Nicolas Flamel

bejjiegħ Franċiż tal-manuskritti u wieħed li jikkopja l-manuskritti

Nicolas Flamel (pronunzja bil-Franċiż: [nikɔla flamɛl]; twieled għall-ħabta tal-1330 – miet fit-22 ta' Marzu 1418)[1] kien skriba u bejjiegħ Franċiż tal-manuskritti. Wara mewtu, Flamel żviluppa reputazzjoni bħala alkimista li jingħad li ħoloq u skopra l-ħaġra tal-filosfu u b'hekk kiseb l-immortalità. Dawn ir-rakkonti leġġendarji tfaċċaw għall-ewwel darba fis-seklu 17.

Nicolas Flamel
Ħajja
Twelid Pontoise, 1330, c. 1340
Nazzjonalità Franza
Mewt Pariġi, 22 Marzu 1418
Familja
Konjuga/i Perenelle Flamel
Edukazzjoni
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni skriba
amanwensi
donatur
bejjiegħ tal-kotba
alkimist
Post tax-xogħol Pariġi

Skont it-testi attribwiti lil Flamel kważi 200 sena wara mewtu, huwa kien tgħallem is-sigriet tal-alkimija minn converso Lhudi fi triqtu lejn Santiago de Compostela. Minn dak iż-żmien 'l hawn issemma spiss bħala alkimista leġġendarju f'diversi xogħlijiet ta' fizzjoni.

 
Il-lapida ta' Flamel.

Flamel għex f'Pariġi fis-sekli 14 u 15, u ħajtu hija waħda mill-iżjed iddokumentati tajjeb fl-istorja tal-alkimija Medjevali.[2] Huwa kellu żewġ ħwienet fejn kien jikkopja l-manuskritti. Iżżewweġ lil Perenelle fl-1368. Martu ġabet magħha l-ġid taż-żewġ irġiel li kellha qablu. Il-koppja Kattolika Franċiża kellha diversi proprjetajiet u kkontribwiet b'mod finanzjarju għall-knejjes, u xi kultant ikkummissjonat l-iskulturi.[3] Iktar 'il quddiem f'ħajjithom, saru magħrufa għall-ġid u għall-filantropija tagħhom.

Flamel għex għal iktar minn 70 sena, u fl-1410 ddisinja l-lapida tal-qabar tiegħu stess, li ġiet imnaqqxa bix-xbihat ta' Kristu, San Pietru u San Pawl. Il-lapida hija ppreservata fil-Musée de Cluny f'Pariġi. Minn xi dokumenti nafu li Flamel miet fl-1418.[4] Huwa ndifen f'Pariġi fl-aħħar tan-navata tal-eks Knisja ta' Saint-Jacques-de-la-Boucherie.[5] It-testment tiegħu, datat fit-22 ta' Novembru 1416, jindika li kien ġeneruż iżda li ma kellux il-ġid straordinarju tal-leġġenda tal-alkimija. Ma hemm l-ebda indikazzjoni reali li Flamel kien tassew involut fl-alkimija, fil-qasam tal-ispiżerija jew fil-mediċina.

Flamel kien persuna reali, u jaf iddiletta fl-alkimija, iżda r-reputazzjoni tiegħu bħala awtur u persuna immortali trid tiġi aċċettata bħala invenzjoni tas-seklu 17.[2]

Dar f'Pariġi

immodifika

Waħda mid-djar ta' Flamel għadha teżisti f'Pariġi, bl-indirizz 51 rue de Montmorency. Din hija l-eqdem dar tal-ġebel fil-belt.[6] Hemm kitba antika mal-ħajt li tiddikjara "Aħna, irġiel u nisa ordinarji li ngħixu biswit din id-dar, mibnija fl-1407, ġejna mitluba biex kuljum ngħidu l-"Missierna" u "Ave Marija" sabiex nitolbu lill-Alla jkun ħanin u jaħfer lill-foqra u lill-midinbin mejtin". Mill-2008, il-pjan terran jospita ristorant. Triq f'Pariġi qrib il-Mużew tal-Louvre, rue Nicolas Flamel, issemmiet għalih; tmiss ma' rue Pernelle, imsemmija għal martu.[7]

Reputazzjoni wara mewtu bħala alkimista

immodifika
 
Flamel kif irrappreżentat fl-1402 fuq il-portal tal-eks Knisja ta' Sainte-Geneviève des Ardens (minn Étienne François Villain, 1761)

Xi rakkonti leġġendarji tal-ħajja ta' Flamel huma bbażati fuq xogħlijiet tas-seklu 17, primarjament Livre des figures hiéroglyphiques. Il-qofol tar-reputazzjoni tiegħu hi li kellu suċċess f'żewġ għanijiet tal-alkimija: li għamel il-ħaġra tal-filosfu, li tbiddel il-metalli bażi f'deheb, u li hu u martu Perenelle, kisbu l-immortalità permezz tal-"Eliżir tal-Ħajja".

Ktieb dwar l-alkimija, ippubblikat f'Pariġi fl-1612 bħala Livre des figures hiéroglyphiques u f'Londrafl-1624 bħala Exposition of the Hieroglyphical Figures ġie attribwit lil Flamel.[8] Dan huwa kollezzjoni ta' disinni li jingħad li ġew ikkummissjonati minn Flamel għal timpanu fiċ-Ċimiterju tal-Innoċenti (bil-Franċiż: Cimetière des Innocents) f'Pariġi, li laħqu għebu meta x-xogħol ġie ppubblikat. Fl-introduzzjoni tal-pubblikatur tiġi deskritta t-tfittxija ta' Flamel għall-ħaġra tal-filosfu. Skont dik l-introduzzjoni, l-għan ta' ħajjet Flamel kien li jifhem it-test ta' ktieb misterjuż ta' 21 paġna li kien xtara fl-1357 għal żewġ fjorini.[9] L-introduzzjoni ssostni li għall-ħabta tal-1378, huwa vvjaġġa lejn Spanja għal assistenza bit-traduzzjoni. Fi triqtu lura, huwa rrapporta li ltaqa' ma' għaref, li identifika l-ktieb ta' Flamel bħala kopja tal-oriġinal tal-Ktieb ta' Abramelin is-Saħħar. B'dan l-għarfien, matul is-snin ta' wara, Flamel u martu allegatament iddeċifraw biżżejjed mill-ktieb biex jirnexxilhom jirreplikaw ir-riċetta tiegħu għall-ħaġra tal-filosfu, u pproduċewha l-ewwel tal-fidda fl-1382 u mbagħad tad-deheb. Barra minn hekk, Flamel jingħad li studja xi testi bl-Ebrajk.

Il-validità ta' din il-ġrajja ġiet iddubitata għall-ewwel darba fl-1761 minn Etienne Villain. Huwa sostna li s-sors tal-leġġenda ta' Flamel kien P. Arnauld de la Chevalerie, il-pubblikatur tal-Wirja tal-Figuri Ġeroglifiċi, li kiteb il-ktieb bil-psewdonimu Eiranaeus Orandus.[10] Kittieba oħra ddifendew il-ġrajja leġġendarja tal-ħajja ta' Flamel, li ġiet imħawra bi stejjer ta' avvistamenti fis-sekli 17 u 18 u b'xogħlijiet ta' fizzjoni.

Flamel kien kiseb status leġġendarju fil-qasam tal-alkimija sa nofs is-seklu 17, b'referenzi fil-ġurnali ta' Isaac Newton għall-"Caduceus, id-Draguni ta' Flammel".[11] L-interess fi Flamel reġa' tqajjem fis-seklu 19: Victor Hugo semmieh f'Il-Ħotbi ta' Notre Dame, Erik Satie kien affaxxinat b'Flamel[12], u Albert Pike jirreferi għal Nicholas Flamel fil-ktieb tiegħu Morali u Dogmi tar-Rit Skoċċiż tal-Mażunerija. Ir-reputazzjoni ta' Flamel bħala alkimista kompliet tissaħħaħ iktar fl-aħħar tas-seklu 20 meta ġie deskritt bħala l-ħallieq tas-sustanza alkimika fir-rumanz famuż ħafna Harry Potter u l-Ħaġra tal-Filosfu u l-film bl-istess isem. Huwa jissemma wkoll fil-film relatat tal-2018 Fantastic Beasts: The Crimes of Grindelwald, fejn il-persunaġġ tiegħu jinħadem minn Brontis Jodorowsky.[13]

 
Il-qoxra tal-ewwel edizzjoni tal-Ktieb tal-figuri ġeroglifiċi, li ma ġiex ippubblikat qabel l-1612.

Xogħlijiet attribwiti lil Flamel

immodifika
  • Le Livre des figures hiéroglyphiques (Il-Ktieb tal-figuri ġeroglifiċi), ippubblikat għall-ewwel darba fi Trois traictez de la philosophie naturelle, Pariġi, Veuve Guillemot, 1612
  • Le sommaire philosophique (Is-sommarju filosofiku), ippubblikat għall-ewwel darba f'De la transformation métallique, Pariġi, Guillaume Guillard, 1561
  • Le Livre des laveures (Il-Ktieb tal-ħasil), manuskritt BnF MS. Français 19978
  • Le Bréviaire de Flamel (Il-Brevjarju ta' Flamel), manuskritt BnF MS. Français 14765

Kultura popolari

immodifika
  • Flamel ġie deskritt fil-fizzjoni popolari bħala figura leġġendarja li jħaddan il-muftieħ tal-immortalità jew il-ħaġra tal-filosfu. Pereżempju, fir-rumanz tal-1831 ta' Victor Hugo Notre Dame de Paris, il-karattru traġiku prinċipali Claude Frollo huwa patri u alkimista żagħżugħ li jqatta' ħafna mill-ħin tiegħu jistudja t-tinqix f'Les Innocents, sabiex jipprova jifhem is-sigrieti ta' Flamel. Fis-sekli 20 u 21, xogħlijiet bħal Harry Potter (fil-films mill-1997 sal-2018), Fullmetal Alchemist (2001–2010), The Secrets of the Immortal Nicholas Flamel (2007–2012), u As Above, So Below (2014) komplew isaħħu l-leġġenda ta' Nicolas Flamel.
  • Ix-xogħlijiet ta' Nicolas Flamel huma ċentrali għal diversi missjonijiet fil-logħba elettronika tal-2014 Assassins Creed: Unity.
  • It-trama tal-film tal-2014 film As Above, So Below hija ċċentrata madwar ix-xewqa tal-protagonista li jsib il-ħaġra tal-filosfu fil-katakombi ta' Pariġi.[14]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Nicolas Flamel, des livres et de l'or, Chapter 1: De Paris.
  2. ^ a b Dixon, Laurinda (1994). Nicolas Flamel. His Exposition of the Hieroglyphicall Figures (1624). Garland Publishing. p. xvii.
  3. ^ Dixon, Laurinda (1994). Nicolas Flamel. His Exposition of the Hieroglyphicall Figures (1624). Garland Publishing. p. xvi.
  4. ^ Cohen, Kathleen (1973). Metamorphosis of a death symbol: the transi tomb in the late Middle Ages and the Renaissance. University of California Press. p. 98.
  5. ^ Hauck, Dennis William (2008). The Complete Idiot's Guide to Alchemy. Penguin.
  6. ^ McAuliffe, Mary. Paris Discovered: Explorations in the City of Light. Princeton Book Company, 2006. ISBN 978-0-87127-287-4.
  7. ^ Brooke, Anna E. (2008). Frommer's Paris and Disneyland Resort Paris With Your Family: From Captivating Culture to the Magic of Disneyland. New York: John Wiley & Sons. p. 134. ISBN 9780470714577.
  8. ^ Laurinda Dixon, ed., Nicolas Flamel, his Exposition of the Hieroglyphical Figures (1624) (New York: Garland) 1994.
  9. ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Flamel, Nicolas" . Encyclopædia Britannica. Vol. 10 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 474.
  10. ^ Dixon, Laurinda (1994). Nicolas Flamel. His Exposition of the Hieroglyphicall Figures (1624). Garland Publishing. p. xiv.
  11. ^ Newton, Isaac. "Sententiæ luciferæ et Conclusiones notabiles". Keynes MS 56.
  12. ^ Wilkins 1993.
  13. ^ "Do Mandrakes Really Scream? Magic and Medicine in Harry Potter - Who is Nicholas Flamel? and other historical figures". wayback.archive-it.org. Miġbur 2022-09-28.
  14. ^ Armitage, Helen (2019-09-17). "As Above, So Below's Twist Ending Explained: They're In Hell". ScreenRant (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-28.