Franco Debono (9 ta' Marzu 1974) huwa l-Kummissarju tal-Liġijiet. Huwa avukat u kien Membru Parlamentari fi ħdan il-Partit Nazzjonalista mill-2003 sal-2012, meta' waqqa' l-Gvern wara nuqqas ta' qbil mat-tmexxija tal-Priministru Lawrence Gonzi.

Franco Debono
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Malta, 9 Marzu 1974 (50 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
avukat

Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwigi u kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta' Malta fejn studja l-liġi u t-teoloġija bħala qasam sussidjarju. Franco kiseb il-warrant biex jipprattika bħala avukat fl-2000. It-teżi tiegħu kient titratta l-aspetti kostituzzjonali tal-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-partiti politiċi.

Huwa beda jaħdem għal rasu f'uffiċċju ż-Żurrieq. Sa mill-bidu tal-karriera tiegħu speċjalizza fil-kamp penali u llum imexxi uffiċċju legali Franco Debono and Associates b'uffiċċji ġewwa ż-Żurrieq u l-Belt Valletta li jispeċjalizza wkoll fl-oqsma tal-liġi ċivili u kummerċjali. Taħt it-tmexxija tiegħu jaħdmu l-avukati Marion Camilleri, Angie Muscat u Amadeus Cachia.

Politika

immodifika

Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 ikkontesta mal-Partit Nazzjonalista fuq il-ħames distrett u kiseb 1130 vot tal-ewwel preferenza, u kien elett. Huwa reġa' kien elett fl-elezzjoni tal-2008.

Kontroversji

immodifika

Minn wara l-elezzjoni tal-2008, Debono kellu diversi kwistjonijiet mat-tmexxija tal-gvern tal-Priministru Lawrence Gonzi.

Nhar l-14 ta' Diċembru 2009 Debono ħalla l-Parlament qabel ma ttieħed vot fuq emendi tal-Oppożizzjoni. Il-Gvern kellu jserraħ fuq il-casting vote tal-Ispeaker. Debono reġa' lura l-Parlament għall-vot finali. Wara nħatar chairman tal-Kumitat għall-Kodifikazzjoni tal-Liġijiet. Ħamest ijiem wara talab iktar rispett għall-Parlament, id-dritt li wieħed ikellem avukat qabel l-interrogazzjoni u l-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti.

Fl-2011, huwa ikkritika bl-aħrax ir-riforma fit-trasport pubbliku u wasal biex fl-4 ta' Novembru astjena waqt il-votazzjoni fuq il-mozz­joni ta' sfiduċja mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Ministru Aus­tin Gatt. Dan wassal biex il-Mi­nistru Gatt, żamm postu bil-vot tal-Ispeaker. Diversi la­qgħat tal-eżekuttiv tal-Partit Nazz­jonalista fuq il-mozzjoni ma kinux irnexxielhom jik­kon­vinċu lil Franco Debono biex jivvota kontra din il-mozz­joni kif għamlu d-deputati l-oħrajn tal-Gvern.

Ftit jiem biss wara din il-kwistjoni, Debono ppreżenta mozzjoni li fiha jesiġi li l-Parlament jiddiskuti diversi nuqqasijiet li hemm fil-qasam tal-ġustizzja u Intern li jaqa' taħt il-Ministru Carm Mifsud Bonni­ci. Debono f'dikjarazz­jo­ni li għamel f'Diċembru 2011, qal li "jien informajt lill-Prim Ministru li ma kontx se nagħti appoġġ aktar lill-Gvern u li hu jista' jibqa' miexi u jagħmel elezzjo­ni, jekk ma jaqsamx il-ministeru tal-ġustizzja u l-intern... Il-Prim Ministru talabni għal aktar żmien, iżda jien insistejt li hu wegħedni dan. Jonqos biss sena għall-elezzjoni ġenerali u għalhekk kull ġurnata li tgħad­di hi ġurnata mitlufa. Jekk il-ministeru ma jinqasamx issa, mhux se jkun hemm żmien biex isir dan." Debono qal li hu tkellem diversi drabi dwar dan mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi u mas-Segretarju Ġene­rali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier. Debono qal li "jien se nżomm kelmti bħal m'għa­milt meta astjenejt. Nistenna li membri oħrajn iżommu kelmt­hom ukoll, b'mod partikolari fejn jirrigwarda kwistjonijiet delikati li jolqtu d-drit­tijiet fundamentali u l-ġustizz­ja." Debono saħaq li l-Gvern għandu jpoġġi fuq l-ix­kaffa il-proposti li saru f'ab­bozz ta' liġi li ġie ppreżentat riċentament mill-Ministru Carm Mifsud Bonnici. Debono qal li "mhux se nittollera li jiċ­ċaqil­qu l-lasti. Nittama li kulħadd fehem li s-sitwazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja għandha bżonn attenzjoni urġenti. Dan il-pajjiż mhux ta' Lawrence Gonzi jew ta' Edgar Galea Curmi. Il-pajjż hu tal-poplu Malti kollu u t-tmexxija għandha tkun kontabbli."

Jhedded li jwaqqa' l-Gvern

immodifika

Nhar is-6 ta' Jannar 2012 il-Prim Ministru Lawrence Gonzi għamel tibdil fil-Kabinett. Chris Said sar il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Mario de Marco sar Ministru tat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, waqt li Jason Azzopardi sar il-Ministru tal-Kompetizz­joni Ġusta u l-Konsumatur. Il-Ministru Carm Mifsud Bonnici ġie responsabbli mill-Intern u ma' dan żdidulu l-Affarjiet Parlamentari. Dolores Cristina saret Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Dakinhar stess, Franco Debono, f'kummenti lill-ġurnal L-Orizzont, qal li "din mhix demokrazija. Għal darb'oħra l-Prim Ministru Lawrence Gonzi reġa' ħa l-pariri tiegħi. Jien nagħti l-pariri u huma jimxu fuqhom u jwettquhom. Illum Malta spiċċat f'Oligarkija, gvern immexxi minn ftit nies. Dan hu gvern tal-ftit. Jien għedt u kont ikkwotat fuq dan, li jekk joff­rili xi kariga nara dakinhar. Sa fejn naf jien ma sejjaħx nies ġodda. Sejjaħ lill-istess nies. Lill-‘elite'. Lill-istess uċuħ. Imma basta jaħqarni lili. Krudeltà din. Krudeltà fl-aqwa tagħha."

Debono, għamilha ċara li f'vot fuq fiduċja fil-Gvern hu kien se jivvota kontra. Qal dan waqt li għamilha ċara li m'għadx fadallu aktar fiduċja fil-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Sostna wkoll li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi għandu jirriżenja, għax b'dak li għamel wera l-iżbalji li għamel tul dawn l-aħħar erba' snin. Hu qal li jaqbel mat-talba li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat – dik li jintalab vot ta' fiduċja fil-Parlament fejn sostna li hu se jivvota kontra l-Gvern. Waqt li ddikjara li Lawrence Gonzi mhux Alla iżda hu biss Prim Ministru. Qal li l-pajjiż għaddej minn ħafna tbatija minħabba r-ras iebsa. Nhar it-13 ta' Jannar 2012, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li l-Oppożizzjoni kienet se tressaq vot ta' sfiduċja fil-Gvern. Il-vot tressaq fis-27 ta' Jannar imma Debono astjena.

Nhar it-30 ta' Mejju 2012, f'żewġ votazzjonijiet li saru marbutin mal-mozzjoni mressqa mill-Oppo­żizzjoni Laburista, fost­hom dik tar-riżenja tal-Ministru Carm Mifsud Bonnici, hu vvota mal-Oppożizzjoni. Il-vot kien ta' 35 vot favur il-mozzjoni u 34 kontra. Dan wassal biex il-Ministru Mifsud Bonnici rriżenja immedjatament, liema riżenja ġiet aċċettata mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, waqt li l-istess Prim Ministru ressaq mozzjoni ta' fiduċja fil-Gvern li se tibda tiġi diskussa fl-4 ta' Ġunju 2012.

Ikkundannat mill-Partit Nazzjonalista

immodifika

Nhar l-20 ta' Lulju 2012, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ikkundanna lil Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett għall-mod kif ivvutaw fil-Parlament. Nhar it-12 ta' Lulju 2012, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ddeċieda li Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett mhux se jitħallew jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss f'isem il-Partit Nazzjonalista.

Iwaqqa' l-Gvern

immodifika

Nhar l-10 ta' Diċembru 2012, Franco Debono flimkien mal-Oppożizzjoni Laburista vvota fil-Parlament kontra l- Baġit imressaq ġimagħtejn qabel u allura dan m'għaddiex b'35 vot kontra l-34 favur, u l-Gvern Nazzjonalista waqa'.Dan ġiegħel lill-Priministru Lawrence imur l-għada għand il-President tar-Repubblika Dr George Abela fil-Palazz il-Belt biex jissuġġerilu li l-Parlament jiġi xolt u tissejjaħ elezzjoni ġenerali bil-Parlament ixolji fis-7 ta' Jannar, 2013, waqt li l-elezzjoni ġenerali ssir fl-istess jum mal-elezzjoni tal- kunsilli lokali, jiġifieri s-Sibt 9 ta' Marzu 2013.

Fl-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament huwa qal hekk, fost affarijiet oħra: "Illum permezz ta dan il-vot mhux biss qed terga tirristabbilixxi ruha s-supremazija ta' dan il-parlament fis-sens tal-iskrutinju tal-ezekuttiv, tal-gvern izda wkoll nittama li qed inpoggi l-pedament u l-ewwel gebla ta' demokrazija moderna Ewropea. Dan hu mument storiku fejn il-parlament rega ha centre stage fis-sistema politika taghna – l-poplu huwa sovran permezz ta dan il-parlament u gvern irid l-approvazzjoni ta' dan il-parlament biex imexxi u mhux l-ispin ta' bloggers, gurnalisti u xandara, u l-finanzjament okkult ta' certi negozjanti parassiti."

Sa Jannar 2013 Debono kien għadu jikkunsidra l-possibiltà li jwaqqaf partit politiku ġdid iżda dan ma rrealizzax ruħu. Nhar it-2 ta' Marzu 2013 fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista ħabbar li hu ma kienx se jivvota għall-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali imma kien se jivvota għall-bidla, b'indikazzjonijiet ċari li se jivvota għall-Partit Laburista billi fuq il-blogg tiegħu qal li vot għall-Alternattiva ikun vot moħli.

Kummissarju tal-Liġijiet

immodifika

Wara l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, huw nħatar Kummissarju għal-Liġijiet.

Ħoloq esterni

immodifika