Mużew ta' Trojja
Il-Mużew ta' Trojja (bl-Ingliż: Troy Museum; bit-Tork: Troya Müzesi jew Truva Müzesi) huwa mużew arkeoloġiku li jinsab qrib is-sit arkeoloġiku ta' Trojja, fil-Majjistral tat-Turkija.
Il-mużew infetaħ fl-2018 bħala binja arkitettonika kontemporanja b'seba' sezzjonijiet. Fihom jintwerew l-artefatti storiċi minn Trojja u xi bliet antiki oħra tal-madwar u fil-gżejjer fil-qrib. Id-direttur tal-mużew huwa Rıdvan Gölcük.[1] Il-Mużew ta' Trojja ngħata l-Premju ta' Apprezzament Speċjali tal-2020 bħala l-Mużew Ewropew tas-Sena u l-Premju Speċjali tal-Akkademja tal-Mużewijiet Ewropej.[2][3][4]
Binja tal-mużew
immodifikaIl-Mużew ta' Trojja jinsab madwar 800 metru (2,600 pied) fil-Lvant tas-sit arkeoloġiku tal-belt ta' Trojja fil-villaġġ attwali ta' Tevfikiye, f'Çanakkale, fil-Majjistral tat-Turkija.[5][6][7]
Il-kompetizzjoni għad-disinn tal-binja tal-mużew intrebħet minn Yalın Mimarlık fl-2011.[8] Mimarlık iddisinja l-binja bi stil arkitettoniku sempliċi u kontemporanju. Il-kostruzzjoni bdiet fl-2013, waqfet ħesrem fl-2015, u reġgħet kompliet fl-2017.
Il-binja b'għamla ta' kubu b'erba' sulari fuq pjanta kwadra hija miksija b'azzar bl-erożjoni kulur is-sadid biex tagħti l-impressjoni li ġiet skavata mis-sit arkeoloġiku. L-għoli tal-binja huwa ekwivalenti għall-fond tal-iskavi tas-sit arkeoloġiku ta' Trojja. L-erja tal-wirjiet tkopri 2,700 m2 (29,000 pied kwadru) mill-erja totali ta' 12,750 m2 (137,200 pied kwadru) fuq ġewwa. Iż-żoni tal-wirjiet ta' 32 metru bi 32 metru (105 piedi b'105 piedi) huma kkonfinati bi spazji ta' ħidma, imħażen u kmamar tal-konferenzi. Is-sular ta' taħt l-art huwa rriżervat għal funzjonijiet ta' servizz. Wieħed jidħol fil-mużew permezz ta' rampa wiesgħa 12-il metru (39 pied) li twassal sa daħla taħt l-art.
B'kollox, il-binja ġiet tiswa ₺ 45 miljun (bejn wieħed u ieħor $ 8 miljun). Il-mużew infetaħ fl-10 ta' Ottubru 2018, fis-"Sena ta' Trojja" kif iddikjarata fit-Turkija.[9]
Wirjiet
immodifikaIn-niċeċ mal-ħitan tar-rampa tad-daħla fihom lapidi, statwi kbar, u ritratti ta' xenarji b'daqs ta' affreski mil-livelli differenti tal-iskavi fi Trojja. Fid-daħla, tingħata informazzjoni dwar ix-xjenza arkeoloġika, dwar il-metodi tad-datazzjoni arkeoloġika u dwar termini bħall-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali, it-tumbati tat-tajn u tal-ħamrija (tumuli) u l-perjodi preistoriċi taż-Żminijiet Neolitiċi, Kalkolitiċi, tal-Bronż u tal-Ħadid u dawn jiġu spjegati lill-viżitatur sabiex ikun jista' jorjenta ruħu. Il-mużew fih ukoll disinni grafiċi viżivi, dijorami u grafika interattiva.[8]
Il-mużew huwa mqassam f'seba' sezzjonijiet. Il-pjan terran huwa rriżervat għall-artefatti mir-reġjun ta' Troad, illum il-ġurnata l-Peniżola ta' Biga. Dawn huma fdalijiet arkeoloġiċi mill-bliet antiki ta' Assos (Behramkale), Tenedos (Bozcaada), Parium, Alexandria Troas (Eski Stambul), Smintheion, Lampsacus (ħdejn Lapseki), Thymbra, Tavolia u Imbros (Gökçeada). Għall-wiri hemm madwar 2,000 oġġett mill-kollezzjoni tal-mużew ta' madwar 40,000 artefatt differenti, li ġew ittrasferiti mill-Mużew Arkeoloġiku ta' Çanakkale, mill-Mużew Arkeoloġiku ta' Istanbul u mill-Mużew taċ-Ċivilizzazzjonijiet tal-Anatolja f'Ankara. It-trasferiment ta' muniti ta' Trojja mill-Mużew Arkeoloġiku ta' İzmir ġie mitlub. Fost l-oġġetti għall-wiri hemm reċipjenti tad-dmugħ, fliexken tal-fwejjaħ tal-ħġieġ u tat-terrakotta, figurini, oġġetti tad-deheb, ġiżirajjen u brazzuletti, muniti, ornamenti, oġġetti u għodod tal-għadam, kontenituri tal-metall, bċejjeċ tal-fuħħar, armi, mannari u skieken, plieri, kitbiet imnaqqxin, artali, sarkofagi, skulturi u bosta oġġetti speċjali oħra mill-istorja ta' 5,000 sena ta' Trojja u ta' bliet antiki oħra. Fost l-oġġetti notevoli hemm is-sarkofagu ta' Polyxena li ġie skavat fl-1994 u l-istatwa tal-alla Grieg Tritun li ġiet skoperta fl-2012. Madwar il-bitħa esterna tal-mużew hemm ukoll xi artefatti tal-ġebel, kolonni, steli, u kapitelli tal-kolonni esposti fil-beraħ.[9]
Referenzi
immodifika- ^ "Exhibition featuring 150th anniversary of Troy Excavations opens to visitors". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-26.
- ^ "Turkish museum receives European Museum Academy award". www.aa.com.tr. Miġbur 2022-04-26.
- ^ "2020/2021 European Museum Academmy Awards The Judge's Report" (PDF).
- ^ "THE WINNERS OF THE EMYA 2020 AND 2021 ARE NOW ANNOUNCED!". www.europeanforum.museum (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-09-21. Miġbur 2022-04-26.
- ^ "Troy Museum opens to visitors in Çanakkale". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-26.
- ^ "Troya Müzesi ziyarete açıldı". www.ntv.com.tr (bit-Tork). Miġbur 2022-04-26.
- ^ "Yalin Mimarlik completes Museum of Troy in Turkey". Dezeen (bl-Ingliż). 2019-01-30. Miġbur 2022-04-26.
- ^ a b "Troya Müzesi / Yalın Mimarlık" (bit-Tork). 2019-02-15. Miġbur 2022-04-26.
- ^ a b "Çanakkale villagers rush to newly opened Troy Museum". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-26.