Pajsaġġ Kulturali tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Zuojiang

tpittir fuq il-blat u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina

Il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Zuojiang (biċ-Ċiniż: 花山壁画; bil-Pinjin: Huāshān Bìhuà) jinkludi ġabra estensiva ta' tpittir storiku fuq il-blat li ġie mpitter fuq l-uċuħ tal-irdumijiet tal-ġebla tal-ġir fi Guangxi, fin-Nofsinhar taċ-Ċina. It-tpittir jinsab fuq ix-xatt tal-Punent tax-xmara Ming (biċ-Ċiniż: 明江; bil-Pinjin: Míng Jiāng; li litteralment tfisser "Xmara Tleqq") li hija tributarja tax-xmara Zuo. Iż-żona tat-tpittir tagħmel parti mir-Riżerva Naturali ta' Nonggang u tinsab fil-Kontea ta' Ningming.[1] Fil-15 ta' Lulju 2016, il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Zuojiang tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]

It-tpittir fuq il-blat ta' Zuojiang.

Iż-żona prinċipali bit-tpittir tul l-irdumijiet għandha wisa' ta' madwar 170 metru (560 pied) u għoli ta' madwar 40 metru (130 pied) u fiha wħud mill-ikbar tpittir fuq il-blat fiċ-Ċina. It-tpittir jinsab bejn 30 metru (98 pied) u 90 metru (300 pied) 'il fuq mil-livell tal-ilma tax-xmara. Iż-żona prinċipali fiha madwar 1,900 xbiha b'kollox irranġati f'madwar 110 gruppi. It-tpittir sar b'lewn aħmar permezz ta' taħlita ta' okra ħamra (ematit), kolla tal-annimali u demm. Jinkludu xbihat umani kif ukoll ta' annimali, flimkien ma' tnabar, skieken, xwabel, qniepen u bastimenti. Il-figuri umani tipikament huma għoljin bejn 60 ċentimetru (24 pulzier) u 150 ċentimetru (4.9 pied), iżda figura partikolari minnhom hija għolja saħansitra 3 metri (9.8 piedi).

It-tpittir oriġinarjament kien maħsub li jmur lura għall-ħabta tas-seklu 5 Q.K. sas-seklu 2 W.K. Madankollu, id-datazzjoni reċenti bil-karbonju tissuġġerixxi li l-eqdem tpittir sar għall-ħabta ta' 16,000 sena ilu filwaqt li l-iktar reċenti sar għall-ħabta ta' 690 sena ilu. Il-perjodu tal-ħolqien tagħhom imur lura għal żmien il-Gwerer Statali sal-aħħar tad-dinastija Han fl-istorja taċ-Ċina. Huwa maħsub li bosta mit-tpittir "juri l-ħajja u r-ritwali" tal-poplu Luo Yue tal-qedem, li kien jgħix fil-wied tax-xmara Zuo matul dan il-perjodu u huwa maħsub li kien tnissel mill-poplu Zhuang, mill-poplu Muong u mill-poplu Kinh.[4][5]

Fil-Mużew tan-Nazzjonalità ta' Zhuang fil-belt ta' Chongzuo (biċ-Ċiniż: 崇左市壮族博物馆) hemm wirja ddedikata lill-istorja u lill-interpretazzjoni tat-tpittir.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
It-tpittir fuq il-blat ta' Zuojiang.

Il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Zuojiang ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Guo Hong, Han Rubin, Huang Huaiwu, Lan Riyong, and Xie Riwan Types of Weathering of the Huashan Rock Paintings, in: Agnew, Neville, ed., Conservation of Ancient Sites on the Silk Road: Proceedings of the Second International Conference on the Conservation of Grotto Sites, Mogao Grottoes, Dunhuang, People's Republic of China, June 28-July 3, 2004. Los Angeles: The Getty Conservation Institute, 2010.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Zuojiang Huashan Rock Art Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-01.
  3. ^ "Zuojiang Huashan Rock Art Cultural Landscape - UNESCO World Heritage". www.chinadiscovery.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-01.
  4. ^ "The Rock Painting of the Mountain Huashan - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2008-06-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-06-07. Miġbur 2024-10-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Gao, Qian (2013-04-01). "Gao, Q. 2013. The Huashan rock art site (China) – The sacred meeting place for sky, water and earth. Rock Art Research 30: 22-32". Rock Art Research.