Jum ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi tal-Mafja

Il-Jum ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi Innoċenti tal-Mafja hija ċelebrazzjoni annwali ta’ għarfien u mobilizzazzjoni b’tifkira tal-vittmi tal-Mafja fl-Italja u madwar id-dinja, organizzata mill-1996 min-netwerk ta’ għaqdiet ta’ Libera kontra l-Mafja.[1] Id-data tal-avveniment hija l-ewwel jum tar-Rebbiegħa (21 ta’ Marzu), magħżula għaliex “tissimbolizza kemm it-twelid mill-ġdid, kif ukoll il-ħajja”, [2] u l-bidu ta’ triq “fit-tul” ta’ impenn u tama.[3] Fi kliem Nando Dalla Chiesa, wieħed mill-istudjużi ewlenin tal-moviment ċivili u soċjali kontra l-Mafja, sar “maż-żmien wieħed mill-akbar avvenimenti fissi fl-aġenda tal-Italja ċivili” [4]. F’Marzu tal-2017, dan ġie rikonoxxut mill-Istat Taljan (Liġi tat-8 ta’ Marzu 2017, nru. 20) bħala “Jum Nazzjonali ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi tal-Mafja”[5].

L-Istorja tal-Avveniment: Kuntest Storiku

immodifika

L-idea ta’ jum li jgħaqqad il-memorja u l-impenn f’isem il-vittmi innoċenti tal-Mafja nħolqot madwar nofs id-disgħinijiet, fi tmiem staġun ta’ taqlib politiku kbir u vjolenza kriminali eċċezzjonali fl-istorja tal-Italja. Minn banda, it-tmiem tal-Gwerra l-Bierda kien ħoloq kriżi fis-sistema politika Taljana, li ġiet megħluba minn investigazzjonijiet kontra l-korruzzjoni mnedija f’Milan mill-Pool tal “Mani Pulite”. Minn oħra, fl-istess perijodu, fl-1992 il-Qorti tal-Kassazzjoni kkonfermat is-sentenza fl-ewwel Ġuri maxiprocesso tal-“Cosa Nostra” fi Sqallija. Dan wassal għal attakki offensivi Mafjużi bla preċedent, li laħqu l-qofol tagħhom fl-attakki ta’ Capaci u via D’Amelio fi Sqallija, kif ukoll fl-Italja: via dei Georgofili f'Firenze, via Palestro f'Milan, San Giorgio al Velabro u San Giovanni Laterano f’Ruma. Filwaqt li l-kriżi politika ġġenerat innovazzjonijiet fl-istituzzjonijiet u l-partiti,[6] il-massakru tal-Mafja pprovoka oppożizzjoni ċivili u soċjali soda u passjonata. B’hekk dan ta spinta ikbar lill-moviment kontra l-Mafja. B’mod partikolari, bejn is-Sajf tal-1994 u r-Rebbiegħa tal-1995, l-episodji serji li seħħew fi Sqallija, f’Capaci u f’Via d’Amelio f’Palermo, wasslu, għall-ħolqien ta’ netwerk nazzjonali ta’ assoċjazzjonijiet,[7] li ngħata l-isem “Libera. Għaqdiet, Ismijiet u Numri kontra l-Mafja.” Wieħed mill-ewwel atti tan-netwerk assoċjattiv kien li jfassal u jwaqqaf, fil-21 ta’ Marzu 1996; jum ta’ memorja u impenn b’tifkira għall-vittmi innoċenti tal-Mafja.

Ġenesi tal-Ġrajja

immodifika

Don Luigi Ciotti, fundatur ta’ Libera u l-president minn minndu nħolqot, jixhed kif l-impulsi oriġinali biex tiġi ddedikata ġurnata li tiftakar l-ismijiet tal-vittmi innoċenti kollha tal-Mafja, tqanqlu minn laqgħat ma’ żewġ ommijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija maqtula mill-Cosa Nostra: Carmela Montinaro, omm Antonio Montinaro, kap tal-iskorta tal-Imħallef Giovanni Falcone, maqtul fl-attakk f’Capaci, u Saveria Antiochia, omm Roberto Antiochia, maqtul waqt li kien l-iskorta volontarju tal-Kummissarju Ninni Cassarà. Fl-ewwel każ, Don Ciotti jiftakar kif kien jinsab bilqiegħda ħdejn Carmela Montinaro waqt kommemorazzjoni uffiċjali tal-massakru ta’ Capaci, meta f’daqqa waħda qabditlu jdejħ u bdiet tibki u tolfoq filwaqt li esprimiet d-diqa li kienet tħoss peress li isem binha qatt ma ssemma f’okkażjonijiet ta’ dan il-ġeneru.[8] Dan l-ilment, jew wisq aktar, diżappunt, wassal lil Don Ciotti għal żewġ konklużjonijiet. L-ewwel, li tingħata direzzjoni ġdida lill-impenn soċjali kontra l-Mafja. It-tieni, li tinstab kontinwità bejn din it-direzzjoni ġdida u dik li kienet inbdiet qabel mill-Gruppo Abele ta’ Turin. “F’daqqa waħda kien ċar għalija li, bħal fil-ġlieda kontra d-droga jew l-emarġinazzjoni, anke fil-ġlieda kontra l-Mafja, kellna nibdew mill-ġdid; mill-bażi tar-relazzjonijiet umani. Billi nisimgħu lin-nies u nirrikonoxxu d-drittijiet tagħhom,”[9] u stajna nibdew mid-dritt li wieħed jissemma b’ismu. "Dik il-mara kellha d-dritt li tisma’ isem binha mitkellem. Għaliex binha s’issa kien dejjem imfakkar biss bħala "wieħed mill-membri tal-iskorta, fid-diversi diskorsi li kienu saru.”[10]

Din it-triq iltaqgħet ma’ dik li wittiet b’mod awtonomu Saveria Antiochia, li wara l-mewt ta’ binha kienet bdiet attività kburija, enerġetika u kuraġġuża ta’ denunzja, xhieda u ġlieda kontra l-Mafja fil-midja, fl-iskejjel u anke fil-politika.[11] Bħala waħda mill-ewwel partecipanti fl-attivitajiet ta’ Libera, Saveria Antiochia ikkontribwixxiet b'mod deċiżiv għat-twettiq tal-ewwel edizzjoni tal-Jum,[12] sabiex timmotiva u torganizza l-ewwel grupp ta’ membri familjari,[13] u sabiex timplimenta u tivverifika l-ewwel lista tal-ismijiet tal-vittmi.[14] Filwaqt li, Carmela Montinaro kienet għamlet lil kulħadd konxju tad-dritt li wieħed jissemma b’ismu, Saveria Antiochia inkorporat b’mod eżemplari l-pilastru l-ieħor tal-Jum tal-21 ta’ Marzu, mil-lat etiku u prattiku: ir-rabta bejn il-memorja u l-impenn.

Id-Dimostrazzjoni u l-Prinċipji tal-Jum tal-21 ta’ Marzu

immodifika

Il-“Jum tal-memorja u l-impenn” huwa avveniment li jeħtieġ xhur ta’ ppjanar, fl-iskejjel u fi gruppi ta’ assoċjazzjoni, fin-netwerk territorjali ta’ Libera u mal-familji tal-vittmi innoċenti. Dan il-perjodu ta’ tħejjija huwa fundamentali għar-riflessjoni u t-taħriġ fl-iskejjel u fin-netwerk assoċjattiv, sabiex tiġi deċiża t-tema u għall-għażla tal-islogan annwali li jintużaw fil-21 ta’ Marzu. Dawn huma parti minn vjaġġ li jimxi pass pass (imsejjaħ "I cento passi verso il 21 marzo”) li jwassal għall-dan il-Jum, li huwa mument uniku u kapaċi jistimula impenn imġedded lejn il-bosta għanijiet li stabbilixxiet Libera.

L-importanza tal-ġurnata tingħata b’bidu ta’ purċissjoni twila madwar 3 km fit-toroq tal-belt (kull sena tingħażel belt differenti). Il-ġurnata tilħaq il-qofol tagħha waqt li tinqara pubblikament il-lista tal-ismijiet tal-vittmi innoċenti kollha tal-Mafja, minn persuni differenti. Il-purċissjoni tingħata bidu mill-familji tal-vittmi, li jitilgħu bil-bandalora li tirrapreżenta dan il-Jum. Filwaqt li l-qari pubbliku tal-lista huwa fdat lil diversi ilħna; minn dawk tal-familja sa dawk ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet u istituzzjonijiet involuti fil-ġlieda kontra l-Mafja. Din il-lista, hija riżultat ta’ verifika u aġġornament kontinwu mill-assoċjazzjoni Libera, b’kollaborazzjoni mal-familji tal-vittmi kif ukoll dawk kollha li jipprovdu xi stejjer dwar vittmi ġodda. Din tissodisfa żewġ kriterji essenzjali: l-ewwel hija ċ-ċertezza tal-innoċenza tal-vittma, filwaqt li t-tieni hija l-ħtieġa li tesprimi memorja mhux selettiva. Dan ifisser li l-lista tinkludi l-vittmi innoċenti kollha tal-Mafja, irrispettivament mir-rwol tagħhom fis-soċjetà, mill-pożizzjonijiet, min-nazzjonalità, mis-sess, jew mit-twemmin reliġjuż. F’konformità ma’ dan l-approċċ, li jagħraf li kull vittma innoċenti jixirqilha l-istess dinjità, il-lista tinqara skont kriterji purament u strettament kronoloġiċi.

Il-prinċipji ta’ dan ir-“rit sekulari”[15] huma d-dritt li wieħed jissemma b’ismu, id-dritt li wieħed jiġi mfakkar, kif ukoll ir-rabta qawwija bejn il-memorja u l-impenn. Id-dritt li wieħed jissemma b’ismu għandu jinftiehem f’sens mhux legali, iżda ‘ċivili’, b’mod etiku u eżistenzjali: “l-isem huwa għal kulħadd l-ewwel forma ta’ identità; li jirrappreżentana bħala persuni uniċi, u jagħti importanza lill-istorja individwali tagħna”.[16] Meta tiġi miġbura l-informazzjoni dwar l-identità individwali u tinbena mill-ġdid l-istorja u l-ħajja tal-individwu; b’hekk tinħoloq memorja ħajja. Il-vittmi innoċenti tal-Mafja isiru magħrufa u mfakkra, id-dinjità tagħhom bħala persuni tiġi rikonoxxuta u tingħata valur lill-memorja tal-persuna; li joħloq sens ta’ tama għall-membri tal-familja tagħhom. B’hekk ukoll, dawn l-ismijiet jibda’ jkollhom tifsira pożittiva u attiva, fis-soċjetà.

“Billi nerġgħu nagħtu sens ta’ integrità lil dawn l-isimijiet u lill-istejjer ta’ dawn l-individwi, il-mejtin ma jibqgħux (…) persuni li tinħass biss in-nuqqas tagħhom, iżda isiru ħajjiet li għandna ngħożżu”,[17] jiġifieri li jiġu protetti, onorati u msemmija. Grazzi għal dan l-eżerċizzju ta’ tifkira, isir impenn biex permezz tiegħu, “jiġi stabbilit l-valur tal-ħajja, mhux bħala strument ta’ poter iżda bħala sens ta’ ġid li jrid jitħares; sabiex jinbnew mill-ġdid partijiet importanti mill-istorja ta’ pajjiżna, marbuta mill-qrib mal-ħajja ta’ dawn in-nies. B’hekk naraw ukoll rabtiet mal-ħajja tagħna u r-responsabbiltà mistennijja minna lkoll; profil etiku b’mod definit u dimensjoni ġenerattiva tal-bidla, li tinsab u tingħata l-ħajja permezz tal-impenn”.[18]

Edizzjonijiet Individwali

immodifika

Matul is-snin, il-“Jum ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi tal-Mafja” evolva b’mod konsiderevoli f’kull aspett, iżda matul dan l-iżvilupp il-prinċipji bażiċi ma nbidlux. B'mod partikolari, dan kiber b’rata mgħaġġla, inbidel u twessa’ mil-lat organizzattiv, u ngħata iktar valur permezz tal-bosta laqgħat, analiżi, xhieda u għarfien li ħolqu diversi opportunitajiet.[19] Ix-xogħol ta’ riċerka dwar il-vittmi innoċenti tal-Mafja wassal sabiex il-lista ta’ ismijiet kibret minn madwar tliet mitt isem fl-ewwel edizzjoni, għal aktar minn elf isem fis-sitta u għoxrin edizzjoni. Bejn is-snin 90 u l-bidu tas-snin 2000, l-utilità soċjali tal-ġlieda kontra l-Mafja li saret minn Libera bdiet tesprimi ruħha f’forom tanġibbli. Fit-tieni edizzjoni, li saret f'Niscemi, ġiet inawgurata l-ewwel bitħa fil-belt ta’ Sqallija u ssemmiet: “Piazza 21 Marzo,” li kien rigal mingħand Libera.

Dik is-sena, il-Jum kien iddedikat għat-tfal, f’għeluq l-għaxar anniversarju mill-mewt ta’ Giuseppe Cutruneo u Rosario Montalto, żewġt itfal ta’ 8 u 11-il sena minn Niscemi, li kienu vittmi innoċenti tal-Mafja. Fit-tielet edizzjoni, li saret f' Reggio Calabria, il-"Gwida għall-applikazzjoni tal-Liġi 109/1996 dwar l-użu soċjali tal-assi tal-Mafja" ġiet ippreżentata fl-iskola sekondarja "Diego Vitrioli." F'Casarano, fl-2000, il-parteċipanti kollha rċevew, bħala rigal, kampjun ta’ żejt taż-żebbuġa extra verġni "Libera", prodott mill-artijiet konfiskati minn Bernardo Provenzano. Mis-snin 2000, bdew isiru seminars, u anke kunċerti, bħal fl-edizzjoni tal-2006 f'Turin. Mit-tmien edizzjoni, li saret Modena fl-2003, bdiet tingħata attenzjoni għall-firxa tal-Mafja barra min-Nofsinhar tal-Italja, li wasslet sabiex il-Jum ta’ Memorja u Impenn jiġi iċċelebrat ukoll f’diversi bliet fiċ-ċentru tat-Tramuntana tal-Italja. Dawn seħħew f'Turin fl-2006, f'Milan fl-2010, f'Ġenova fl-2012, f'Firenze fl-2013, f’Bologna fl-2015, u f’Padova fl-2019. Mill-2006 ‘l hawn, saret tradizzjoni ta’ kull sena li l-familji tal-vittmi jinġabru flimkien. Infatti, lejliet id-dsatax u t-tieni u għoxrin edizzjoni kienet ta’ importanza kbira: f’Latina, fl-2014, il-Papa Franġisku għamel velja ta’ talb qabel ma ltaqa’ mal-qraba tal-vittmi, filwaqt li f’Locri, fl-2017, ltaqa’ magħhom il-President Taljan tar- Repubblika, Sergio Mattarella. Ħames mitt parteċipant attendew l-ewwel edizzjoni; dan in-numru żdied għal aktar minn mitejn elf fl-għoxrin edizzjoni, li saret f’Bologna fl-2015. Mill-edizzjoni ta’ wara, il-wieħed u għoxrin, l-avveniment nazzjonali, li ta’ kull sena jsir f'belt differenti fl-Italja, xtrered madwar l-Ewropa, kif ukoll mal-bqija tad-dinja. Numru ta’ avvenimenti lokali (li dejjem jikber, bl-eluf), lkoll jimxu mal-istess proċedura; fejn tinqara pubblikament il-lista tal-ismijiet tal-vittmi innoċenti kollha tal-Mafja, minn persuni differenti. Fis-sena tal-pandemija tal-Covid-19, il-25 edizzjoni, skedata f'Palermo, tmexxiet b'suċċess għall-Internet u l-midja soċjali.

Lista ta’ edizzjonijiet individwali:

immodifika
  • 1996 – Ruma
  • 1997 - Niscemi (Caltanissetta)
  • 1998 - Reggio Calabria
  • 1999 - Corleone (Palermo)
  • 2000 - Casarano (Lecce)
  • 2001 - Torre Annunziata (Napoli)
  • 2002 – Nuoro
  • 2003 – Modena
  • 2004 - Ġela (Caltanissetta)
  • 2005 – Ruma
  • 2006 – Turin
  • 2007 - Polistena (Reggio Calabria)
  • 2008 – Bari
  • 2009 – Napli
  • 2010 – Milan
  • 2011 – Potenza
  • 2012 – Ġenova
  • 2013 – Firenze
  • 2014 – Latina
  • 2015 – Bologna
  • 2016 – Messina
  • 2017 - Locri (Reggio Calabria)
  • 2018 – Foggia
  • 2019 – Padova
  • 2020 – (skedat f'Palermo, imbagħad tmexxa għall-Internet, u l-midja soċjali minħabba l-pandemija tal-Covid-19)
  • 2021 – (f'Ruma u bliet Taljani oħra b’inizjattivi diretti b’distanza soċjali kif ukoll avvenimenti onlajn)

Biblijografija

immodifika
  • Nando Dalla Chiesa, La scelta Libera. Giovani nel movimento antimafia, Torino, EGA-Edizioni Gruppo Abele, 2014.
  • AA. VV., LA MEMORIA nelle storie, L’IMPEGNO nelle vite, a cura di Libera Settore Memoria, Roma 2017 (https://www.libera.it/documenti/schede/libromemoria_def.pdf).
  • Jole Garuti, In nome del figlio. Saveria Antiochia, una madre contro la mafia. Prefazione di don Luigi Ciotti, Milano, Melampo 2017.
  • Luigi Ciotti, L’amore non basta, Firenze, Giunti, 2020.

1.^ L-ewwel u r-raba’ edizzjonijiet (1996 u 1999) xorta kellhom it-titlu ta’ “Jum ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi kollha tal-Mafja”. Fil-perjodu ta’ sentejn 1997-1998 (it-tieni u t-tielet edizzjoni) u mill-2000 sa 2014 (mill-ħames sad-dsatax) l-avveniment kien uffiċjalment imsejjaħ "Jum ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi tal-Mafja". Mill-2015, ilha tiġi ċċelebrata mill-għaqda Libera bl-isem ta’ “Jum ta’ Memorja u Impenn b’Tifkira għall-Vittmi innoċenti tal-Mafja.” Ara għalhekk il-posters uffiċjali tad-diversi edizzjonijiet: https://vivi.libera.it/it-21marzo.

2.^ Elisa Crupi, Testimonianze di impegno dal ricordo personale alla memoria collettiva, in LA MEMORIA nelle storie, L’IMPEGNO nelle vite, a cura di Libera Settore Memoria, Roma 2017, pp. 52-53.

3.^ “Konna għażilna l-ewwel jum tar-Rebbiegħa preċiżament biex nagħtu sens ta’ impenn fit-tul. Huwa fir-Rebbiegħa li jinżergħu ż-żerriegħa, anki ż-żerriegħa tat-tama, li mbagħad jiġu kkultivati, bi sforz, ħila u passjoni, sabiex jagħtu l-frott.” (Luigi Ciotti, L’amore non basta, Firenze, Giunti, 2020, p. 119).

4.^ Nando Dalla Chiesa, La scelta Libera. Giovani nel movimento antimafia, Torino, EGA-Edizioni Gruppo Abele, 2014, Cap. 2, I vent’anni di Libera. La meglio gioventù, p. 53.

5.^ https://www.gazzettaufficiale.it/eli/id/2017/03/10/17G00034/sg

6.^ Fost l-oħrajn, ftakar l-elezzjoni diretta tas-sindki, il-bidla fl-isem u l-orizzonti politiċi tal-PCI (Partit Komunista Taljan), it-tkabbir f’daqqa tal-kunsens mill-Lega Nord u, fl-elezzjonijiet tal-1994, ir-rebħa elettorali mhux mistennijja ta’ grupp politiku ġdid; Forza Italia.

7.^ Dwar din il-fażi storika, ara ir-rikostruzzjoni li tinsab f’ Nando Dalla Chiesa, La scelta Libera, cit., cap. 2, paragrafo 1, Nascere dopo le stragi. Le radici e il contesto, pp. 49-56.

8.^ Luigi Ciotti, L’amore non basta, cit., p. 23.

9.^ Ibid, p. 24.

10.^ Ibid, p. 25.

11.^ Ara għalhekk re-enactments, xhieda, u dokumenti miġbura f’Jole Garuti, In nome del figlio. Saveria Antiochia, una madre contro la mafia. Prefazione di don Luigi Ciotti, Milano, Melampo 2017, b’mod partikolari pp. 102-186, 211-214, 219-222.

12.^ “Kienet Saveria li riedet dik il-ġurnata bis-saħħa kollha tagħha. Rieditha għaliex fehemet li dalwaqt kien se jasal iż-żmien fejn jintesa’ kollox (...). Saveria għamlet l-impossibbli, telefonati wara telefonati, biex tirnexxi. Il-membri familjari kienu ftit, meta mqabbla mal-lum (...). Kollox beda hekk” (stqarrija minn Gabriella Stramaccioni, mexxejja importanti ta’ Libera, lil Nando Dalla Chiesa u rrapportata f’Nando Dalla Chiesa, La scelta Libera, cit., cap. 2, paragrafo 2, Le prime grandi scelte /1. La memoria, p. 54)

13.^ Permezz tar-“relazzjoni mill-qrib mal-familji tal-vittmi innoċenti tal-mafja (...), il-kontribut tagħha kien deċiżiv. Saveria - li kienet diġà bniet rabtiet ma’ membri oħra familjari wara l-mewt ta’ Roberto - kabbret il-grupp, saħħet il-potenzjal uman, kienet għalliema fit-trawwim tal-memorja ħajja, kienet kapaċi tibbilanċja x-xhieda mad-denunzja u l-proposta mal-impenn”. (don Luigi Ciotti, Prefazju għal Jole Garuti, In nome del figlio, cit., p. 14). Cfr. ara wkoll Luigi Ciotti, L’amore non basta, cit., p. 30.

14.^ Fil-21 ta’ Marzu, 1996, “Saveria ħadet sehem b’mod attiv fil-qari tal-ismijiet u wara dak il-jum iddedikat ruħha b’impenn kbir biex tanalizza l-istejjer tal-vittmi. Fil-fatt, kien hemm il-probabbiltà li xi isem ma kienx jikkorrispondi ma’ vittma innoċenti iżda ma’ Mafjuż maqtul f’xi tpattija (...). Saveria ddedikat l-enerġija u l-għarfien tagħha fil-prattika, bl-għajnuna ta’ xi voluntiera għamlet paraguni fil-prefetturi u fil-qrati. Dejjem kienet inkwetata li m’għamlitx biżżejjed, beżgħet li jista’ jkun hemm xi ħadd fil-lista li ma kienx ħaqqu jkun hemm. Tul ħajjitha (...), ħadet sehem attiv fl-avvenimenti tal-jiem kollha tal-21 ta’ Marzu”.(Jole Garuti, In nome del figlio, cit., p. 197).

15.^ Rosanna Picoco, La memoria nutrimento collettivo. Il racconto di un anno di cammino, in AA. VV., LA MEMORIA nelle storie. L’IMPEGNO nelle vite, cit., pp. 57-59, p. 57.

16.^ Luigi Ciotti, L’amore non basta, cit., p. 25.

17.^ Ibidem.

18.^ Michele Gagliardo, Libera. 20 anni di impegno, in AA. VV., LA MEMORIA nelle storie. L’IMPEGNO nelle vite, cit., pp. 9-20, p. 14.

19.^ Għad-data kollha li ġejja, ikkonsulta s-sit https://vivi.libera.it/it-21marzo