Joggins

komunità f'Nova Scotia, il-Kanada

Joggins hija komunità rurali fil-Punent tal-Kontea ta' Cumberland, Nova Scotia, il-Kanada. Fis-7 ta' Lulju 2008, tul ta' 15-il kilometru tal-kosta li jikkostitwixxi l-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Joggins
 Kanada
Amministrazzjoni
Stat sovranKanada
Province of CanadaNova Scotia
County of Nova ScotiaKontea ta' Cumberland
Ismijiet oriġinali Joggins Fossil Cliffs
Ġeografija
Koordinati 45°41′31″N 64°26′37″W / 45.6919°N 64.4436°W / 45.6919; -64.4436Koordinati: 45°41′31″N 64°26′37″W / 45.6919°N 64.4436°W / 45.6919; -64.4436
Joggins is located in Canada
Joggins
Joggins
Joggins (Canada)
Demografija
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1919
Popolazzjonijiet storiċi
Sena Pop. ±%
1901 1,088 —    
1911 1,648 +51.5%
1921 1,732 +5.1%
1931 1,000 −42.3%

Iż-żona kienet magħrufa fost il-poplu Mi'kmaq bħala "Chegoggins", li tfisser post b'reċint kbir tal-ħut, u mbagħad l-isem ġie mmodifikat mill-insedjaturi Franċiżi u Ingliżi għal Joggins.[2] Joggins tinsab fil-Baċir ta' Cumberland, sottobaċir tal-Bajja ta' Fundy, u għal żmien twil kienet stabbilita bħala żona tal-estrazzzjoni tal-faħam. Il-vini tal-faħam li huma esposti tul ix-xatt tal-Baċir ta' Cumberland kienu ilhom jiġu sfruttati mill-1686 mill-insedjaturi Akadjani lokali u mill-gwarniġjon Brittaniku f'Annapolis Royal fl-1715.

 
Ritratt satellitari tan-naħa ta' fuq tal-Bajja ta' Fundy waqt il-marea baxxa, bl-irdumijiet tal-fossili ta' Joggins u l-komunità ta' Joggins fin-nofs u lejn il-lemin.

L-ewwel minjiera kummerċjali ġiet stabbilita mill-Maġġur Henry Cope fl-1731, iżda nqerdet mill-poplu Mi'kmaq f'Novembru 1732. Samuel McCully fetaħ minjiera fl-1819 u l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tagħha kienet tiġi ttrasportata bil-baħar lejn Saint John, New Brunswick u lejn swieq oħra, iżda għalqet fl-1821 wara li ġew estratti inqas minn 600 tunnellata ta' faħam.[3]

L-industrijalizzazzjoni fuq skala kbira waslet fil-Kontea ta' Cumberland permezz tal-Assoċjazzjoni Ġenerali tal-Estrazzjoni, li kellha l-jeddijiet fuq il-meded tal-faħam tal-inħawi. Il-produzzjoni bdiet f'Joggins fl-1847 u żdiedet wara l-kostruzzjoni tal-Linja Ferrovjarja Interkolonjali fis-snin 70 tas-seklu 19, kif ukoll wara l-ftuħ fl-1887 tal-Linja Ferrovjarja ta' Joggins, linja ferrovjarja ta' 12-il mil mill-minjieri f'Joggins sal-linja ferrovjarja interkolonjali prinċipali f'Maccan, minn naħa għall-oħra tax-xmara Hebert.

Il-produzzjoni tal-minjieri antiki tal-faħam wasslet biex l-irdumijiet mal-baħar f'Joggins jittieklu bl-elementi. Permezz tad-dendrokronoloġija, saru tentattivi biex it-tagħmir tal-injam tal-foss jiġi datat u x'aktarx li jmur lura għall-aħħar tas-seklu 19, peress li l-biċċa l-kbira tat-tagħmir analizzat instab li jmur lura għas-snin 60 u 70 tas-seklu 19.[4]

Il-minjieri tal-faħam attiraw għadd kbir ta' ħaddiema, uħud minnhom saħansitra ta' 12-il sena biss. L-Akadjani li kienu jitkellmu bil-Franċiż irritornaw minn New Brunswick, u magħhom ingħaqdu immigranti Irlandiżi u Skoċċiżi. Il-minjieri ta' Joggins kibru malajr u ħdejhom inbnew tliet knejjes, żewġ ċimiterji, lukanda, ċinema, post għall-iskejzjar, dipartiment tat-tifi tan-nar, ħanut tal-merċa, uffiċċju postali, stazzjon tal-ferrovija u skola. L-estrazzjoni tal-faħam tant kibret fl-importanza tagħha li l-komunità ġiet inkorporata bħala raħal fl-1919,[5] u żammet dak l-istatus sal-1949, meta d-deklin tal-minjieri tal-faħam lokali rriżulta f'emigrazzjoni u deklin ekonomiku.

Il-faħam estratt f'Joggins matul l-ewwel deċennji tas-seklu 20 primarjament alimenta żewġ impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku qrib Maccan, madankollu dawn l-impjanti saru antikwati sas-snin 50 tas-seklu 20 u ngħalqu ftit wara d-Diżastru tal-Estrazzjoni ta' Springhill fl-1958. Is-servizz ferrovjarju lejn il-komunità ġie abbandunat fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20.

Iż-żona ta' Joggins kienet magħrufa sew fis-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20 minħabba l-barrieri tal-ġebla tal-ġir għall-moli, għall-produzzjoni tal-injam, għas-sajd u għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib. Il-Bajja ta' Fundy għandha wkoll tradizzjoni rikka ta' bini tal-bastimenti. Fis-seklu 19 kienu jinbnew skuni kostali tal-injam max-xatt, li kienu jġorru l-faħam u l-moli tal-ġebel lejn l-Istati Uniti. Diversi djar iktar antiki fl-inħawi ta' Joggins għandhom lavur artiġjanali sod, prattiku iżda mirqum li x'aktarx li kien isir mill-ħaddiema tal-bini tal-bastimenti. Bosta mix-xtut tul il-Bajja ta' Fundy għadhom mimlijin bis-saborra ta' ġebel mill-bwieq tal-bastimenti antiki. Illum il-ġurnata, apparti għat-turiżmu, iż-żona ta' Joggins hija magħrufa għall-kultivazzjoni kummerċjali tat-tut iżraq selvaġġ u għall-ipproċessar agrikolu tal-ikel.

It-toroq u l-pontijiet li jagħtu għal Joggins ittejbu fis-snin 80 u 90 tas-seklu 20 u ż-żona saret popolari għat-turiżmu, għall-villeġġjaturi tas-sajf u għall-pensjonanti biex jirtiraw hemmhekk. Joggins hija destinazzjoni tul il-Mogħdija Turistika tal-Iżvilupp Ekonomiku u Rurali ta' Nova Scotia u ta' Glooscap, li hija mogħdija spettakolari li sserrep qalb l-irdumijiet għoljin u l-widien fondi tul il-Bajja ta' Fundy. Skont leġġenda tal-poplu Mi'kmaq, trasformatur mitiku magħruf bħala Glooscap, ħoloq lil Nova Scotia u kkontrolla l-mareat il-kbar bil-poteri maġiċi tiegħu. Il-Bajja ta' Fundy għandha l-ogħla mareat fid-dinja. Il-viżitaturi jistgħu jimxu fuq il-qiegħ tal-oċean meta l-marea tkun baxxa, jew imorru jaqdfu bil-kenuri meta l-marea tkun għolja. Il-mareat għoljin sawru pajsaġġ uniku b'bajjiet mhux mittiefsa, formazzjonijiet ġeoloġiċi drammatiċi, irdumijiet mal-baħar, kaskati u foresti. Fl-inħawi ta' Joggins hemm diversità ekoloġika kbira u diversi organiżmi selvaġġi. Fost l-annimali komuni hemm l-ajkli, l-arpi u l-alċi. Fil-ħarifa, din iż-żona hija popolari fost dawk li jħobbu josservaw l-għasafar; l-imraġ rikki, li ffurmaw oriġinarjament bis-saħħa tad-digi li bnew l-Akadjani fis-seklu 17, jattiraw eluf ta' għasafar tal-passa.

Joggins ilha magħrufa għall-fossili tagħha mill-bidu tas-seklu 19. Il-fossili jinstabu fil-vini esposti tal-faħam tat-tip ta' Pennsylvania fl-irdumijiet faċċata tax-xatt. Il-fossili jikkonsistu b'mod prinċipali minn felċi taż-żrieragħ, likopsidi, tetrapodi bikrin u organiżmi marittimi tal-perjodu Karboniferu Aħħari. Il-marea għolja ta' kuljum tiekol l-irdumijiet, u l-fossili fil-ġebel jaqgħu mill-faħam u jitħallew fuq ix-xatt meta l-marea terġa' lura. Instabu wkoll fossili fl-inħawi tax-xafts fondi tal-estrazzjoni u fil-kampjuni tat-tħaffir f'fond ta' mijiet ta' piedi 'l isfel. L-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins huma fost l-iktar postijiet fid-dinja li faċli li wieħed isib fossili bikrin fil-faħam tat-tip ta' Pennsylvania. Fl-2008, l-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala Sit ta' Wirt Dinji naturali.[1]

Iċ-Ċentru tal-Fossili ta' Joggins huwa mużew li nbena fuq l-irdumijiet tal-fossili u fih jintwerew diversi fossili. Għall-wiri hemm l-istorja ġeoloġika tal-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins, l-istorja tal-iskoperta xjentifika f'Joggins, u kif l-estrazzjoni tal-faħam fl-inħawi affettwat il-komunità. Jiġu offruti wkoll żjarat interpretattivi tal-irdumijiet. Iċ-Ċentru tal-Fossili ta' Joggins jiftaħ b'mod staġonali.[6]

Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins

immodifika
 
Fossila qisha ta' siġra wieqfa (ta' likopodjofit bħas-Sigillaria) ippreservata fl-irdumijiet tal-fossili ta' Joggins, Nova Scotia.

Joggins hija famuża għall-ġabra kbira ta' fossili minn ekosistema ta' foresti tropikali ta' madwar 310 miljun sena ilu, li jmorru lura għall-Era tal-Faħam tat-tip ta' Pennsylvania ta' matul il-perjodu Karboniferu Aħħari.[7][8]

Il-vini tal-faħam esposti fl-irdumijiet mal-baħar tal-perjodu Karboniferu, magħrufa bħala l-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins, jissawru b'mod kontinwu u jkomplu jiġu esposti iktar bl-azzjoni tal-mareat fil-Baċir ta' Cumberland. Il-ġeologi ġew attirati lejn din il-lokalità fl-aħħar tas-snin 20 tas-seklu 19 meta Abraham Gesner, Richard Brown, Thomas Jackson u Francis Alger kollha għamlu osservazzjonijiet importanti.[9] Ftit wara, grupp mill-Kulleġġ ta' Williams, Massachusetts sar l-ewwel grupp ta' studenti li studjaw l-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins għal raġunijiet edukattivi fl-1835.[10] Madankollu, Joggins saret tassew famuża f'nofs is-seklu 19 wara ż-żjarat fl-1842 u fl-1852 ta' Charles Lyell, il-fundatur tal-ġeoloġija moderna u l-awtur ta' Prinċipji tal-Ġeoloġija. Fil-ktieb tiegħu Elementi tal-Ġeoloġija (1871), Lyell stqarr li l-vini esposti f'Joggins ta' blat u ta' fossili tal-Era tal-Faħam huma "l-ifjen eżempju fid-dinja".[11]

Il-ġabra ta' fossili f'Joggins issemmiet f'Dwar l-Oriġini tal-Ispeċijiet ta' Charles Darwin, u kellha rwol importanti fid-Dibattitu l-Kbir ta' Oxford tal-1860 bejn l-Isqof Samuel Wilberforce u Thomas Huxley.

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol bikri ta' dokumentazzjoni tal-ġabra ta' fossili f'Joggins sar mill-ġeologu ta' Nova Scotia Sir William Dawson (1820–1899), li kellu relazzjoni personali u tax-xogħol mill-qrib mal-ħabib u l-mentor tiegħu Charles Lyell. Il-biċċa l-kbira tal-kollezzjoni ta' Dawson tinsab fil-Mużew ta' Redpath tal-Università ta' McGill. Ġeologi notevoli oħra tas-seklu 19 li ħadmu f'Joggins jinkludu lil Abraham Gesner, l-inventur tal-pitrolju, u William Logan, li kejjel l-irdumijiet saff wara l-ieħor għall-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Kanada.

 
Impronta ta' riżoma likofitika ffossilazzata msejħa Stigmaria, li nstabet qrib l-irdumijiet ta' Joggins, Nova Scotia.

Fl-1852 Lyell u Dawson għamlu skoperta famuża ta' fossili ta' tetrapodi f'siġra wieqfa f'Coal Mine Point. Investigazzjonijiet sussegwenti min-naħa ta' Dawson wasslu għall-iskoperta ta' waħda mill-iżjed fossili importanti fl-istorja tax-xjenza, Hylonomus lyelli, li huwa l-iżjed sawropsidu (rettilu) bikri magħruf fl-istorja tal-ħajja, iżda mhux l-eqdem amniota magħruf, il-grupp li jinkludi l-vertebrati kollha li kapaċi jirriproduċu barra mill-ilma. Fl-2002, Hylonomus lyelli ssemmiet bħala l-fossila provinċjali ta' Nova Scotia. Fossila vitali oħra ta' tetrapodu bikri nstabet hawnhekk, dik tal-iżjed sinapsidu bikri, Protoclepsydrops, li effettivament għex qabel il-Hylonomus.[12]

Organiżmi oħra li nstabu f'Joggins jinkludu membri tal-familja kalamitika, tal-lepidodendroni, tas-Sigillaria, tal-felċi, ta' diversi speċijiet ta' anfibji bikrin, ta' bosta speċijiet tal-ħut (inkluż l-evidenza tal-coelacanths) u ta' varjetà ta' speċijiet artropodi.

Minbarra l-fossili individwali, l-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins huma ta' interess peress li jirrappreżentaw żmien fl-istorja tad-Dinja meta Nova Scotia kienet miksija bil-foresti tropikali. Sejbiet kemxejn iktar reċenti tal-fossili jindikaw li dawn il-foresti tropikali għebu malajr, u skattaw avveniment ta' estinzjoni tal-massa, magħruf bħala l-Kollass tal-Foresti Tropikali tal-perjodu Karboniferu.

L-impronti magħmula mill-artropodu ġgantesk Arthropleura huma ppreservati wkoll fl-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins. Il-likopodjofit Sigillaria b'għamla qisha ta' siġra ġiet ippreservata fil-post f'Joggins.

Xogħol ġeoloġiku u paleontoloġiku reċenti

immodifika

F'dawn l-aħħar żewġ deċennji kien hemm żieda fl-interess f'Joggins. Ix-xogħol ġeoloġiku reċenti ġie primarjament ikkoordinat minn Martin Gibling, Professur tas-Sedimentoloġija fl-Università ta' Dalhousie.[13]

Xi kollezzjonisti dilettanti tal-fossili taw kontributi ewlenin ukoll għall-għarfien ġenerali. Pereżempju, Don Reid, resident fit-tul ta' Joggins, ta l-kollezzjoni sħiħa tiegħu ta' fossili minn Joggins lill-Istitut tal-Fossili ta' Joggins. Bosta mill-eżemplari tiegħu jinsabu għall-wiri fiċ-Ċentru tal-Fossili ta' Joggins.

Fl-2009, il-paleontologa Melissa Grey tqabbdet bħala l-ewwel kuratur xjentifiku tal-Istitut tal-Fossili ta' Joggins (bl-Ingliż: Joggins Fossil Institute (JFI)). Dan l-istitut għadu jwettaq u jrawwem ir-riċerka fis-sit u jospita konferenzi u żjarat internazzjonali tal-paleontologi u tal-ġeologi. Il-JFI għandu wkoll Kumitat Konsultattiv Xjentifiku magħmul minn xjenzati mill-universitajiet marittimi u d-dipartiment tal-gvern. Dan huwa kumitat volontarju b'missjoni biex: jipprovdi konsulenza esperta u komprensiva u appoġġ lill-JFI rigward kwistjonijiet xjentifiċi dwar l-iżvilupp, il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins, il-kontenut tal-programmi taċ-Ċentru tal-Fossili ta' Joggins, riċerka xjentifika rigward l-irdumijiet tal-fossili, u kwistjonijiet xjentifiċi mill-istatus tas-sit bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-Kumitat jassisti wkoll fir-rapportar dwar l-istatus tal-programmi ta' monitoraġġ u dwar l-istat ta' konservazzjoni tal-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Fis-7 ta' Lulju 2008, tul ta' 15-il kilometru tal-kosta li jikkostitwixxi l-Irdumijiet tal-Fossili ta' Joggins ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Sit ta' Wirt Ġeoloġiku tal-IUGS

immodifika

Bħala "l-aqwa eżempju ta' foresti tropikali tal-Era tal-Faħam u tal-eqdem rettili magħrufa", l-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenzi Ġeoloġiċi (IUGS) inkludiet l-Irdumijiet tal-Fossili fil-lista tagħha ta' 100 sit ta' wirt ġeoloġiku fid-dinja, li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2022. L-organizzazzjoni tiddefinixxi sit ta' wirt ġeoloġiku tal-IUGS bħala "post ewlieni b'elementi ġeoloġiċi u/jew proċessi ta' rilevanza xjentifika internazzjonali, użat bħala referenza, u/jew ta' kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tax-xjenzi ġeoloġiċi permezz tal-istorja".[14]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Joggins Fossil Cliffs". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-26.
  2. ^ "Nova Scotia Archives - Place-Names and Places of Nova Scotia - Pages". web.archive.org. 2012-10-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-05. Miġbur 2024-06-26.
  3. ^ FALCON-LANG, H.J. 2009. The earliest history of coal mining and grindstone quarrying at Joggins, Nova Scotia and its implications for the meaning of the place-name "Joggins". Atlantic Geology 45: 1-21.
  4. ^ QUANN, S., YOUNG, A., LAROQUE, C., FALCON-LANG, H.J. & GIBLING, M.R. 2010. Dendrochronologic dating of coal mine workings at the famous Joggins Fossil Cliffs of Nova Scotia, Canada. Atlantic Geology, 46, 185-194.
  5. ^ Prominent people of the Maritime Provinces. Canadian Publicity Co., J. u A. McMillan, Pr. 1922. p. 36.
  6. ^ "Home · Joggins Fossil Cliffs, Nova Scotia, Canada (UNESCO World Heritage Site)". www.jogginsfossilcliffs.net. Miġbur 2024-06-26.
  7. ^ Sahney, S., Benton, M.J. & Falcon-Lang, H.J. (2010). "Rainforest collapse triggered Pennsylvanian tetrapod diversification in Euramerica" (PDF). Geology. 38 (12): 1079–1082.
  8. ^ FALCON-LANG, H.J., GIBLING, M.R. & GREY, M. 2010. Classic localities explained 4: Joggins, Nova Scotia. Geology Today 26 (3): 108-114.
  9. ^ FALCON-LANG, H.J. 2006. A history of research at the Joggins Fossil Cliffs, the world's finest Pennsylvanian section. Proceedings of the Geologists' Association 117 (3) : 377-392.
  10. ^ FALCON-LANG, H.J. 2009. The 1835 Williams College expedition to Atlantic Canada: The first geological fieldtrip by a North American college. Atlantic Geology 45: 95–109.
  11. ^ "Home · Joggins Fossil Cliffs, Nova Scotia, Canada (UNESCO World Heritage Site)". jogginsfossilcliffs.net. Miġbur 2024-06-26.
  12. ^ Benton M.J. u Donoghue P.C.J. 2006. Palaeontological evidence to date the tree of life. Molecular biology and evolution. 24(1): 26–53. p. 39.
  13. ^ Falcon-Lang, H. J., 2006, A history of research at the Joggins Fossil Cliffs, the world's finest Pennsylvanian section, Proceedings of the Geologists' Association 117 (3) : 377-392.
  14. ^ "The First 100 IUGS Geological Heritage Sites" (PDF). IUGS.