François-Alphonse Forel
François-Alphonse Forel (twieled fit-2 ta' Frar 1841 – miet fis-7 ta' Awwissu 1912) kien fiżiku u xjenzat Żvizzeru[1], pijunier fl-istudju tal-lagi, u għaldaqstant jitqies bħala l-fundatur u l-missier tal-limnoloġija.[2] Il-limnoloġija hija l-istudju tal-korpi tal-ilma ħelu u tal-karatteristiċi bijoloġiċi, kimiċi u fiżiċi tagħhom.[3]
François-Alphonse Forel | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Morges, 2 Frar 1841, 1841 |
Nazzjonalità | Żvizzera |
Mewt | Morges, 8 Awwissu 1912 |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Franċiż Ġermaniż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
limnologu għalliem fl-università tabib żoologu anatomista fiżjologu naturalista |
Impjegaturi | Università ta' Lausanne |
Sħubija | Akkademja Ġermaniża tax-Xjenzi Leopoldina |
Tfulija u familja
immodifikaForel twieled f'Morges, l-Iżvizzera, mal-Lag ta' Ġinevra. Missieru, François Marie Etienne Forel (1765-1865)[4] kien storiku u ġurista rrispettat u kien influwenza qawwija fil-ħajja ta' Forel. Minn età żgħira, François-Alphonse Forel ġie involut f'uħud mill-istudji arkeoloġiċi tal-kollegi ta' missieru. Diversi mill-membri tal-familja ta' Forel kienu wkoll studjużi u xjenzati rrispettati.[4]
Edukazzjoni
immodifikaForel beda l-edukazzjoni fil-Kulleġġ ta' Morges. Eventwalment, huwa telaq minn Morges għall-iskola sekondarja f'Ġinevra fil-Gymnase de Genève. Hemmhekk, huwa studja x-xjenzi naturali u l-mediċina. Imbagħad attenda l-università fl-Académie de Genève fejn kiseb Baċellerat tal-Arti u Baċellerat tax-Xjenzi Fiżiċi u Naturali. Meta għalaq 18-il sena, huwa telaq minn pajjiżu biex jattendi l-Académie de Montpellier f'Montpellier, Franza. Huwa studja fl-università għal sentejn u wara qatta' xi żmien jistudja l-mediċina waħdu f'Pariġi. Iktar 'il quddiem, huwa mar il-Ġermanja u studja fl-Università ta' Würzburg. Fl-1865, meta Forel kellu 24 sena, huwa kiseb Dottorat fil-Mediċina u fl-Ostetriċija.[4]
Xogħol u ħajja professjonali
immodifikaFtit wara li ggradwa u kiseb id-dottorat tiegħu, Forel reġa' lura lejn il-Lag ta' Ġinevra fl-Iżvizzera. Hemmhekk, huwa beda l-istudju personali tiegħu tal-lag li kien jinvolvi ż-żootomija, il-fiżika, il-kimika, il-bijoloġija, l-istorja naturali, u saħansitra l-ekonomija.[5] Fl-1869, huwa sar professur tax-xjenza fl-Università ta' Lausanne (li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Akkademja ta' Lausanne), li kienet tinsab ħdejn id-dar tiegħu mal-Lag ta' Ġinevra. Huwa kien jgħallem l-istoloġija, l-anatomija u l-fiżjoloġija.
Madankollu, in-namur tiegħu kien il-lag[6]; l-investigazzjonijiet tiegħu fil-bijoloġija, fil-kimika, fiċ-ċirkolazzjoni tal-ilma, u fis-sedimentazzjoni, u l-iktar importanti fl-interazzjonijiet tagħhom, stabbilew is-sisien ta' dixxiplina ġdida. Huwa sejjaħ l-attività tiegħu limnoloġija b'analoġija għall-oċeanografija ("limnografija" setgħet tiġi konfuża mal-limnografu, li jkejjel il-livell tal-ilma fil-lagi).
L-iktar xogħol importanti tiegħu, Le Léman, ġie ppubblikat fi tliet volumi bejn l-1892 u l-1904.[7] Il-volumi koprew firxa ta' temi, fosthom id-definizzjoni tal-limnoloġija, kif ukoll l-aspetti ġeografiċi, il-ġeoloġija, il-klimatoloġija, l-idroloġija u l-batimetrija tas-sistemi tal-lagi. Il-monografu mbagħad kien jiddeskrivi l-idrawlika, l-oxxillazzjonijiet fil-livell tal-ilma, il-mewġ u l-kurrenti, l-istratifikazzjoni tat-temperatura, l-ottika, l-akustika u l-kimika tal-lag. Dan kollu ssaħħaħ bil-pubblikazzjoni tiegħu ta' manwal dwar dan is-suġġett.[8] Huwa skopra l-fenomenu tal-kurrenti tad-densità fil-lagi, u spjega l-oxxillazzjonijiet ritmiċi fil-livell tal-ilma tal-lag.[6]
Huwa magħruf ukoll għax-xogħol tiegħu dwar il-fenomenu ottiku tal-miraġġ (magħruf bħala "Fata Morgana") li jista' jiġi osservat meta wieħed iħares minn naħa għall-oħra tal-Lag ta' Ġinevra f'diversi postijiet.[9]
B'kollaborazzjoni ma' Wilhelm Ule, huwa żviluppa l-iskala ta' Forel-Ule, li tintuża biex jiġi evalwat il-kulur ta' korp tal-ilma. F'qasam different għalkollox, f'kooperazzjoni mas-sismologu Taljan Michele Stefano de Rossi, huwa żviluppa l-iskala ta' Rossi-Forel, li tiddeskrivi l-intensità ta' terremot.
L-aħħar tal-ħajja u legat
immodifikaSa żmien mewtu fl-1912, huwa kien ħareġ total ta' 288 pubblikazzjoni akkademika.
Tant kellu għarfien wiesa' li kienu jirreferu għalih bħala "il-Faraday tal-Lagi" meta tfakkret il-mewt tiegħu fir-rivista Nature.[2] Kien irrispettat ferm mill-komunità xjentifika Skoċċiża, li żarha mill-inqas darba, u ġie elett ukoll bħala membru onorarju tas-Soċjetà Rjali ta' Edinburgu.
L-Istitut François-Alphonse Forel tal-Università ta' Ġinevra msemmi għalih.
Foreltinden, muntanja fi Spitsbergen, Svalbard, in-Norveġja msemmija għalih ukoll.[10]
L-istazzjon ta' Forel f'Maule, iċ-Ċilì msemmi għalih peress li kien għex qrib l-istazzjon.
Is-sottomarin François-Alphonse Forel (PX-28) ġie msemmi għali u ntuża biex jittieħdu l-kejliet xjentifiċi fil-Lag ta' Ġinevra.
Referenzi
immodifika- ^ "François-Alphonse Forel | French physician and scientist". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
- ^ a b "Prof. F. A. Forel". Nature (bl-Ingliż). 89 (2234): 638–639. 1912-08-01.
- ^ "Definition of LIMNOLOGY". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
- ^ a b ċ Forel, François-Alphonse (1886). Le lac Léman : précis scientifique /. Bâle: H. Georg.
- ^ "François-Alphonse Forel (1841-1912)" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-06-14. Miġbur 2021-08-07.
- ^ a b Vincent, Warwick F., and Carinne Bertola. "Lake physics to ecosystem services: Forel and the origins of limnology." Limnology and Oceanography e‐Lectures 4, no. 3 (2014): 1-47.
- ^ Forel, F.A., 1892. Lake Geneva, Monograph of Limnology (three volumes, in French), Volume II (1895). Librairie de l’université Lausanne.
- ^ Mill, H.R., 1901. Prof. Forel on Limnology. The Geographical Journal, 17(3), pp. 296-298.
- ^ Forel, F.A., 1913. XV.—The Fata Morgana. Proceedings of the Royal Society of Edinburgh, 32, pp. 175-182.
- ^ Lauritzen, Per Roger, ed. (2009). "Foreltinden". Norsk Fjelleksikon (in Norwegian). Arendal: Friluftsforlaget. ISBN 978-82-91-49547-7.