Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2006
Il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2006 kienet partita futbol li saret fid-9 ta' Lulju 2006 ġewwa l-Olympiastadion, ġewwa l-belt kapitali Ġermaniża Berlin, fejn f'dan il-konfront ġie determinat ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja 2006. L-Italja għelbu lil Franza wara l-għoti tal-penalties wara li partita ntemmiet 1–1 wara l-ħin supplementari. Zinedine Zidane ġie mkeċċi fl-aħħar partita professjonali tiegħu, wara li ta daqqa ta' ras fuq sider Marco Materazzi.
Sommarju tal-partita
immodifikaIl-finali bdiet biż-żewġ naħat jiskorjaw fl-ewwel 20 minuta. Zinedine Zidane fetaħ l-iskor billi kkonverta penalty kontroversjali fis-7 minuta,[1] li ħabat mal-lasta l-mimduda u qabeż il-linja tal-gowl. Marco Materazzi kiseb il-gowl tal-pari fid-19-il minuta minn corner ta' Andrea Pirlo. Iż-żewġ timijiet ilkoll ħolqu azzjonijiet fejn setgħu jmorru fil-vantanġġ: Luca Toni ra l-konklużjoni tiegħu tistampa mal-lasta l-mimduda fil-35 minuta għall-Italja, waqt li aktar tard ra l-gowl tiegħu permezz ta' daqqa ta' ras tiegħu jiġi mħassar minħabba offside, waqt li Franza ġew imċaħħda mill-possibilità tat-tieni penalty wara li Florent Malouda waqa' fil-kaxxa minn intervent ta' Gianluca Zambrotta. Franza dehru l-aktar tim perikoluż bin-numru ikbar ta' konklużjonijiet lejn il-lasta avversarja. L-iskor baqa' l-istess sa tmiem id-90 minuta regolamentari.
Fin-nofs siegħa ta' ħin supplementari, bir-riżultat ikun għadu 1–1, il-gowlkiper Taljan Gianluigi Buffon għamel salvataġġ fundamentali hekk kif xellef id-daqqa' ta' ras ta' Zidane għal fuq il-lasta.
It-tkeċċija ta' Zidane
immodifikaWara li kienet intemmet azzjoni fuq in-naħa Franċiża, hekk kif Zidane u d-difensur Taljan Marco Materazzi kienu qegħdin jirritornaw lura lejn il-pożizzjoni tagħhom, kien hemm skambju qasir ta' xi kliem wara li Materazzi deher iżomm il-flokk ta' Zidane fl-azzjoni preċedenti. Meta Zidane deher jitbiegħed minn Materazzi, il-plejer Franċiż waqaf, dar lura u f'salt wieħed ta daqqa ta' ras fuq sider Materazzi, fejn b'konsegwenza dan waqa' mal-art. Minkejja li l-partita ġiet imwaqqfa, ir-referi Horacio Elizondo deher li ma kienx induna b'dan l-inċident. Skont ir-rapporti tal-uffiċċjali għal din il-partita, ir-raba' uffiċjali Luis Medina Cantalejo informa lil Elizondo fuq l-inċident.[2]
Wara li kkonsulta 'l-assistenti, Elizondo wera karta ħamra lil Zidane fil-110 minuti.[3] Din kienet l-14-il tkeċċija fil-karriera ta' Zidane, u ngħaqad mal-plejer tal-Kamerun Rigobert Song bħala l-uniku plejer li qatt ġie mkeċċi f'żewġ kampjonati separati tat-Tazza tad-Dinja.[4] Hu sar ukoll ir-raba' plejer li ġie mkeċċi f'finali tat-Tazza tad-Dinja, u l-ewwel wieħed fil-ħin supplementari.[5]
Aktar kontroversja
immodifikaFl-10 ta 'Lulju 2006, minkejja il-ġest vjolenti u l-insult lejn ir-referee Jorge Larrionda matul is-semi-finali mal-Portugall,[6] Zidane kien elett "l-aħjar plejer tad-Dinja".
Provokazzjoni
immodifikaWara li l-evidenza viżwali kienet issuġġeriet li Materazzi verbalment ipprovoka lil Zidane, tliet gazzetti Brittaniċi ħatru xi professjonisti fil-qari tax-xufftejn biex jiddeterminaw x'qal Materazzi, bit-The Times, The Sun u d-Daily Star allegaw li Materazzi kien qal lil Zidane "iben qaħba terrorista". Fl-2008, The Sun u d-Daily Star għamlu apoloġija pubblika lil Materazzi. The Times għad trid twassal l-apoloġiji tagħha.[7][8]
Zidane spjega kif kienu l-insulti ħorox fuq missieru li wassluh biex jaġixxi kif aġixxa.[9] Materazzi ammetta li insulta lil Zidane, imma argumenta li l-aġir ta' Zidane kien wieħed arroganti u li r-rimarki kienu infudati.[10] Materazzi insista wkoll li hu ma nsultax lil omm Zidane (li kienet marida dak iż-żmien), fejn stqarr: "Jien ma tkellimtx fuq ommu, lanqas. Jien tlift lil ommi meta kelli ħmistax-il sena, u anke illum insir emozzjonat kull darba li nitkellem fuqha."[11]
Zidane apoloġizza ta' dan li għamel però żied li ma kienx dispjaċut ta' dak li għamel, minħabba li ħass li dan seta' jpatti għall-azzjonijiet ta' Materazzi.[12] Xahrejn wara, Materazzi offra l-verżjoni tiegħu ta' dak li ġara, fejn stqarr kif wara li ġibed il-flokk ta' Zidane, Zidane qallu, "Jekk trid il-flokk tiegħi, nagħtihulek wara", u hu rrisponda 'l Zidane li hu jippreferi minflok lil oħtu, minkejja li ma kienx jaf li Zidane kellu oħtu, skont kif qal fl-intervista.[13] Sena wara l-inċident, Materazzi ikkonferma li l-kliem preċiżi tiegħu lil Zidane kienu "Preferisco la puttana di tua sorella" ("Nippreferi l-qaħba ta' oħtok").[14]
Reazzjonijiet
immodifikaWara l-finali, il-president Franċiż Jacques Chirac faħħar lil Zidane bħala "raġel tal-qalb u konvinzjoni".[15] Chirac żied aktar tard li ra li l-offiża ma kinitx aċċettabbli, imma fehem li Zidane kien ġie pprovokat.[16] Madanakollu, il-gazzetta Franċiża Le Figaro iddeskriviet id-daqqa' ta' ras bħala "odjuża" u "inaċċettabbli".[17] Minkejja din l-għagħa kollha, l-isponsors ta' Zidane ħabbru li xorta waħda se jżommu l-kuntatti mal-plejer.[18]
Dan l-inċident kiseb popolarità estensiva fuq l-internet u l-kultura popolari. Minbarra l-ħafna vidjos satiriċi, kanzunetta bit-titlu Coup de Boule ("Daqqa ta' ras") waslet sal-quċċata tal-klassifiki mużikali Franċiżi.
Fid-dawl tal-istqarrijiet ta' Zidane, il-FIFA fetħet proċeduri dixxiplinarji biex tinvestiga l-inċident. Il-FIFA affermat li kienet leċita d-deċiżjoni ta' Elizondo li jitkeċċa Zidane, fejn ċaħdet allegazzjonijiet li Cantalejo kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq trażmissjoni viżiva qabel ma ħa d-deċiżjoni finali tiegħu.[19] Il-FIFA immultat lil Materazzi 5,000 frank Żvizzeru u sospensjoni għal żewġ partiti, waqt li Zidane irċieva sospensjoni ta' tliet partiti u multa ta' 7,500 frank Żvizzeru. Minħabba li Zidane kien diġà irtira, hu offra b'volontarjat li jservi tliet ijiem ta' servizz komunitarju għan-nom tal-FIFA.[20]
L-għoti tal-penalties
immodifikaHekk kif il-ħin barrani ma ra l-ebda gowl ieħor, il-partita kellha tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties, bl-Italja joħorġu 5–3 rebbieħa. David Trezeguet ta' Franza, l-istess plejer li kien skorja l-gowl tad-deheb drammatiku kontra l-Italja fil-Kampjonati Ewropej 2000, kien l-uniku plejer li ma skurjax mill-penalty, hekk kif il-konklużjoni tiegħu stampat mal-lasta l-mimduda.[21]
Dettalji tal-partita
immodifika9 ta' Lulju 2006 20:00 |
Italja | 1 – 1 (w.ħ.s.) | Franza | Olympiastadion, Berlin Attendenza: 69,000 Referi: Horacio Elizondo (Arġentina) |
---|---|---|---|---|
Materazzi 19' | Rapport | Zidane 7' (pen.) |
Penalties | ||||
Pirlo Materazzi De Rossi Del Piero Grosso |
5 – 3 | Wiltord Trezeguet Abidal Sagnol |
|
|
Plejer tal-Partita:
|
Regoli tal-logħba:
|
Referenzi
immodifika- ^ "Italy wins World Cup" (bl-Ingliż). CBC Sports. 2006-07-09. Miġbur 2006-10-05.
- ^ "Fourth Official: I saw Zidane's Headbutt" (bl-Ingliż). ESPN. 2006-07-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-07-18. Miġbur 2006-07-11.
- ^ Williams, Richard (2006-07-10). "Zidane exits the stage with a walk of shame" (bl-Ingliż). The Guardian. Miġbur 2006-07-10.
- ^ Buckingham, Mark. "1998 World Cup - France" (bl-Ingliż). Sky Sports. Miġbur 2006-07-11.
- ^ "Zidane sent off in extra time for head butt" (bl-Ingliż). ESPN. 2006-07-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-08-11. Miġbur 2006-07-11.
- ^ Doyle, Paul (2006-07-20). "Selfish Zidane has fooled Fifa" (bl-Ingliż). The Guardian.
- ^ "Apology to Marco Materazzi" (bl-Ingliż). The Sun. 2008-05-26.
- ^ "Materazzi wins Daily Star apology" (bl-Ingliż). BBC News. 2008-03-16.
- ^ Hughes, Matt (2006-07-10). "Read my lips: the taunt that made Zidane snap" (bl-Ingliż). The Times. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-02-18. Miġbur 2006-07-11.
- ^ "Materazzi admits to insulting Zidane" (bl-Ingliż). ESPN. 2006-07-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-18. Miġbur 2008-02-02.
- ^ "Zidane: Materazzi insulted my family" (bl-Ingliż). ESPN. 2006-07-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-15. Miġbur 2008-02-02.
- ^ "Zidane explains" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2006-07-13. Miġbur 2008-02-02.
- ^ "Materazzi reveals details of Zidane World Cup slur" (bl-Ingliż). Reuters. 2006-09-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-05. Miġbur 2008-02-02.
- ^ "And Materazzi's exact words to Zidane were..." (bl-Ingliż). The Guardian. 2007-08-18. Miġbur 2008-03-18.
- ^ Boyle, Jon (2006-07-09). "French fans praise Zidane despite red card" (bl-Ingliż). The Washington Post. Miġbur 2006-07-11.
- ^ "Chirac calls Zidane head-butt 'unacceptable'" (bl-Ingliż). MSNBC. 2006-07-14. Miġbur 2008-03-18.
- ^ "French media condemns Zidane" (bl-Ingliż). UTV. 2006-07-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-25. Miġbur 2008-03-18.
- ^ "Sponsors stick with Zidane despite head-butt" (bl-Ingliż). USA Today. 2006-07-11. Miġbur 2008-03-18.
- ^ "FIFA to review dramatic World Cup final" (bl-Ingliż). FIFA. 2006-07-11. Miġbur 2006-07-11.
- ^ "Zidane and Materazzi fined and banned by FIFA" (bl-Ingliż). Reuters. 2006-07-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-12-15. Miġbur 2006-07-20.
- ^ "Italy 1-1 France (aet)" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2006-07-09. Miġbur 2009-08-18.