Park Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Tierradentro
Il-Park Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Tierradentro (Tierradentro tfisser "Taħt l-Art" bl-Ispanjol, b'referenza għall-oqbra magħrufa) jirrappreżenta waħda mill-kulturi Pre-Kolombjani tal-qedem tal-Kolombja. Din il-kultura bdiet tiffjorixxi għall-ħabta tal-200 Q.K. fil-muntanji tal-Lbiċ tal-Kolombja, u bagħqet teżisti sas-seklu 17. Il-kultura ta' Tierradentro hija partikolarment magħrufa għall-kollezzjoni densa ta' ipoġej Pre-Kolombjani elaborati. Il-kultura titqies bħala parti mill-kultura ta' San Agustín iktar milli kultura separata.
L-ipoġew tipiku tal-kultura ta' Tierradentro jkollu daħla orjentata lejn il-Punent, garigor taraġ spirali u kompartiment prinċipali, normalment bejn 5 u 8 metri taħt l-art, b'diversi kompartimenti inferjuri fil-madwar, b'katavru ġo kull wieħed. Il-ħitan ikunu mpittrin b'disinni ġeometriċi, antropomorfiċi u żoomorfiċi bl-aħmar, bl-iswed u bl-abjad. Xi statwi u fdalijiet ta' bċejjeċ tal-fuħħar u tad-drapp għadhom preżenti minkejja s-serq fl-oqbra qabel ma l-ipoġej ġew stabbiliti bħala żoni protetti. Id-dettall fl-iskulturi u d-disinni pittografiċi fl-ipoġej huma simili għal dawk tal-kultura ta' San Agustín fil-qrib, għalkemm jokkorru b'densità ferm ikbar.
L-ipoġej instabu permezz ta' diversi skavi fir-reġjun, inkluż f'Alto del Aguacate (l-Għolja tal-Avokado), f'Alto de San Andrés, f'Alto de Segovia, f'Alto del Duende u f'El Tablón. Iż-żona muntanjuża fejn stagħnat il-kultura ta' Tierradentro u fejn saru l-iskavi ta' 162 ipoġew, issa jiffurmaw park arkeoloġiku nazzjonali fil-ġurisdizzjoni tal-muniċipalità ta' Inza, id-Dipartiment ta' Cauca, il-Kolombja. Il-park jinsab 100 kilometru 'l bogħod mill-belt kapitali tad-Dipartiment, Popayán. Il-kultura ta' Tierradentro li ħolqot dan il-kumpless funebri abitat dawn l-inħawi matul l-ewwel millenju W.K., u l-park fih ipoġej li jmorru lura mis-sekli 6 sa 9 W.K. Il-Park Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Terradentro tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995 minħabba li jirrappreżenta "xhieda unika tal-kultura artistika u soċjali tar-reġjun".[1]
Il-park jiġġenera dħul sinifikanti għall-ekonomija lokali bis-saħħa tal-volum kbir ta' turisti, kemm Kolombjani kif ukoll barranin. Is-sit tniżżel fil-Lista tal-Iżjed 100 Sit fil-Periklu fost il-monumenti tal-Fond Dinji għall-Monumenti.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Tierradentro ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ "National Archeological Park of Tierradentro - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-10.
- ^ "World Monuments Watch". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-10.