Fiera Internazzjonali ta' Rachid Karami f'Tripoli
Il-Fiera Internazzjonali ta' Rachid Karami f'Tripoli, hija kumpless ta' binjiet ipproġettati mill-arkitett Oscar Niemeyer f'Tripoli fil-Libanu. L-arkitett famuż ġie inkarigat biex iwettaq il-proġett fl-1962 u l-kumpless kien previst li jitlesta għal avveniment tal-Espożizzjoni Universali li kienet se tiġi organizzata fil-belt, iżda l-kostruzzjoni ġiet interrotta fl-1975 minħabba li faqqgħet il-gwerra ċivili Libaniża u qatt ma reġgħet tkompliet. Is-sit jinkludi 15-il binja ta' Niemeyer parzjalment kompluti fi ħdan erja ta' madwar 75,6 ettaru (187 akru) qrib id-daħla tan-Nofsinhar ta' Tripoli.[1]
Deskrizzjoni
immodifikaIl-Fiera Internazzjonali ta' Rashid Karami nbniet f'Tripoli, it-tieni l-ikbar belt fil-Libanu u l-belt kapitali tal-Governorat tat-Tramuntana. Ġiet ipproġettata minn Oscar Niemeyer bejn l-1962 u l-1967, u nbniet sal-1975. Il-binja prinċipali tal-Fiera Internazzjonali hija magħmula minn spazju enormi għall-wiri b'għamla ta' rettangolu msaqqaf, magħruf bħala l-Kanopew il-Kbir (bl-Ingliż: Grand Canopy). Taħt il-binja setgħu jiġu installati l-padiljuni tal-espożizzjoni ta' diversi pajjiżi. Id-daħla tal-kumpless tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar nett tal-Kanopew il-Kbir: rampa wiesgħa twassal għal portiku olzat li minnu l-viżitaturi jistgħu jiskopru l-pajsaġġ kollu tal-fiera. Sensiela ta' strutturi edukattivi, rikreattivi u kulturali nbnew fi ħdan "ġnien tropikali Brażiljan" u ġew ikkollegati ma' vaski tal-ilma u mogħdijiet għall-mixi. Fin-naħa tat-Tramuntana, rampa ċerimonjali twassal għall-anfiteatru fil-beraħ, u fuqu hemm arkata monumentali li tirrappreżenta daħla simbolika tal-modernità u punt ta' referenza tal-belt ta' Tripoli.[2]
L-użu ta' elementi tradizzjonali fl-arkitettura lokali kellu l-għan li jesprimi l-aspirazzjonijiet tal-popli Għarab indipendenti ġodda biex jieħdu sehem fil-proċess universali tal-immodernizzar. Bis-saħħa tal-iskala tagħha, is-soluzzjonijiet strutturali kuraġġużi tagħha, l-espressjoni arkitettonika tagħha, l-ispazji pubbliċi u l-ġonna Modernisti kbar tagħha, ir-rabtiet li għandha mal-binjiet li jindentifikaw il-perjodu ta' wara l-indipendenza, u minkejja d-deterjorament tal-biċċa l-kbira tal-istrutturi tagħha u l-integrità prekarja ta' ħafna mill-komponenti tagħha peress li l-konkos qdiem, il-Fiera Internazzjonali ta' Rashid Karami hija waħda mill-opri l-iktar rappreżentattivi tal-arkitettura moderna tas-seklu 20 fl-Istati Għarab.[2]
"F'dawn l-aħħar snin, iż-żona tal-fiera ġiet imxekkla minn taħlita ta' instabbiltà perjodika u proċeduti amministrattivi li ma jagħmlux wisq sens, li wasslu biex l-istruttura prattikament qatt ma titlesta u tintuża. Biex tkompli tgħaxxaq, bħallikieku l-belt għandha bżonn metafori fiżiċi oħra għad-dekadenza, maġenb il-fiera hemm Quality Inn li litteralment qed jaqa' biċċiet u s-sid tal-post qiegħed b'lura snin sħaħ fil-ħlas lill-amministraturi tas-sit".[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Fiera Internazzjonali ta' Rachid Karami f'Tripoli ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023 fit-18-il sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Wirt Dinji. Fl-istess sessjoni s-sit tniżżel ukoll fil-lista tas-siti fil-periklu.[2][4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
immodifika- ^ McManus, David (2019-01-09). "International Fair of Tripoli: Oscar Niemeyer". e-architect (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Rachid Karami International Fair-Tripoli". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
- ^ "The city that didn't know where to start". www.synaps.network (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Rachid Karameh International Fair of Tripoli (Lebanon) inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.