Johnny Navarro

attur Malti

Johnny Navarro (Valletta, 23 ta’ Ottubru 1912 - 5 ta’ Awwissu 1997) kien wieħed mill-aqwa atturi li qatt ħarġu minn Malta, li jibqa’ magħ­ruf għall-versatilità tiegħu u l-kapaċità kbira li kellu li b’ħar­sa biss jifqa’ l-udjenza f’daħka jew f’bikja waħda.[1][2]

Johnny Navarro
Ħajja
Twelid Valletta, 23 Ottubru 1912
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 5 Awwissu 1997
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Taljan
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni attur

Bin Enrico Navar­ro u Pasqualina neè Cutajar, Johnny studja fl-iskola Umberto Primo u wara għadda għal Flores College fejn is-suġġett preferut tiegħu kien it-Taljan.

Bħala żagħżugħ kien membru attiv tal-Azzjoni Kattolika tal-Belt, imbagħad kien mid-ħla sew tas-Salesjani. Kien bnie­dem li jħobb ix-xogħol u jieħu kollox bis-serjetà, speċjalment fl-għajnuna siewja li kien jagħti lill-missieru fin-negozju tiegħu.

Sa minn età żgħira bdiet tit­rawwem fih il-passjoni lejn il-palk, fejn fil-fatt ħa parti f’reċ­ta fl-għaqda tal-Gioventù Kattolika (tal-Pawlini) ta’ 12-il sena. Sentejn wara ħa sehem fir-reċta “Il Ventaglio” ta’ Carlo Goldoni fit-Teatru Rjal, il-Belt u minn hemm ma waqaf qatt.

Ħadem ħafna operetti bl-Ingliż bħal “Maid of the Mountains” u anke bit-Taljan ta’ Pirandello kif ukoll ta’ Eduardo de Filippo.

Johnny Navaro kellu karrie­ra twila ta’ attur ‘self-made’ b’rappreżentazzjonijiet fuq il-palk f’diversi teatri f’Malta u Għawdex, il-Kanada u l-Aws­tralja. Fil-Manoel kellu ħafna ‘plays’ tqal u serji bħal “La Torre sul Pollaio”, “Lo Sbaglio di essere vivo” u “Nina non Far La Stupida”.

Minbarra dan, kellu wirjiet għall-emigranti Maltin fejn tela’ jferraħ lil ħutna Maltin u Għawdxin tliet darbiet f’Syd­ney u f’Melbourne l-Awstralja, fi New York l-Istati Uniti u f’Ontario l-Kanada.

Atturi li ħadmu ma’ John-ny Navarro jgħidulek li kien jib­ril­la fl-improvizzazzjoni. Skript li kien mejjet kien jagħ­tih il-ħajja u jagħmlu aktar rikk. L-udjenza kienet f’idejh, tistenna xi qabża bla ħsieb minn fuq xi attur ieħor jew għal fuqhom. Kien flessibbli u l-istatura tiegħu kienet tgħinu biex fi ftit mumenti kapaċi joħloqlok paradossi billi jitgħawweġ, jaqbeż u jċaqlaq ġismu bl-aktar mod tad-daħk.

Ħajja personali

immodifika

Iżda dan kollu kien jagħmlu fit-teatru, mhux fit-triq jew id-dar. Kif kienet tispiċċa l-pro­duzzjoni kien joħroġ is-Sur John Navarro. Peress li kien jagħmel xogħol bħala awditur qatt ma kien iħalli ċ-ċajt jidħol fl-affarjiet serji bħax-xogħol tiegħu.

Johnny Navarro żżewweġ ftit wara l-mewt ta’ missieru lil Maria Criscuoli hekk kif faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Kellhom erba’ wlied bniet – Gladys, Marlene, Marcelle u Valerie – u kienu joqogħdu fi Triq Dingli, Tas-Sliema.

Fl-1990, John u Mary Navarro iċċelebraw il-50 sena miż-żwieġ tagħhom. Ftit snin wara mietet ħesrem il-mara u disa’ xhur wara Malta tilfet wieħed mill-akbar atturi li qatt rat.

Johnny Navarro miet fl-għomor ta’ 84 sena.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Much loved funnyman can still make people smile". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-26.
  2. ^ "24 sena mill-mewt ta' Johnny Navarro". newsbook.com.mt (bil-Malti). 2021-08-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-26. Miġbur 2021-08-26.

Ħoloq esterni

immodifika