Francesco Guardi
Francesco Lazzaro Guardi ([franˈtʃesko ˈgwardi]; twieled fil-5 ta' Ottubru 1712 – miet fl-1 ta' Jannar 1793) kien pittur, nobbli u membru tal-Iskola Venezjana Taljan. Huwa meqjus bħala wieħed mill-aħħar prattikanti, flimkien ma' ħutu, tal-Iskola Venezjana klassika tal-pittura.
Francesco Guardi | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Venezja, 5 Ottubru 1712, 1712 |
Nazzjonalità | Repubblika ta' Venezja |
Mewt | Venezja, 1 Jannar 1793 |
Familja | |
Missier | Domenico Guardi |
Omm | Maria Claudia Pichler |
Ulied |
uri |
Aħwa |
uri
|
Tribù | familja Guardi |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Taljan |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
pittur artist grafiku |
Tul | 132 cm |
Post tax-xogħol | Venezja |
Xogħlijiet importanti |
Regatta fuq il-Canal Grande bil-Pont ta' Rialto f'Venezja Pajsaġġ b'Moll u bil-Vapuri Id-Doge Alvise IV Mocenigo fuq il-Bucentauro ħdejn Riva di Sant'Elena |
Influwenzat minn | Michele Marieschi |
Moviment | Rococò |
Moviment artistiku |
veduti arti pajsaġġistika |
Fil-parti bikrija tal-karriera tiegħu huwa kkollabora ma' ħuh il-kbir Gian Antonio fil-produzzjoni ta' pitturi reliġjużi. Wara l-mewt ta' Gian Antonio fl-1760, Francesco kkonċentra fuq il-veduti. L-iktar opri bikrija ta' veduti juru l-influwenza ta' Canaletto, iżda ftit ftit adotta stil iktar fluwidu kkaratterizzat minn daqqiet tal-pinzell iktar vivaċi ll u b'arkitettura immaġinata b'mod ħieles.
Bijografija
immodifikaFrancesco Guardi twieled Venezja ġo familja nobbli minn Trentino. Missieru Domenico (twieled fl-1678) u ħutu Niccolò u Gian Antonio kienu pitturi wkoll, u iktar 'il quddiem l-aħwa wirtu l-istudju tal-familja wara l-mewt ta' missierhom fl-1716. Probabbilment kollha kkontribwew bħala tim għal xi wħud mill-kummissjonijiet il-kbar li iktar 'il quddiem ġew attribwiti lil Francesco. Oħtu Maria Cecilia żżewġet lill-pittur magħruf mal-Veneto u mal-Ewropa Giovanni Battista Tiepolo.
Fl-1735, Guardi mar jaħdem fl-istudju ta' Michele Marieschi u baqa' hemm sal-1743. L-ewwel xogħlijiet li huma żgur tiegħu saru fl-1738, għal parroċċa f'Vigo d'Anuania, fi Trentino. F'dan il-perjodu ħadem flimkien ma' ħuh, Gian Antonio. L-ewwel opra ffirmata minn Francesco hija Qaddis Jadura l-Ewkaristija (għall-ħabta tal-1739).
Ix-xogħlijiet tiegħu f'dan il-perjodu kienu jinkludu veduti u kompożizzjonijiet b'figuri. L-iktar veduti bikrin tiegħu juru influwenza minn Canaletto u minn Luca Carlevarijs. Fil-15 ta' Frar 1757, huwa żżewweġ lil Maria Mattea Pagani, bint il-pittur Matteo Pagani. Fl-1760 ħuh Gian Antonio miet u twieled ibnu l-kbir, Vincenzo. It-tieni iben, Giacomo, twieled fl-1764.
Fl-1763 ħadem f'Murano, fil-Knisja ta' San Pietru Martri, u lesta l-pittura Miraklu ta' Qaddis Dumnikan influwenzat b'mod ċar minn Alessandro Magnasco bi stil kważi espressjonistiku.
Fost ix-xogħlijiet l-iktar importanti ta' Francesco Guardi iktar 'il quddiem kien hemm Il-Festi tad-Doge, sensiela ta' tnax-il kwadru li jiċċelebraw ċ-ċerimonji li saru fl-1763 għall-elezzjoni tad-Doge Alvise IV Mocenigo. Iktar 'il quddiem fil-karriera tiegħu, l-influwenza ta' Canaletto fuq l-arti tiegħu naqset, kif jidher ċar fil-pittura Pjazzetta fil-Ca' d'Oro ta' Venezja. Għall-ħabta tal-1778, huwa pitter It-Trinità Mqaddsa li Dehret lil San Pietru u San Pawl fil-Knisja Parrokkjali ta' Roncegno.
Fl-1782 Guardi ngħata kummissjoni mill-gvern Venezjan biex ipitter sitt tili bħala ċelebrazzjoni taż-żjara tal-Arċiduki Russi fil-belt, li baqa' biss tnejn minnhom, u tnejn oħra għaż-żjara tal-Papa Piju VI. Fit-12 ta' Settembru ta' dik is-sena huwa daħal fl-Akkademja tal-Belle Arti ta' Venezja.
Attenzjoni ikbar fir-rigward tal-kuluri hija preżenti f'opri tiegħu li saru iktar 'il quddiem bħall-Kunċert ta' 80 Orfni tal-1782, li issa tinsab fi Munich, u l-Faċċata tal-Palazz bit-Turġien fl-Akkademja Carrara ta' Bergamo.
Guardi miet f'Campiello de la Madonna f'Cannaregio, Venezja, fl-1793.
Stil matur
immodifikaFost il-pitturi kollha attribwiti lil Francesco u lil ħuh Gian Antonio Guardi, l-iktar xogħol imfaħħar mhuwiex ta' pajsaġġ, iżda minflok l-isfumato ta' Il-Ġrajja ta' Tobija li pitter għall-kompartiment tal-orgni fil-Knisja ż-żgħira tal-Anġlu San Raffael. Kwotazzjoni mill-Web Gallery of Art tiddeskriviha hekk:
Perspettiva, spazju tal-ajru organizzat, is-solidità Palladjana ta' Tiepolo... jiġu skambjati bi stil personali ta' kitba bl-idejn ikkulurita – filli kalligrafika b'mod brillanti, u filli mċajpra b'mod brillanti.[1]
L-istil ta' Guardi huwa magħruf bħala pittura di tocco (litteralment pittura tal-mess) minħabba t-tikek żgħar u d-daqqiet qawwija bil-pinzell. Dan l-istil iktar laxk kien intuża minn Giovanni Piazzetta u Sebastiano Ricci, u jfakkar, f'uħud mit-temi reliġjużi, l-isfumato iktar ħafif tal-istil ta' Bologna ta' Barocci. Ivarja mill-istil iktar lineari u preċiż arkitettonikament tal-pittura ta' Canaletto. Dan l-istil, seklu wara, wassal biex ix-xogħlijiet ta' Guardi ġew apprezzati ferm mill-Impressjonisti Franċiżi.
Canaletto, bħala pittur tal-veduti, ikkonċentra fuq l-arkitettura urbana lussuża li nbniet mir-Repubblika ta' Venezja; min-naħa l-oħra, fil-pittura ta' Guardi, il-binjiet spiss jidhru qishom qed idubu u jisfrondaw f'laguna mċajpra.[2][3] It-tili ta' Canaletto spiss għandhom dettalji lineari u brillanti, u juru lil Venezja fid-dawl ta' binhar. Guardi jpitter smewwiet bis-sħab f'raxx id-dlam. Madankollu, dawn il-kuntrasti jissimplifikaw il-fatti, peress li Canaletto sikwit pitter il-ħajja komunali u l-viċinati kiebja (u ħalaqhom bi kwalitajiet artistiċi mill-aqwa), filwaqt li Guardi ma evitax li kultant ipitter iċ-ċerimonji ta' Venezja Dukali.[4] Fl-aħħar mill-aħħar, il-pitturi ta' Guardi jevokaw il-bidu tad-deklin. Iċ-ċittadini jiġu mpittra bħala ċorma żgħira impotenti ta' ċċassati, li mhumiex kapaċi jsalvaw lir-Repubblika li qed tikkrolla, bħalma joħroġ fid-dieher fil-pittura Nar fil-Maħżen taż-Żejt f'San Marcuola.[5] Din kienet pittura dwar id-deklin rapidu tal-imperu, li qabdet it-triq tan-niżla, skont il-valutazzjoni ta' Napuljun, u spiċċat bħala s-"sala tal-Ewropa" mimlija casinos, karnivali, u prostituti.
Referenzi
immodifika- ^ "Web Gallery of Art, searchable fine arts image database". www.wga.hu. Miġbur 2021-10-05.
- ^ "San Cristoforo, San Michele and Murano, Seen from the Fondamenta Nuove by GUARDI, Francesco". www.wga.hu. Miġbur 2021-10-05.
- ^ "The Lagoon with Boats, Gondolas, and Rafts by GUARDI, Francesco". www.wga.hu. Miġbur 2021-10-05.
- ^ "Nighttime Procession in Piazza San Marco by GUARDI, Francesco". www.wga.hu. Miġbur 2021-10-05.
- ^ "Web Gallery of Art, searchable fine arts image database". www.wga.hu. Miġbur 2021-10-05.