Hahoe

villaġġ folkloristiku qrib Andong fil-Korea t'Isfel

Hahoe (bil-Korean: 안동하회마을) huwa villaġġ folkloristiku tradizzjonali ta' żmien id-dinastija Joseon, li jinsab f'Andong, Gyeongsangbuk-do, il-Korea t'Isfel. Il-prefiss "Ha" fl-isem tal-villaġġ hija verżjoni mqassra tat-terminu għal "xmara" u s-suffiss "hoe" jfisser "li ddur lura jew tirritorna".[1]

Bieb ta' waħda mir-residenzi folkloristiċi tradizzjonali ta' Hahoe.

Il-villaġġ huwa parti importanti tal-kultura Koreana minħabba li jippreserva l-istil arkitettoniku ta' żmien id-dinastija Joseon, it-tradizzjonijiet folkloristiċi, kotba imprezzabbli, u tradizzjoni antika ta' villaġġi bbażati fuq klans.[2] Il-villaġġ tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' Yangdong fl-2010[3] u jattira madwar miljun viżitatur fis-sena.[4]

Ħarsa ġenerali immodifika

Il-villaġġ ta' Hahoe ġie stabbilit fis-sekli 14-15 u huwa wieħed mill-iżjed villaġġi storiċi l-iktar rappreżentattivi bbażati fuq klans fil-Korea t'Isfel, flimkien mal-villaġġ ta' Yangdong. L-insedjament jinkludi r-residenzi tal-familji ewlenin li kienu l-kapijiet tal-klans u tal-membri tal-klans, paviljuni, akkademji tal-Konfuċjaniżmu u paviljuni tal-istudju li jirriflettu l-kultura tal-Konfuċjaniżmu aristokratiku tal-bidu tad-dinastija Joseon. Fi ħdan il-villaġġ, sitt idjar minn 124 ġew iddeżinjati bħala Teżori Nazzjonali.

Lejn it-Tramuntana tal-villaġġ hemm l-Irdum ta' Buyongdae Cliff, filwaqt li lejn in-Nofsinhar hemm il-muntanja Namsan. Il-villaġġ huwa organizzat abbażi tal-linji gwida ġeomantiċi tal-pungsu (feng shui Korean) u b'hekk il-villaġġ għandu l-għamla ta' fjura tal-lotus jew qishom żewġ virgoli interkjużi.

Storja immodifika

Il-klan tar-Ryu (jew Yu f'xi traskrizzjonijiet) ta' Pungsan stabbilixxa l-villaġġ folkloristiku ta' Hahoe fis-seklu 15 matul id-dinastija Joseon u il-villaġġ ilu komunità b'klan wieħed minn dak iż-żmien. Il-villaġġ huwa notevoli bis-saħħa tal-bosta strutturi oriġinali tiegħu, bħal pereżempju l-iskola tal-Konfuċjaniżmu tal-villaġġ u binjiet oħra, u jħaddan arti folkloristiċi bħar-reċta bil-maskri ta' Hahoe ("Byeonlsin-gut"), li hija rit xamanistiku li jonora l-ispirti komunitarji tal-villaġġ.

Illum il-ġurnata l-villaġġ huwa maqsum f'Namchon (il-Villaġġ tan-Nofsinhar) u f'Pukchon (il-Villaġġ tat-Tramuntana). Il-fergħa prinċipali tal-klan tar-Ryu ta' Pungsan, il-Gyeomampa, fin-naħa ta' Namchon, u l-fergħa sekondarja, is-Seoaepa, imnissla mir-Ryu ta' Seong-ryong, Prim Ministru notevoli matul ir-renju tar-Re Seonjo tad-dinastija Joseon fin-naħa ta' Pukchon. Il-villaġġ tat-Tramuntana fih il-Villa ta' Yangjindang, li ġiet iddeżinjata bħala t-Teżor Nazzjonali Nru 306, u d-Dar ta' Pikchondaek, li ġiet iddeżinjata bħala l-Proprjetà Folkloristika Importanti Nru 84. Il-villaġġ tan-Nofsinhar fih il-Villa ta' Chunghyodang, li ġiet iddeżinjata bħala t-Teżor Nazzjonali Nru 414 u d-Dar ta' Namchondaek, li ġiet iddeżinjata bħala l-Proprjetà Folkloristika Importanti Nru 90. Filwaqt li kull fergħa tal-klan tar-Ryu ta' Pungsan kienu jgħixu fil-vilel u fid-djar tan-naħat rispettivi tagħhom, illum il-ġurnata ż-żewġ fergħat jgħixu fiż-żewġ naħat tal-villaġġ.

Il-villaġġ jippreserva stili arkitettoniċi antiki li ntilfu f'inħawi oħra tal-Korea t'Isfel minħabba l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp rapidi fil-pajjiż. Ir-residenzi aristokratiċi msaqqfa bit-tegoli u d-djar tal-qaddejja msaqqfa bil-ħuxlief jippreservaw l-istili arkitettoniċi ta' żmien id-dinastija Joseon. Il-Paviljun ta' Wonjijeongsa u l-Iskola tal-Konfuċjaniżmu ta' Byeongsan huma żewġ strutturi notevoli fi ħdan il-villaġġ. Il-villaġġ ippreserva r-rit xamanistiku ta' Byeolsin-gut u ppreserva l-maskri ta' Hahoe li jintużaw fir-reċta bil-maskri ta' Hahoe. Rit ieħor li għadu jiġi pprattikat huwa l-Jeulbul Nori, fejn jintużaw sensiela ta' logħob tan-nar li jiġu mqabbda fil-bażi tal-Irdum ta' Buyongdae.[5] Is-Santwarju ta' Yongmogak jospita kollezzjoni ta' kotba tar-Ryu ta' Seong-ryong li tinkludi t-Teżor Nazzjonali Nru 132, il-Jingbirok, li huwa ktieb bil-ġrajja tal-Gwerra ta' Imjin tal-Korea fl-1592. It-Teżor Nazzjonali Nru 160, il-Kunmundungok, jirreġistra d-diversi kampijiet militari tal-imgħoddi. Iċ-Chunghyodang fih ukoll lista ta' 231 ħatra rjali.

Fil-villaġġ hemm siġra taż-żelkova li għandha 650 sena u tissejjaħ Samsindan. Iċ-ċittadini tal-villaġġ u l-Koreani inġenerali jemmnu li tospita l-alla femminili Samsin tax-Xamaniżmu Korean. Il-viżitaturi jiktbu x-xewqat tagħhom fuq biċċa karta u jwaħħluha mas-siġra jew fil-qrib bit-tama li x-xewqat tagħhom jitwettqu.[6]

Ir-Reġina Eliżabetta II kienet żaret il-villaġġ ta' Hahoe fl-1999. Matul iż-żjara tagħha, iċ-ċittadini tal-villaġġ ħejjew festin biex jiċċelebraw għeluq sninha, meta għalqet 73 sena.[7]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Veduta panoramika ta' Hahoe u x-xmara Nakdong.

Il-Villaġġi Storiċi ta' Hahoe u ta' Yangdong fil-Korea t'Isfel ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Wirt kulturali intanġibbli immodifika

Reċta bil-Maskri ta' Byeolsingut immodifika

Ir-reċta bil-maskri ta' Hahoe, issir f'Hahoe-ri, f'Pungcheon-myeon, fil-belt ta' Andong, fil-Provinċja tat-Tramuntana ta' Gyeongsang, u hija l-Festival Kulturali Intanġibbli Nazzjonali Nru 69. L-oriġini ta' din ir-reċta bil-maskri hija ż-żifna bil-maskri ta' Seonangje, li hija rebħa drammatika involontarja osservat f'Dongje, għad-differenza tas-Sandae Myeonghwajeon, reċta tradizzjonali Koreana oħra bil-maskri. Il-Byeolsingut Tal Nori hija reċta bil-maskri li hija inkluża fir-rit kumplessiv tal-villaġġ ta' Hahoe u hija taħlita ta' ritwal, folklor u pantomima.[8]

Linja tan-Nar ta' Sunyu immodifika

Il-Linja tan-Nar ta' Sunyu hija logħba folkloristika li fiha n-nies idendlu basket mimli bit-trab tal-faħam b'ħabel twil fl-arja u jitpaxxew b'avveniment spettakolari ladarba l-basket jingħata n-nar. Fil-villaġġ ta' Hahoe, l-aristokratiċi kienu jmorru fuq id-dgħajjes flimkien u kienu jaqraw poeżija u kanzunetta fil-qamar kwinta ta' Lulju. F'dak iż-żmien kienu jieħdu pjaċir jitfgħu ż-żejt fuq il-qxur tal-bajd u jarawhom jieħdu n-nar u jtiru permezz ta' ftila, jew inkella joqogħdu jaqtgħu l-friegħi tas-siġar taż-żnuber li kienu jkun ħadu n-nar fl-Irdum ta' Buyongdae.

Turiżmu immodifika

Il-villaġġ folkloristiku ta' Hahoe tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010 u jattira iktar minn miljun viżitatur fis-sena.

Mill-2021, il-vetturi għat-turisti ma baqgħux jitħallew jidħlu fis-sit sabiex il-villaġġ jiġi ppreservat kemm jista' jkun.[9]

Gallerija immodifika

Ara wkoll immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Tourism, Korean Culture and Information Service Ministry of Culture, Sports and (2010). Let’s Go Korea (bl-Ingliż). 길잡이미디어. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  2. ^ Korea), Cultural Heritage Administration (South (2011). World Heritage in Korea (bl-Ingliż). 길잡이미디어. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Villages of Korea: Hahoe and Yangdong". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-19.
  4. ^ Bizwire, Korea. "Andong Hahoe Folk Village Bans Entry of Tour Carts" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-19.
  5. ^ @NatGeoUK (2021-09-24). "Discover Hahoe and Yangdong, the UNESCO-listed villages in South Korea". National Geographic (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-19.
  6. ^ Hae-yeon, Kim (2021-10-14). "Tales carved in two cities". The Korea Herald (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-19.
  7. ^ "Queen Elizabeth cherishes memory of birthday party in Korea". koreatimes (bl-Ingliż). 2016-06-03. Miġbur 2023-02-19.
  8. ^ Foundation, The Korea (2013-03-30). Koreana - Autumn 2012 (English) (bl-Ingliż). 한국국제교류재단.
  9. ^ Bizwire, Korea. "Andong Hahoe Folk Village Bans Entry of Tour Carts" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-19.