Park Provinċjali tad-Dinosawri

park fil-provinċja ta' Alberta, il-Kanada famuż għall-fossili tad-dinosawri

Il-Park Provinċjali tad-Dinosawri huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab sagħtejn sewqan 'il bogħod fil-Lvant ta' Calgary, Alberta, il-Kanada; jew 48 kilometru (30 mil) 'il bogħod fil-Grigal ta' Brooks.

Il-Park Provinċjali tad-Dinosawri.

Il-park jinsab fil-wied tax-xmara Red Deer, li huwa magħruf għat-topografija notevoli tiegħu ta' art fejn ma għadux jikber il-ħaxix u għall-abbundanza ta' fossili ta' dinosawri. Il-park huwa magħruf sew bħala wieħed mill-iżjed postijiet fid-dinja fejn hemm fossili tad-dinosawri. Fil-park ġew skoperti 58 speċi ta' dinosawri u iktar minn 500 eżemplar tneħħew mill-park u jinsabu għall-wiri f'mużewijiet madwar id-dinja. Il-ġabra ta' fossili ta' kważi 500 speċi ta' organiżmi, minn spori ta' felċi mikroskopiċi sa dinosawri karnivori kbar, iġġustifikat id-deżinjazzjoni tal-park bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Ċentru għall-Viżitaturi

immodifika

Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Park Provinċjali tad-Dinosawri fih wirjiet dwar id-dinosawri, il-fossili, il-ġeoloġija u l-istorja naturali tal-park. Hemm ukoll sala bil-filmati, żona b'laboratorju għat-tħejjija tal-fossili u ħanut bit-tifkiriet. Fis-sajf jiġu offruti programmi għall-pubbliku.

Il-Kabina ta' John Ware hija kabina rrestawrata tal-bidu tas-seklu 20 li kienet tintuża minn John Ware, cowboy Afrikan-Amerikan u figura importanti fl-istorja tat-trobbija tal-annimali f'Alberta. Il-kabina tinsab qrib iċ-ċentru għall-viżitaturi u tkun miftuħa għal għadd ta' jiem speċjali fis-sajf.[2]

Il-park ġie stabbilit fis-27 ta' Ġunju 1955 bħala parti mill-50 Sena tal-Ġublew ta' Alberta, bl-għan li jiġu protetti s-saffi bil-fossili. L-ewwel warden tal-park kien Roy Fowler (1902–1975), bidwi u kaċċatur dilettant tal-fossili.

Il-park ġie stabbilit bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-26 ta' Ottubru 1979 kemm għall-artijiet u għall-ħabitats tul ix-xmara li huma sinifikanti fil-livell nazzjonali, kif ukoll għall-importanza internazzjonali tal-fossili li nstabu hemmhekk.

Sal-1985, l-iskoperti li kienu jsiru fil-park kellhom jiġu ttrasportati lejn il-mużewijiet madwar id-dinja kollha għall-analiżi xjentifika u għall-wiri, fosthom il-Mużew Irjali ta' Ontario f'Toronto, il-Mużew tan-Natura Kanadiża f'Ottawa f'Ontario, il-Mużew Amerikan tal-Istorja Naturali fil-Belt ta' New York, fl-Istat ta' New York, u l-Mużew tal-Istorja Naturali f'Chicago, Illinois. Dan inbidel bil-ftuħ tal-Mużew Irjali tal-Paleontoloġija ta' Tyrell, 100 kilometru 'l fuq mix-xmara tas-sit fil-Park Provinċjali tal-Midlands biswit Drumheller.

Il-park jipproteġi ekosistema kumplessa ħafna li tinkludi tliet komunitajiet: il-bwar tal-prateriji tal-ħaxix, il-badlands, u l-artijiet bil-qoton tul ix-xmara. L-ekosistema tal-park hija mdawra minn prateriji iżda hija unika. F'inżul ix-xemx spiss jinġabru bosta kojote u jinstemgħu l-għajtiet tal-isqra. Fil-park wieħed jista' jara wkoll fniek, ċriev u għażżiela; barra minn hekk, hemm ukoll diversi speċijiet ta' sriep fosthom is-serp tal-prateriji, is-serp ta' ġenbu aħmar u s-serp barri. Il-gurlini u l-wiżż tal-Kanada huma fost il-165 speċi ta' għasafar li wieħed jista' jara fir-rebbiegħa u fis-sajf. Uħud mill-iżjed speċijiet ta' kaktus fit-Tramuntana, inkluż l-Opuntia (il-bajtar tax-xewk) u l-Pediocactus jistgħu jiġu osservati bil-fjuri tagħhom lejn l-aħħar ta' Ġunju.

Ġeoloġija

immodifika

Is-sedimenti esposti fil-badlands tal-Park Provinċjali tad-Dinosawri ffurmaw tul perjodu ta' madwar 1.5 miljun sena matul l-istadju Kampanjan tal-epoka tal-Kretaċju Aħħari, u jagħmlu parti minn tliet formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti. Il-parti ta' fuq tal-Formazzjoni Terrestri ta' Oldman, li tinsab fil-bażi tas-sekwenza, hija l-eqdem. Fuqha hemm sezzjoni sħiħa tal-Formazzjoni Terrestri tal-Park Provinċjali tad-Dinosawri, u fuqha mbagħad hemm il-bażi tal-Formazzjoni Marittima ta' Bearpaw. Il-Formazzjoni Terrestri tal-Park Provinċjali tad-Dinosawri, li fih il-biċċa l-kbira tal-iskeletri artikolati tad-dinosawri, iffurmat bejn 76.5 u 74.8 miljun sena ilu. Ġiet depożitata fl-ambjenti tal-pjanura tal-għargħar u tal-pjanura kostali mill-fluss tas-sistemi tax-xmajjar lejn il-Lvant u x-Xlokk lejn il-Mogħdija tal-Baħar Intern tal-Punent.[3]

Paleontoloġija

immodifika
 
Chasmosaurus belli, li nstab fil-park, għall-wiri fil-Mużew Irjali tal-Paleontoloġija ta' Tyrell.

Il-Park Provinċjali tad-Dinosawri jippreserva diversità tassew kbira u straordinarja ta' vertebrati tal-ilma ħelu. Fost il-ħut hemm il-klieb il-baħar, ir-rajja (fosthom il-Myledaphus), iċ-ċafċiefa, l-Amia, l-imsella u t-teleosti. L-anfibji jinkludi ż-żrinġijiet, is-salamandri u l-albanerpretontidi estinti. Ir-rettili jinkludu l-gremxul (bħall-varan il-kbir Palaeosaniwa), firxa wiesgħa ta' fkieren tal-ilma baħar, kukkudrilli u ċ-Champsosaurus wikkiel il-ħut. Fossili ta' mammiferi mill-park huma relattivament rari u jikkonsistu minn xi snien iżolati, frammenti ta' xedaq bis-snien, u frammenti tas-snien ta' annimali żgħar daqs il-ġrieden u l-bugeddum. Dawn jinkludu r-rappreżentanti tal-mammiferi plaċentali, marsupjali u multituberkulati.

Fost il-fossili ta' pjanti mill-park u mill-madwar instabu friegħi tal-felċi; weraq u zkuk ta' koniferi tassodjaċi u kupressaċi; u weraq tal-Ginkgo, Cercidiphyllum, Platanus, pjanta akkwatika qisha l-Pistia, u oħrajn.[4] Ġabra rikka ta' fossili ta' trab dakkari u spori ġiet deskritta wkoll.[5]

 
Il-pajsaġġ qrib id-daħla tal-park.

Fil-park instabet diversità kbira ta' dinosawri. Dawn jinkludu:

Ceratopsia

  • Leptoceratops sp.
  • Centrosaurus apertus
  • Coronosaurus brinkmani
  • Styracosaurus albertensis
  • Pachyrhinosaurus
  • Chasmosaurus belli, C. russelli
  • Vagaceratops irvinensis

Hadrosauridae

  • Corythosaurus casuarius
  • Gryposaurus notabilis, G. incurvimanus
  • Lambeosaurus lambei, L. magnicristatus
  • Prosaurolophus maximus
  • Parasaurolophus walkeri

Ankylosauria

  • Panoplosaurus
  • Edmontonia
  • Euoplocephalus tutus

Hypsilophodontidae

  • Orodromeus

Pachycephalosauria

  • Stegoceras

Tyrannosauridae

  • Daspletosaurus torosus
  • Gorgosaurus libratus

Ornithomimidae

  • Ornithomimus
  • Struthiomimus
  • Rativates
  • new ornithomimid species A

Caenagnathidae

  • Chirostenotes pergracilis
  • Chirostenotes elegans
  • Chirostenotes collinsi

Paraves

  • Dromaeosaurus albertensis
  • Saurornitholestes
  • Hesperonychus elizabethae
  • Speċi A ġdida ta' dromeosawru
  • Speċi B ġdida ta' dromeosawru
  • Troodon
  • Speċi A ġdida ta' troodontid

Klassifikazzjoni Mhux Ċerta

  • Ricardoestesia gilmorei.

Għasafar bħall-Hesperornithiformes kienu preżenti, kif ukoll Pterosauria ġganteski relatati mal-Quetzalcoatlus. Mal-art instabu wkoll fossili ta' mammiferi Stagodontiċi marsupjali, plaċentali u multituberkulati.

Sit ta' wirt ġeoloġiku tal-IUGS

immodifika

Bħala "lokalità dinjija bl-ikbar abbundanza u diversità ta' dinosawri, b'iktar minn 166 unità tassonomika ta' vertebrati, inkluż 51 speċi ta' dinosawri li ma jtirux", l-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenzi Ġeoloġiċi (IUGS) inkludiet il-Park Provinċjali tad-Dinosawri fil-lista tagħha ta' 100 Sit ta' Wirt Ġeoloġiku madwar id-dinja, li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2022. L-organizzazzjoni tiddefinixxi Sit ta' Wirt Ġeoloġiku tal-IUGS bħala "post ewlieni b'elementi ġeoloġiċi u/jew bi proċessi ta' rilevanza xjentifika internazzjonali, li jintuża bħala referenza, u/jew li ta kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tax-xjenzi ġeoloġiċi tul l-istorja".[6]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Provinċjali tad-Dinosawri ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Dinosaur Provincial Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  2. ^ "Travel Article: Dinosaur Provincial Park". web.archive.org. 2011-07-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-18. Miġbur 2024-06-17.
  3. ^ Currie, P.J. u Koppelhus, E.B. (eds). 2005. Dinosaur Provincial Park: A Spectacular Ancient Ecosystem Revealed. Indiana University Press: Bloomington and Indianapolis, p. 648.
  4. ^ Koppelhus, E.B. 2005. Paleobotany. In: Currie, P.J. u Koppelhus, E.B. (eds), Dinosaur Provincial Park: A Spectacular Ancient Ecosystem Revealed. Indiana University Press: Bloomington u Indianapolis, pp. 131-138.
  5. ^ Braman, D.R. u Koppelhus, E.B. 2005. Campanian palynomorphs. In: Currie, P.J. u Koppelhus, E.B. (eds), Dinosaur Provincial Park: A Spectacular Ancient Ecosystem Revealed. Indiana University Press: Bloomington and Indianapolis, pp. 101-130.
  6. ^ "The First 100 IUGS Geological Heritage Sites" (PDF).