' Saint George, u fil-fatt il-biċċa l-kbira tal-fortifikazzjonijiet u tal-artillerija kostali baqgħet ikkonċentrata l-iktar hemmhekk. Minbarra l-bosta fortijiet u batteriji sparpaljati fl-inħawi, l-armata bniet maħżen kbir tal-munizzjonijiet fuq il-Gżira ta' Ordnance, fi ħdan ir-raħal stess, u barrakki u faċilitajiet oħra fil-Gwarniġjon ta' Saint George lejn it-Tramuntana tar-raħal. B'daqstant suldati regolari f'Bermuda, il-Parlament ta' Bermuda qies il-milizji bħala żejda, u wara l-Gwerra Amerikana tal-1812 neħħihom, billi ma awtorizzax riżervi parzjali ġodda sakemm ma kienx hemm bżonnhom u ġew ordnati mis-Segretarju tal-Istat għall-gwerra tal-1885.[6]
Għalkemm l-ebda qawwa militari qatt ma ppruvat invażjoni serja fuq Bermuda (kien hemm għadd żgħir ta' attakki b'bastimenti Spanjoli, Franċiżi u Amerikani li tnaffru bi ftit tiri, jew inkella l-attakkanti laħqu ħarbu qabel mal-milizji u l-gwardjani privati lokali setgħu jilħquhom), it-theddida ta' attakk fuq Bermuda żdiedet fis-seklu 19, mhux biss bil-proliferazzjoni ta' bersalli strateġiċi, bħat-tarznam iżda peress li ammonti kbar ta' munizzjonijiet ġew ittrasferiti lill-Konfederati, primarjament permezz tal-imħażen u l-baċiri ta' Saint George. Dan irriżulta f'animożità konsiderevoli mill-Istati Uniti, u minkejja li r-Renju Unit ħallas kumpensi għall-gwerra, xorta waħda kien għad hemm tħassib, matul il-gwerra u għal deċennji wara, ta' xi attakk mill-Istati Uniti, bil-ħsieb li jaħtfu l-arċipelagu, jew ta' attakki u sabotaġġ mill-Fenjani bbażati fl-Istati Uniti. Dan fil-fatt kien wieħed mill-punti li uża s-Segretarju tal-Istat għall-Gwerra biex iġiegħel il-gvern lokali joħloq unitajiet tal-armata volontarja. Minħabba li l-kummerċ fir-raħal kien staġna parzjalment fid-dawl tad-diffikultajiet tal-kanali ta' aċċess għall-port mill-Atlantiku, kien hemm ix-xewqa li l-kanali jitwessgħu u jiġu mħammla sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-bastimenti moderni kbar. Fl-istess żmien, il-Gvern ta' Bermuda kien qed jappoġġa l-kostruzzjoni ta' lukanda ġdida kbira f'Hamilton (il-Princess) biex taqdi lill-industrija emerġenti tat-turiżmu, u għalhekk ġie mfittex investiment mill-Istati Uniti (is-sjieda barranija tal-proprjetà jew tan-negozji f'Bermuda kienet ipprojbita għajr meta gvern barrani juża l-protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tiegħu bħala pretest għal invażjoni). Is-Segretarju tal-Istat iddikjara li ma setax iħalli l-proġett ikompli jekk Bermuda ma tikkontribwixxi xejn għad-difiża tagħha. Dan finalment wassal biex il-gvern lokali awtorizza żewġ unitajiet parzjali fl-1885 (wara li kien injora t-talbiet tal-gvern tar-Renju Unit biex jagħmel dan għal deċennji sħaħ).
Il-biċċa l-kbira tal-fortijiet, anke dawk li nbnew lejn l-aħħar tas-seklu 19, laħqu saru antikwati sal-bidu tas-seklu 20 minħabba l-avvanzi fl-artillerija kostali u navali, għalkemm uħud mill-aħħar batteriji tar-Rifled Breech Loaders (RBL), bħall-Batterija tal-Gżira ta' Saint David (magħrufa wkoll bħala l-Batterija tal-Eżami), baqgħu jintużaw saħansitra sal-1953. Sa dak iż-żmien, ittieħdet id-deċiżjoni li t-tarzna tingħalaq, u b'hekk il-maġġoranza tal-persunal tal-Flotta Navali Rjali kif ukoll il-kumplament tal-komponent tal-armata regolari tal-Gwarniġjon ta' Bermuda, l-unitajiet parzjali, il-Korpi Volontarji ta' Bermuda, magħrufa l-iktar bħala Bermuda Rifles, u l-Artillerija tal-Milizji ta' Bermuda baqgħu jeżistu mingħajr rwol tad-difiża imperjali, u ġew amalgamati fl-1965 biex jiffurmaw ir-Riġment ta' Bermuda.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Raħal Storiku ta' St. George u l-Fortifikazzjonijiet Relatati, Bermuda ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Komponenti
immodifikaDin li ġejja hija lista tal-komponenti kollha li jiffurmaw parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Bermuda:
- Ir-Raħal Storiku ta' Saint George (jew St. George's), inkluż partijiet mill-Gwarniġjon ta' Saint George, kif ukoll ċerti fortijiet u batteriji, tul il-konfini tar-raħal, il-Gżira ta' Ordnance, il-Bajja tal-Ħabsin, u siti navali u militari storiċi oħra fi ħdan ir-raħal.
- Ir-Ridott ta' Devonshire.
- Il-Forti ta' Landward.
- Il-Forti ta' Seaward (il-Kastell tar-Re).
- Il-Forti ta' Southampton.
- Il-Batterija ta' Saint David.
- Il-Forti ta' Popple.
- Il-Forti ta' Paget.
- Il-Forti ta' Smith.
- Il-Forti ta' Cunningham.
- It-Trunċieri tal-Muskettiera.
- Ir-Ridott ta' Peniston.
- Il-Batterija ta' Alexandra.
- Il-Forti tad-Daħla (il-Batterija tad-Daħla).
- Il-Forti ta' Albert.
- Il-Forti ta' Santa Katerina.
- Il-Forti ta' Vitorja.
- Ir-Ridott tal-Punent (il-Forti ta' William).
- Il-FortI ta' George.
- Il-Forti ta' Burnt Point.
- It-Torri Martello.
- Il-Fortifikazzjoni ta' Ferry Reach.
- Il-Forti tal-Gżira ta' Ferry.
- Il-Kalkara tal-Gżira ta' Coney.
Gallerija
immodifika-
Iċ-Ċentru tal-Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Fondazzjoni ta' Saint George.
-
Il-Knisja ta' San Pietru.
-
Id-Dar Statali.
-
Id-Dar ta' George Tucker.
-
Il-Lukanda Globe.
-
Subborg residenzjali qrib il-parti antika tar-raħal ta' Saint George.
-
Uħud mill-fortifikazzjonijiet ta' Saint George.
-
Kanun RML ta' 10 pulzieri, tqil 18-il tunnellata, fil-Forti ta' Santa Katerina.
-
Kanun RML ta' 11-il pulzier, tqil 25 tunnellata, fil-Forti ta' Ġorġ.
-
Il-Kanun tal-Gżira ta' Saint David.
-
Wieħed miż-żewġ kanuni ta' 6 pulzieri, Mk VII, fuq muntatura ċentrali li ddur, Mk II.
-
Kanun BL ta' 9.2 pulzieri, Mk X, fil-Forti ta' Vitorja.
Referenzi
immodifika- ^ Bermuda Forts 1612–1957, Dr. Edward C. Harris, The Bermuda Maritime Museum Press, The Bermuda Maritime Museum, P.O. Box MA 133, Mangrove Bay, Bermuda MA BX, ISBN 0-921560-11-7.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Town of St George and Related Fortifications, Bermuda". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-21.
- ^ "Image 1 of Volume 1 (General Collections copy)". Library of Congress, Washington, D.C. 20540 USA. Miġbur 2023-08-21.
- ^ Bermuda Forts 1612–1957, Dr. Edward C. Harris, The Bermuda Maritime Museum Press, The Bermuda Maritime Museum, P.O. Box MA 133, Mangrove Bay, Bermuda MA BX, ISBN 0-921560-11-7.
- ^ The Andrew And The Onions: The Story Of The Royal Navy In Bermuda, 1795–1975, Lt. Commander Ian Strannack, The Bermuda Maritime Museum Press, The Bermuda Maritime Museum, P.O. Box MA 133, Mangrove Bay, Bermuda MA BX. ISBN 0-921560-03-6.
- ^ Defence, Not Defiance: A History Of The Bermuda Volunteer Rifle Corps, Jennifer M. Ingham (now Jennifer M. Hind), The Island Press Ltd., Pembroke, Bermuda,, ISBN 0-9696517-1-6.
- ^ Bulwark Of Empire: Bermuda's Fortified Naval Base 1860-1920, Lt.-Col. Roger Willock, USMC, The Bermuda Maritime Museum Press, The Bermuda Maritime Museum, ISBN 0-921560-00-1.