Panamá Viejo
Panamá Viejo, magħrufa wkoll bħala Panamá la Vieja (li tfisser litteralment "Panama Antika"), hija l-fdalijiet tal-Belt tal-Panama oriġinali, l-eks belt kapitali ta' Panama, li nqerdet fl-1671 mill-furban minn Wales, Henry Morgan. Tinsab fis-subborgi tal-belt kapitali attwali. Flimkien maċ-ċentru storiku ta' Casco Viejo, tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]
Storja
immodifikaInsedjament (oriġinarjament magħruf bħala Castilla del Oro) ġie stabbilit fil-15 ta' Awwissu 1519 minn Pedro Arias Dávila u 100 abitant ieħor. Dak iż-żmien, dan kien l-ewwel insedjament Ewropew permanenti fl-Oċean Paċifiku, u ssostitwixxa ż-żewġ bliet ta' Santa María la Antigüa del Darién u Acla. Sentejn wara, fl-1521, l-insedjament ingħata l-istatus ta' belt permezz ta' digriet irjali u ngħata l-istemma tiegħu minn Karlu V ta' Spanja, u fforma cabildo ġdid. Ftit wara l-ħolqien tagħha, il-belt saret punt ta' tluq ta' diversi spedizzjonijiet lejn il-Perù u bażi importanti minn fejn id-deheb u l-fidda kienu jintbagħtu lejn Spanja.
Mill-1520 xi merkanti minn Genova, l-Italja, ħadu f'idejhom il-kummerċ tal-belt u l-port ta' Panamá Viejo fl-Oċean Paċifiku għal seklu sħiħ, bis-saħħa tal-konċessjoni li ngħataw mill-Ispanjoli, li kienu l-alleati tar-Repubblika ta' Genova.[2]
Bejn l-1586 u l-1587 diġà kien hemm 11-il Taljan fil-Panama, għan-naturalizzazzjoni u d-dritt li jibqgħu jgħixu fil-Panama. Skont ċensiment tal-ħabta tal-1587, il-Belt ta' Panama kellha 548 abitant (uħud minnhom dixxendenti tal-ewwel insedjaturi minn Genova), li minnhom 53 kienu barranin u 18 minnhom kienu Taljani.
Fl-1539 u fl-1563, il-belt ġarrbet għadd ta' nirien li qerdu partijiet minnha iżda dan ma xekkilx l-iżvilupp tagħha. Fl-1610, il-belt laħqet popolazzjoni ta' 5,000 ruħ, b'500 dar, kif ukoll kunventi, kappelli, sptar u katidral.
Fil-bidu tas-seklu 17, il-belt ġiet attakkata diversi drabi mill-pirati u mill-popli indiġeni ta' Darién. Fit-2 ta' Mejju 1620, terremot heżżeż il-belt u bosta binjiet ġarrbu ħsarat estensivi. Fil-21 ta' Frar 1644, in-Nar il-Kbir qered 83 binja reliġjuża, inkluż il-katidral. Dak iż-żmien kien hemm 8,000 ruħ jgħixu fil-belt.
Fl-1670, il-belt kellha 10,000 abitant. Fit-28 ta' Jannar 1671, il-furban minn Wales, Henry Morgan, attakka l-belt b'1,400 furban, li mmarċjaw mill-kosta tal-Karibew u qasmu l-ġungla. Il-qawwa ta' Morgan għelbet il-milizji tal-belt u mbagħad serqet ir-rikkezzi ta' Panamá. Jew Morgan stess jew inkella l-armata tiegħu taw in-nar lill-belt, jew il-Kaptan Ġeneral Emanuel Gonzalez Revilla ordna l-isplużjoni tal-imħażen tal-porvli. Kienet x'kienet il-kawża, in-nirien qerdu l-belt. L-attakk ta' Morgan ikkawża t-telf ta' eluf ta' ħajjiet u Panamá kellha terġa' tinbena ftit kilometri lejn il-Punent fuq sit ġdid (dak tal-Belt ta' Panama attwali).
Henry Morgan ġie arrestat, iżda wara li wera bil-provi li ma kien jaf b'xejn dwar it-Trattat ta' Madrid li kien għadu kemm tlesta u li temm l-ostilitajiet bejn l-Ingilterra u Spanja, sussegwentement inħeles u iktar 'il quddiem ingħata premju.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Sit Arkeoloġiku ta' Panamá Viejo u d-Distrett Storiku ta' Casco Viejo ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997. Fl-2003 saru xi modifiki minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Kultura popolari
immodifikaIs-sit arkeoloġiku ta' Panamá Viejo ntuża fid-19-il staġun ta' The Amazing Race.[3]
Il-festa bħala premju għal sfida tas-seba' staġun ta' show tas-CBS Survivor saret f'dan is-sit.[4]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Panamá Viejo and Historic District of Panamá". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
- ^ "En Acción – Patronato Panamá Viejo". www.patronatopanamaviejo.org. Miġbur 2022-08-21.
- ^ December 05, Lanford Beard Updated; EST, 2011 at 06:00 AM. "The Amazing Race recap: 'We Are Charlie Chaplin (Panama City)'". EW.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
- ^ Bindley, David A. "SURVIVOR THE COMPLETE CHALLENGE GUIDE" (PDF).