Meteora
Meteora (/ˌmɛtiɔːrə/[1]; bil-Grieg: Μετέωρα, ippronunzjata [meˈteora]) hija formazzjoni tal-blat fil-Greċja ċentrali li tospita wieħed mill-ikbar kumplessi ta’ monasteri Ortodossi tal-Lvant mibnija fi qċaċet prekarji. Il-Muntanja Athos biss hija iktar importanti bħala kumpless ta’ monasteri fil-Greċja.[2] Is-sitt monasteri (minn erbgħa u għoxrin li kien hemm oriġinarjament) huma mibnija fuq blatiet naturali għoljin ħafna, lixxi u ġejjin għat-tond qishom għoljiet, li jiddominaw iż-żona lokali. Meteora tinsab ħdejn ir-raħal ta’ Kalabaka fin-naħa tal-Majjistral tal-Pjanura ta’ Thessaly qrib ix- xmara Pineios u l-Muntanji Pindus.
Meteora tniżżlet fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[3]
L-isem ifisser “twil/għoli”, “elevat”, u etimoloġikament huwa relatat ma’ meteor.[4]
Ġeoloġija
immodifikaMaġenb il-Muntanji Pindus, fir-reġjun tal-Punent ta’ Thessaly, dawn il-kolonni uniċi u enormi tal-blat jitilgħu ’l fuq mill-art b’mod vertiġinuż. Iżda l-għamla mhux tas-soltu tagħhom mhix faċli li tispjegaha ġeoloġikament. Mhumiex għenuq vulkaniċi magħmula minn blat ignew iebes li huwa tipiku ta’ nħawi oħra, iżda l-blat huwa magħmul minn taħlita ta’ blat ramli u konglomerati.
Il-konglomerati ġew iffurmati minn depożiti ta’ ġebel, ramel, u tajn minn flussi li jnixxu f’delta fix-xifer ta’ lag, matul miljuni ta’ snin. Xi 60 miljun sena ilu, matul il-perjodu Paleoġen[5], serje ta’ movimenti tal-art tad-dinja imbuttaw qiegħ il-baħar ’il fuq, ħolqu pjanura għolja u kkawżaw ħafna linji ta’ fratturi fis-saff oħxon tal-blat ramli. Il-pilastri tal-blat enormi mbagħad ġew iffurmati bl-effetti tal-ilma, tar-riħ, u tat-temperaturi estremi tul iż-żmien fuq il-fratturi vertikali. Mhux tas-soltu li din il-formazzjoni ta’ konglomerati u li dan it-tip ta’ effetti tul iż-żmien ikunu kkonfinati f’żona relattivament lokalizzata fi ħdan il-formazzjoni muntanjuża tal-madwar.
Din it-tip ta’ formazzjoni tal-blat u dan it-tip ta’ proċess tal-elementi tul iż-żmien seħħew f’ħafna postijiet oħra lokalment u madwar id-dinja, iżda d-dehra ta’ Meteora hija speċjali bis-saħħa tal-uniformità tal-kostitwenti tal-blat sedimentarju ddepożitati matul miljuni ta’ snin u bi ftit sinjali ta’ saffi vertikali, u bis-saħħa tal-effetti tal-elementi tul iż-żmien li huma lokalizzati b’mod vertikali.
L-għar ta’ Theopetra jinsab xi erba’ kilometri ’l bogħod minn Kalambaka. L-uniċità tiegħu minn perspettiva arkeoloġika hi li sit wieħed fih rekords ta’ żewġ tranżizzjonijiet kulturali sinifikanti ħafna: is-sostituzzjoni tal-bnedmin Neandertal bil-bnedmin moderni u iktar tard, it-tranżizzjoni mill-ġemgħat tal-kaċċa għall-biedja wara t-tmiem tal-aħħar Era Glaċjali. L-għar jikkonsisti minn kompartiment rettangolari ta’ 500 metru kwadru taħt għolja magħmula mill-ġebla tal-ġir, li jinsab fil-Grigal tal-villaġġ ta’ Theopetra, b’daħla wiesgħa 17-il metru u għoli tliet metri. Barra minn hekk, jinsab fil-bidu tal-katina muntanjuża ta’ Chasia, li tifforma l-konfini naturali bejn il-prefetturi ta’ Thessaly u l-Maċedonja, filwaqt li x-xmara Lithaios, tributarja tax-xmara Pineios, tgħaddi minn quddiem l-għar. Ix-xmara żgħira Lithaios li tnixxi litteralment fuq l-għatba tal-bieb tal-għar u dan kien ifisser li dawk li jgħixu fl-għar dejjem kellhom aċċess faċli għall-ilma nadif u frisk mingħajr il-ħtieġa li jkopru distanzi twal kuljum biex isibuh.[6]
Permezz tal-iskavi u tar-riċerka ġew skoperti diatomi petrifikati, li għenu għall-fehim tal-klima u tat-tibdil fil-klima taż-żmien Paleoġen. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju turi l-preżenza umana li tmur lura 50,000 sena.[7] L-għar kien miftuħ għall-pubbliku fl-imgħoddi, iżda attwalment jinsab magħluq b’mod indefinit, sabiex isiru spezzjonijiet tas-sigurtà.[8]
Storja
immodifikaStorja antika
immodifikaL-għerien qrib Meteora kienu abitati b’mod kontinwu bejn 50,000 u 5,000 sena ilu. L-eqdem eżempju magħruf ta’ struttura mibnija, ħajt tal-ġebel li kien jimblokka żewġ terzi tad-daħla tal-għar ta’ Theopetra, inbena 23,000 sena ilu, x’aktarx bħala lqugħ kontra l-irjieħ kesħin – id-Dinja kienet qed tesperjenza era glaċjali dak iż-żmien – u fl-għerien instabu bosta artefatti Paleolitiċi u Neolitiċi tal-insedjamenti umani.[7]
Meteora ma ssemmietx fil-mitoloġija Griega Klassika u lanqas fil-letteratura Griega Antika. L-ewwel nies li ġew iddokumentati li għexu f’Meteora wara ż-Żmien Neolitiku kienu grupp axxetiku ta’ patrijiet eremiti li, fid-disa’ seklu W.K., telgħu sal-qċaċet antiki. Dawn kienu jgħixu f’ħofor u fi xquq fil-blatiet enormi, uħud saħansitra 550 metru ’l fuq mill-pjanura. Dan l-għoli kbir, flimkien mal-ħitan kważi vertikali tal-irdumijiet, żamm lil bosta ’il bogħod għajr l-iktar viżitaturi ddeterminati. Inizjalment, l-eremiti kienu jgħixu ħajja ta’ solitudni, u kienu jiltaqgħu biss nhar ta’ Ħadd u f’jiem speċjali għall-qima u għat-talb f’kappella mibnija biswit blata magħrufa bħala Dhoupiani.[2]
Sa mill-ħdax-il seklu, il-patrijiet bdew jokkupaw l-għerien ta’ Meteora. Madankollu, il-monasteri ma nbnewx qabel is-seklu erbatax, meta l-patrijiet fittxew xi mkien biex jinħbew minħabba għadd dejjem jikber ta’ attakki tat-Torok fil-Greċja. F’dak iż-żmien, wieħed kien jaċċessa l-parti ta’ fuq permezz ta’ slielem li setgħu jitneħħew jew permezz ta’ argnu. Illum il-ġurnata, wieħed jista’ jasal hemm fuq b’mod ħafna iktar sempliċi permezz ta’ tarġiet imnaqqxa fil-blat matul is-snin 20 tas-seklu 20. Mill-24 monasteru, sitta biss (erbgħa tal-irġiel, tnejn tan-nisa) għadhom jiffunzjonaw, u kull monasteru jospita inqas minn għaxar individwi.[9]
Monasteri
immodifikaId-data eżatta tat-twaqqif tal-monasteri mhix magħrufa. Sal-aħħar tas-seklu ħdax u l-bidu tas-seklu tnax, ġie ffurmat stat monastiku rudimentali msejjaħ Skete ta’ Stagoi u dan kien iċċentrat madwar il-knisja ta’ Theotokos (t’Omm Alla) li għadha eżistenti sa llum. Sa tmiem is-seklu tnax, komunità axxetika ġiet tgħix f’Meteora.[2]
Fl-1344, Athanasios Koinovitis mill-Muntanja Athos ġab grupp ta’ dixxipli lejn Meteora. Mill-1356 sal-1372, huwa waqqaf il- monasteru l-kbir ta’ Meteoron fuq il-Blata l-Wiesgħa, li kien perfett għall-patrijiet; kienu għall-kenn mit-taqlib politiku u kellhom kontroll sħiħ tad-dħul fil-monasteru. L-uniku mezz biex tasal għalih kien billi titla’ sellum twil, li kien jittella’ kull meta l-patrijiet kienu jħossuhom mhedda.
Fl-aħħar tas-seklu erbatax, ir-renju tal-Imperu Biżantin fit-Tramuntana tal-Greċja kien kulma jmur qed jiġi mhedded mill-attakki tat-Torok li riedu jikkontrollaw il-pjanura għammiela ta’ Thessaly. Il-patrijiet eremiti, huma u jfittxu kenn mill-okkupazzjoni tat-Torok li kienet qed tikber, ħassew li l-pilastri tal-blat inaċċessibbli ta’ Meteora kienu tassew ideali. Mis-seklu erbatax, inbnew iktar minn 20 monasteru, li minnhom illum fadal sitta.
Fl-1517, Teofanu ta’ Kreta bena l-monasteru ta’ Varlaam, li kellu r-reputazzjoni li kien jospita r-relikwa tas-saba’ ta’ San Ġwann u l-għadam tal-ispalla ta’ Sant'Indrija.
L-aċċess għall-monasteri kien oriġinarjament (u deliberatament) diffiċli, u kien jeħtieġ slielem twal marbutin flimkien jew xbieki kbar li kienu jintużaw biex jiġu olzati kemm l-oġġetti kif ukoll il-persuni. Dan kien pjuttost ta’ sogru u kull darba li persuna kien jirnexxielha tasal fuq b’dan il-mod setgħet tgħoddha b’waħda. Jingħad li l-ħbula eventwalment ġew sostitwiti biss “meta l-Mulej ħallihom jinqatgħu”. Fi kliem il-UNESCO, “Ix-xibka li fiha l-pellegrini kuraġġużi kienu jiġu olzati vertikalment mal-ħajt tal-irdum għal 373 metru sal-monasteru ta’ Varlaam, fil-quċċata tal-wied tal-madwar, jissimbolizza l-fraġilità ta’ stil ta’ ħajja tradizzjonali li kien mhedded bl-estinzjoni".[10]
Sas-seklu sbatax, il-mezz primarju biex jiġu olzati l-oġġetti u n-nies sal-monasteru kien permezz ta’ qfief u ħbula.[11]
Fl-1921, ir-Reġina Marie tar-Rumanija żaret Meteora, u saret l-ewwel mara li qatt tħalliet tidħol fil-monasteru l-kbir ta’ Meteoron.
Fis-snin 20 tas-seklu 20, kien hemm titjib fl-arranġamenti. Ġie mnaqqax taraġ fil-blat, u b’hekk il-kumpless sar aċċessibbli anke permezz ta’ pont mill-pjanura fil-qrib. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija s-sit ġie bbumbardjat[12] u ħafna teżori tal-arti nsterqu.[13]
Lista tal-monasteri
immodifikaFl-aqwa tagħhom fis-seklu sittax, kien hemm saħansitra 24 monasteru f’Meteora fil-Greċja. Dawn inħolqu biex jaqdu l-patrijiet u s-sorijiet li kienu qed isegwu t-tagħlim tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant. Ħafna mill-arkitettura ta’ dawn il-binjiet hija ta’ oriġini Atonita. Illum hemm sitt monasteri li għadhom jiffunzjonaw bħala monasteri, filwaqt li l-bqija, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma biss fdalijiet. Il-qċaċet li jinsabu fuqhom illum il-ġurnata huma aċċessibbli permezz ta’ taraġ jew mogħdijiet imnaqqxin fil-formazzjonijiet tal-blat.
Mis-sitt monasteri li għadhom jiffunzjonaw bħala monasteri, il-Monasteru Mqaddes ta’ San Stiefnu u l-Monasteru Mqaddes ta’ Roussanou huma abitati minn sorijiet filwaqt li l-bqija huma abitati minn patrijiet. Il-popolazzjoni monastika totali tal-monasteri ta’ Meteora fl-2015 kienet ta’ 56 ruħ; 15-il patri f’erba’ monasteri u 41 soru f’żewġ monasteri. Il-monasteri saru wkoll attrazzjonijiet turistiċi.
Immaġnijiet | Monasteru |
---|---|
Il-Monasteru l-kbir ta’ Meteoron il-Kbir: dan huwa l-ikbar wieħed mill-monasteri li jinsabu f’Meteora, għalkemm fl-2015 kien hemm biss tliet patrijiet residenti fih. Il-monasteru twaqqaf f’nofs is-seklu erbatax u sarulu għadd ta’ proġetti ta’ restawr u ta’ rinnovazzjoni fl-1483 u fl-1552. Binja waħda sservi bħala l-mużew ewlieni għat-turisti. Il-katholikon (knisja ewlenija), ikkonsagrat f’ġieħ it-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, twaqqaf f’nofs is-seklu erbatax u fl-1387/88, fl-1483 u fl-1552 ġie rinnovat. | |
Il-Monasteru ta’ Varlaam: dan il-monasteru huwa t-tieni l-ikbar monasteru fil-kumpless ta’ Meteora, u fl-2015 kellu l-ikbar numru ta’ patrijiet residenti (seba’) mill-monasteri għall-irġiel. Inbena fl-1541 u ġie rinnovat fl-1548. Il-knisja tiegħu, iddedikata lill-Qaddisin Kollha, hija tat-tip Atonita (għamla ta’ salib f’pjanta kwadra bil-koppla u bil-kjostri), b’exonarthex spazjuża li hija mdawra b’koppla. Din inbniet fl-1541-42 u ġiet imżejna fl-1548, filwaqt li l-exonarthex kien imżejjen fl-1566. Ir-refettorju l-qadim jintuża bħala mużew filwaqt li fit-Tramuntana tal-knisja hemm il-parekklesion tat-Tliet Isqfijiet, li nbena fl-1627 u li ġie mżejjen fl-1637. | |
Il-Monasteru ta’ Roussanou/Santa Barbara twaqqaf f’nofs is-seklu sittax u ġie mżejjen fl-1560. Fl-2015 il-monasteru (jew kunvent) tas-sorijiet kellu 13-il soru residenti. | |
Il-Monasteru ta’ San Nikola Anapausas, mibni fis-seklu sittax, għandu knisja żgħira, li ġiet imżejna fl-1527 mill-pittur magħruf, Teofanu ta’ Kreta. Fl-2015 kien għad hemm patri wieħed residenti. | |
Il-Monasteru ta’ San Stiefnu għandu knisja żgħira li ġiet mibnija fis-seklu sittax u li ġiet imżejna fl-1545. Dan il-monasteru huwa msejjes fuq il-pjanura u mhux fuq irdum. Kien ibbumbardjat min-Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija li sostnew li kien qed jilqa’ lir-ribelli, wara li ġie abbandunat. Il-monasteru ngħata lis-sorijiet fl-1961 u huma ħadu ħsieb ir-rikostruzzjoni f’residenza għas-sorijiet, bi 28 soru residenti fl-2015. | |
Il-Monasteru tat-Trinità Mqaddsa jinsab fuq l-irdumijiet. Dan inbena fl-1475 u ġie mmudellat mill-ġdid fl-1684, fl-1689, fl-1692, u fl-1741. Kien hemm erba’ patrijiet residenti fih fl-2015. |
Sit ta’ Wirt Dinji
immodifikaMeteora ġiet iddeżinjata fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; il-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”; u l-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”.[3]
Kultura popolari
immodifika- Il-monasteru tat-Trinità Mqaddsa ntuża bħala post fejn inġibed il-film tal-1981 ta’ James Bond, For Your Eyes Only.
- Il-film tal-1957, Boy on a Dolphin inġibed parzjalment f’Meteora. Il-personaġġ ta’ Clifton Webb iżur Meteora, u jitla’ fil-monasteru tat-Trinità Mqaddsa biex jagħmel xi riċerka fil-librerija.
- Xi xeni minn Tintin and the Golden Fleece nġibdu wkoll fil-monasteri ta’ Meteora.
- Michina, il-pajsaġġ ewlieni tal-film Pokémon: Arceus and the Jewel of Life huwa bbażat fuq Meteora.
- Meteora huwa l-post ewlieni fil-ktieb tal-fizzjoni The Spook's Sacrifice, mill-awtur ta’ Lancashire Joseph Delaney.
- Wieħed mill-karattri li jibqgħu ħajjin fil-ġrajja tal-apokalissi biż-zombies ta’ Max Brooks, World War Z, isib kenn u serħan il-moħħ fil-monasteri matul u wara l-gwerra taż-zombies.
- Il-film Meteora tal-2012 dirett minn Spiros Stathoulopoulos huwa ambjentat fil-monasteri u fix-xenarju ta’ Meteora.
- Il-post primarju u l-isem tal-Volum 3 fis-serje tal-komiks Le Décalogue mill-awtur Franċiż Frank Giroud huma bbażati fuq Meteora.
- Il-mappa DLC “Santwarju” ta’ Call of Duty: Modern Warfare 3 hija ambjentata fil-monasteri ta’ Meteora.
- L-album tal-2003 tal-Linkin Park issemma wara s-siti ta’ Meteora.
- Il-monasteri kienu l-post fejn inġibed il-film tal-azzjoni tal-1976, Sky Riders, li ħadmu fih Susannah York, James Coburn u Robert Culp .
- Fl-episodju Travels with Father f’The Young Indiana Jones Chronicles, Indiana u missieru jżuru Meteora.
- Meteora serviet bħala ispirazzjoni għal Eyrie fis-serje televiżiva ta’ Game of Thrones.
- Id-disinn tal-isfera tal-Eliżew fil-kapitlu li jista’ jitniżżel online msejjaħ The Fate of Atlantis tal-logħba elettronika Assassin's Creed Odyssey kien ispirat mill-ġeoloġija ta’ Meteora.
- Meteora kienet il-post tal-ewwel sfida fit-tmien staġun tar-reality show Belġjan De Mol.
- Mossa tal-lotta professjonali innovata minn CIMA ngħatat l-isem ta’ Meteora, peress li kien hemm fejn kien ippropona lil martu.
- Id-disinn estern tal-livell "St. Francis' Folly" fil-logħba elettronika tal-1996, Tomb Raider, u tar-remake tagħha tal-2007, kien ispirat mill-monasteri fil-għoli ta’ Meteora.
Referenzi
immodifika- ^ "METEORA | Definition of METEORA by Oxford Dictionary on Lexico.com also meaning of METEORA". Lexico Dictionaries | English (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-11. Miġbur 2021-04-26.
- ^ a b ċ Sofianos, D.Z.: "Metéora". Holy Monastery of Great Meteoro, 1991.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Meteora". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-26.
- ^ Henry Holland (7 June 2012). Travels in the Ionian Isles, Albania, Thessaly, Macedonia, Etc.: During the Years 1812 and 1813. Cambridge University Press. p. 241. ISBN 978-1-108-05044-9.
- ^ "General info about Meteora" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-26.
- ^ "Theopetra Cave - Meteora's Prehistoric Site - by Visit Meteora" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-26. Miġbur 2021-04-26.
- ^ a b Y. Facorellis, N. Kyparissi-Apostolika and Y. Maniatis 2001 The cave of Theopetra, Kalambaka: radiocarbon evidence for 50,000 years of human presence. Radiocarbon 43 (2B): 1029-48.
- ^ "Cave of Theopetra will remain closed - VisitMeteora.travel" (bl-Ingliż). 2016-06-30. Miġbur 2021-04-26.
- ^ World, Beautiful (2019-01-11). "Meteora Greece" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-26.
- ^ Bruce B. Janz (29 April 2017). Place, Space and Hermeneutics. Springer. pp. 67–. ISBN 978-3-319-52214-2.
- ^ ""Meteora, Connecting with Heaven presented in History section". www.newsfinder.org. Arkivjat 24-05-2014". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-05-24. Miġbur 2021-04-26.
- ^ "Damaged in World War II - World Heritage Site - Pictures, Info and Travel Reports". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2021-04-26.
- ^ "WWII led to looting of ancient artifacts | eKathimerini.com". www.ekathimerini.com . Miġbur 2021-04-26.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)