Felix Mendelssohn

Jakob Ludwig Felix Mendelssohn Bartholdy (twieled fit-3 ta' Frar 1809 – miet fl-4 ta' Novembru 1847) kien kompożitur u surmast tal-orkestra Ġermaniż. Nannuh kien il-filosfu Moses Mendelssohn.

Felix Mendelssohn

Felix Mendessohn Bartholdy, pittura ta' Eduard Magnus (1846)
Ħajja
Twelid Amburgu, 3 Frar 1809, 1809
Nazzjonalità Renju tas-Sassonja
Amburgu
Mewt Leipzig, 4 Novembru 1847
Post tad-dfin ċimiterji ta' Hallesches Tor
Kawża tal-mewt kawżi naturali (puplesija)
Familja
Missier Abraham Mendelssohn Bartholdy
Omm Lea Mendelssohn Bartholdy
Konjuga/i Cécile Mendelssohn Bartholdy (en) Translate
Ulied
Aħwa
Familja
Tribù Famille Mendelssohn Bartholdy (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Università Humboldt ta’ Berlin
Lingwi Ġermaniż
Franċiż
Ingliż
Għalliema Carl Friedrich Zelter (mul) Translate
Ludwig Berger (en) Translate
Marie Bigot (mul) Translate
Lea Mendelssohn Bartholdy (en) Translate
Franz Lauska (en) Translate
Ignaz Moscheles (mul) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
pjanist
organist
surmast tal-orkestra
mużikologu
għalliem tal-mużika
għalliem fl-università
pittur
kittieb
Impjegaturi Konservatorium der Musik zu Leipzig
Xogħlijiet importanti Ein Sommernachtstraum (Ħolma ta' lejl sajfi)
Sinfonia Nru 3
Sinfonija Nru 4
Kunċert għal vjolin u orkestra fil-Mi minuri, op. 64
Ouverture L-Ebridi, op. 26
Paulus, op. 36
Elias, op. 70
Premjijiet
Sħubija Koninklijke Nederlandse Akademie van Wetenschappen
Moviment mużika romantika
Moviment artistiku opra
mużika klassika
mużika sinfonika
Strument/i tal-mużika orgni
pjanu
vjolin

Bijografija

immodifika
 
Dar it-twelid, 14, Große Michaelisstraße, Amburgu, fl-1900

Felix Mendelssohn Bartholdy kien ġej minn familja Lhudija tal-borgeżija, stmata u għanja. Nannuh, Moses Mendelssohn (1729-1786), kien filosfu famuż tal-Aufklärung (Illuminiżmu), li permezz ta' ittra rjali, kiseb drittijiet ċivili għalih u għall-familja tiegħu, li dak iż-żmien il-Lhud is-soltu ma setgħux igawdu. Dan ippermettielu jitħallat, biż-żwieġ, mal-komunità kummerċjali. Missier Felix, kien bankier tat-tajjeb li kellu sehem fil-bank ta' ħuh il-kbir Joseph. Ommu, Lea Salomon kienet ġejja minn familja ta' industrijalisti u ħuwa kien id-diplomatiku Jakob Salomon Bartholdy. Wara ż-żwieġ tagħhom fl-1804 Abraham u Lea ħallew Berlin u marru joqogħdu Amburgu. Fl-1805 twieldet oħt Felix, Fanny (wara l-1829 Fanny Hense), li kellha talent kbir għall-mużika. Oħtu l-oħra Rebecca (li fl-1831 iżżewġet lill-matematiku Dirichlet) twieldet fl-1811 u ħuh Paul fl-1812.

Ulied Abraham Mendelssohn kienu mrobbija bħala Nsara u fil-21 ta' Marzu 1816 Johann Jakob Stegemann, għammidhom f'darhom bħala protestanti tal-knisja riformata. F'din l-okkażjoni, Felix ingħata l-ismijiet Jacob u Ludwig. Barra minn hekk il-familja ħadet il-kunjom "Nisrani" Bartholdy fuq suġġeriment ta' ħu Lea, Jakob Salomon, li kien xtara proprjetà b'dan l-isem u wara li tgħammed, kien addottah bħala kunjomu. Abraham u Lea Mendelssohn Bartholdy fl-1822, fl-aħħar saru Nsara.

It-tfulija (1809–1824)

immodifika

Minħabba l-okkupazzjoni ta' Amburgu mill-Franċiżi fl-1811, il-familja marret Berlin, fejn kienet toqgħod in-nanna, issa armla. Hawn Felix u Fanny kellhom l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika minn ommhom stess. Din kienet fit-tradizzjoni ta' Bach billi zijitha, Sara Levy, kienet studjat taħt Carl Philipp Emanuel Bach u kienet patruna ta' Wilhelm Friedemann Bach. Wara, Felix u Fanny kellhom bħala għalliema Madame Bigot meta kienu għal xi żmien Pariġi fl-1816. Meta marru lura Berlin, kellhom lezzjonijiet fil-kompożizzjoni minn Carl Friedrich Zelter, fil-pjanu minn Louis Berger u fil-vjolin minn Carl Wilhelm Henning; għall-edukazzjoni ġenerali kellhom Karl Wilhelm Ludwig Heyse, missier il-kittieb Paul Heyse.

 
Felix Mendelssohn Bartholdy fl-età ta' 12-il sena, Skizz biż-żejt ta' Carl Joseph Begas (1821)

Il-pubbliku ltaqa' għall-ewwel darba ma' Felix fl-24 ta' Ottubru 1818 meta kellu 9 snin u daqq il-parti tal-pjanu f'trio ta' Joseph Wölfl. F'April tas-sena ta' wara daħal fl-Akkademja tal-kant ta' Berlin bħala contralto, fejn studja l-mużika antika tal-knisja taħt id-direzzjoni ta' Zelter. Is-sena ta' wara beda jikkomponi b'ħeffa straordinarja. Dik is-sena kiteb kważi sittin xogħol, fosthom kanzunetti, sonati għal pjanu, trio b'pjanu, sonata għal vjolin u pjanu, biċċiet għal orgni u anki biċċa żgħira drammatika fi tliet xeni. Fl-1821 ħoloq, biex insemmu xi ftit, ħames sinfoniji għal orkestra tal-kordi, erba' motetti, is-singspiele ta' att wieħed Soldatenliebschaft u Iż-żewġ għalliema kif ukoll partijiet mis-singspiel Il-kummidjanti vjaġġaturi.

Fl-1821, matul is-sittax-il jum li qatta' fil-belt ta' Weimar, Mendelssohn, ta' 12-il sena, flimkien ma' Zelter iltaqa' għall-ewwel darba ma' Goethe, Fl-istess sena sar jaf ukoll għall-ewwel darba lil Carl Maria von Weber f'Berlin, fejn kien qiegħed imexxi l-opra tiegħu Freischütz. Fl-1822 f'Kassel iltaqa' ma' Ludwig Spohr. Matul dik is-sena kiteb, fost oħrajn, l-opra Iż-żewġ neputijiet jew zijiet minn Boston u kunċert għal pjanu.

Il-familja Mendelssohn kellhom id-drawwa antika li l-Ħadd filgħodu fil-kamra tal-pranzu jkollhom ensemble żgħir biex jagħti kunċert mużikali, u wara xi l-1822 kien ikun fih mużiċisti professjonali mill-orkestra tal-qorti rjali. Felix kien dejjem imexxi l-orkestra hu u kiteb xogħlijiet ġodda għal dawn l-okkażżjonijiet. Hu stess kien idoqq il-pjanu jew kien iħallih għal oħtu Fanny, waqt li oħtu ż-żgħira Rebecca kienet tkanta u ħuh Paul kien idoqq il-vjolinċell. Meta għalaq ħmistax fl-1824, f'waħda minn dawn il-laqgħat, ġiet rappreżentata għall-ewwel darba Iż-żewġ neputijiet. Bejn it-3 u l-31 ta' Marzu tal-istess sena, ikkompona l-ewwel sinfonija tiegħu, (op. 11), fid-Do minuri, ftit wara il-kwartett bi pjanu fis-Si minuri (op. 3) u s-sestett bi pjanu fir-Re maġġuri (op. 110). F'daż-żmien ukoll sar ħabib ta' Ignaz Moscheles, ħbiberija li baqgħet għal-ħajtu kollha.

Iż-żgħożija (1825-1829)

immodifika

Fl-1825, Abraham Mendelssohn ħa 'l ibnu Felix lura Pariġi fejn iltaqa' mal-ikbar kompożituri drammatiċi ta' dak iż-żmien Gioachino Rossini u Giacomo Meyerbeer. Hemmhekk iltaqa' għall-ewwel darba ma' Luigi Cherubini li tant impressjona ruħu bit-talent tiegħu li ħajru li jikkomponi Kyrie b'ħames vuċijiet bl-akkompanjament ta' orkestra sħiħa. Mill-ittri tiegħu ta' dak il-perjodu, nafu li Felix ma' kienx japprezza l-mużika tal-iskola Franċiża, imma Pariġi għamel xi ftit ħbieb li kien jiltaqa' magħhom minn żmien għal żmien.

F'Mejju, Felix u missieru marru lura Berlin u qasmu l-vjaġġ biex jerġgħu iżuru 'l Goethe, li fid-dar tiegħu indaqq il-kwartett il-Kwartett fis-Si minuri, dedikat lil Goethe, li rċieva applaws kbir. Fl-10 t'Awwissu tal-istess sena Felix lesta l-opra f'żewġ atti Iż-żwieġ ta' Camacho.

 
Id-dar tal-familja Mendelssohn, 3, Leipziger Straße, Berlin, fl-1900

Ftit wara li marru lura minn Pariġi, il-familja Mendelssohn marru joqgħodu f'numru 3, Leipziger Straße (illum il-Kunsill Federali Ġermaniż), dar antika u spazjuża li kien fiha kmamar għall-mużika sbieħ ħafna u padiljun kbir fejn kienu jiġu xi mijiet ta' nies għall-kunċerti ta' nhar ta' Ħadd. Fil-ħarifa tas-sena ta' wara indaqqet għall-ewwel darba l-ouverture Ħolma ta' Lejl Sajfi. Il-partitura ta' din il-kompożizzjoni famuża fiha d-data "Berlin, is-6 t'Awwissu 1826 "; Mendelssohn dak iż-żmien kellu 16-il sena. Fil-pubbliku mexxa d-daqq ta' din l-ouverture għall-ewwel darba f’Stettin fi Frar tal-1827.

Fl-istess żmien kien jistudja fl-Università ta' Berlin, fejn, fost oħrajn kien jattendi l-lezzjonijiet ta' G.W.F. Hegel.

Sadattant deher li l-opra Iż-żwieġ ta' Camacho setgħet tiġi mtella' fit-Teatru famuż ta' Spontini. Il-librett, ibbażat fuq episodju minn Don Quixote inkiteb minn Karl Klingemann, u Mendelssohn kellu idea ċara tal-umoriżmu speċjali li kien fih ir-rumanz. Ix-xogħol kellu l-provi malajr wara li l-kompożitur kien ġie lura minn Stettin u kellu l-première fid-29 ta' April 1827. Deher li kien intlaqa' bl-entużjażmu, imma minħabba xi intriċċi ma ttellax darba oħra. Mendelssohn stess ħass li l-opra (li issa kien ilu li kitibha 20 xahar) ma kinitx ħa tgħin l-iżvilupp artistiku tiegħu u li l-vokazzjoni tiegħu kienet fil-mużika strumentali. Qatt ma reġa' ikkompona opra oħra.

Mendelssohn waqqaf kor għall-istudju tax-xogħol korali ta' Johann Sebastian Bach (Il-kbir Thomaskantor kien kważi mhux magħruf mill-pubbliku). Fl-1823 nantu Babette Solomon, kienet irregalatlu kopja tal-Passjoni skont San Mattew. Fuq kollox, Mendelssohn sar japprezza x-xogħol ta' Bach mill-lezzjonijiet u l-provi taħt Zelter fl-Akkademja tal-Kant ta' Berlin. Fl-1829, flimkien ma' Eduard Devrient Mendelssohn, kontra r-reżistenza fil-bidu ta' Zelte, tella' rappreżentazzjoni pubblika tal-Passjoni skont San Mattew, imqassra u redatta għal din l-okkażjoni, taħt it-tmexxija tiegħu bil-kor tal-Akkademja ta' 158 vuċi. Din kienet l-ewwel ripreża tal-Passjoni ta' Bach minn mewtu. Zelter fl-Akkademja kien ipprova xi partijiet mill-Passjoni imma ssostna li ma kienx hemm lok għal rappreżentazzjoni sħiħa. Il-Passjoni kella tant suċċess li ttelgħet darbtejn oħra, it-tielet darba taħt Zelter għax Mendelssohn kien mar l-Ingilterra.

Skont sejbiet ta' dan l-aħħar, mill-analisi tal-partitura jidher li r-rappreżentazzjoni ma kinitx "romantizzata wisq". Però Mendelssohn irranġa xi reċitattivi, korali u arji biex ma jgerrixx dawk li kien jdoqqu u l-pubbliku. Barra minn hekk xi strumenti ma kinux għadhom jindaqqu: Mendelssohn stess daqq il-parti tal-Basso continuo fuq il-pjanu, minflok oboi d'amore intużaw klarinetti u minflok oboi da caccia intużaw vjolini. Devrient kanta l-parti ta' Ġesù. Il-pjanu a coda maħdum minn Johann Christoph Oesterlein ta' Berlin li kien ta' Carl Friedrich Zelter u li minnu Felix Mendelssohn Bartholdy x'aktarx mexxa il-Passjoni skont San Mattew għadu fil-Mużew Mużikali tal-Akkademja tal-Kant ta' Berlin.

L-ewwel kunċerti barra Berlin (1829-1832)

immodifika
 
Felix Mendelssohn Bartholdy, Akkwarell ta' James Warren Childe (1830)

F'April tal-1829 Mendelssohn ivvjaġġa għall-ewwel darba lejn Londra fejn kien milqugħ bl-entużjażmu. Deher għall-ewwel darba quddiem udjenza Ingliża f'wieħed mill-kunċerti tal-Philharmonic Society fil-25 ta' Mejju meta mexxa s-sinfonija fid-Do minuri mill-pjanu. Fit-30 daqq bl-amment il-Konzertstück ta' Weber, fil-25 ta' Ġunju daqq fil-kunċert għal pjanu fil-Mi bemoll maġġuri (li kien għadu ma ndaqqx fl-Ingilterra) u għall-ewwel darba l-ouverture Ħolma ta' lejl sajfi. Fi triqtu lura d-dar ħalla warajh il-partitura tal-ouverture f'karozzin, imma Mendelssohn reġa' kitibha kollha mill-memorja bla żball. F'kunċert ieħor daqq il-kunċert ta' Moscheles fil-Mi maġguri għal żewġ pjanijiet u orkestra.

Meta temm l-istaġun, Mendelssohn ivvjaġga ma' Klingemann lejn l-iSkozja, fejn ġie ispirat biex jikteb l-ouverture L-Ebridi u s-sinfonija Skoċċiża. Fl-aħhar ta' Novembru mar lura Berlin.

 
Veduta ta Firenze, Akkwarell ta' Felix Mendelssohn ta' 21 sena fl-1830

Iż-żjara fl-Ingilterra kienet l-ewwel parti ta' programm estensiv ta' vjaġġi, li missieru ħadu fuqu biex iżur iċ-ċentri artistiċi ewlenin tal-Ewropa. Wara li ma aċċettax l-offerta ta' professorjat f'Berlin, f'Mejju 1830 telaq darb'oħra lejn l-Italja, b'waqfa qasira ta' ġimgħatejn fit-triq f'Weimar għand Goethe u wara ftit waqfiet oħra wasal Ruma fl-1 ta' Novembru.

Meta wasal München f'Ottubru tal-1831, fi triqtu lura, daqq il-kunċert tiegħu għal pjanu fis-Sol minuri li kien għadu kif ikkompona u ffirma kuntratt (li qatt ma wettaq) għal opra għat-teatru ta' München. Wara li waqaf Stuttgart, Frankfurt u Düsseldorf, wasal Pariġi f'Diċembru. Hawnhekk qatta' erba' xhur li matulhom ġedded il-ħbiberiji li kien beda fl-1825 u sar jaf sewwa 'l Liszt u 'l Chopin. Ħafna kompożizzjonijiet tiegħu indaqqu fil-pubbliku, fosthom l-ouverture Sommernachtstraum (Ħolma ta' lejl safi) fil-Konservatorju fid-19 ta' Frar 1832. Imma kellu xi diżappunti wkoll, per eżempju bis-sinfonija Ir-Riforma. Il-vjaġġ temm ħesrem billi qabditu l-kolera, però fieq malajr.

Fit-23 ta' April 1832 mar għal darb'oħra Londra, fejn daqq darbtejn il-kunċert tiegħu fis-Sol bemoll mal-Philarmonic Society, daqq l-orgni fil-Kattidral St Paul's u ppublika l-ewwel volume ta' Lieder ohne Worte (Għanjiet mingħajr kliem). F'Lulju mar lura Berlin u fix-xitwa semma' fil-pubbliku s-sinfonija "Ir-Riforma", il-kunċert fis-Sol bemoll u Walpurgisnacht (Il-lejl ta' Walpurgis).

Berlin, Düsseldorf u Frankfurt (1832-1835)

immodifika

Felix Mendelssohn ma xtaqx jaċċetta pożizzjoni fissa li kienet sa torbtu għas-snin li jmiss. Però minħabba l-insistenza ta' missieru applika għall-pożizzjoni ta' Direttur tal-Akkademja tal-Kant li saret vakanti bil-mewt ta' Zelter f'Berlin. Il-membri ma vvutawx għalih imma għal Carl Friedrich Rungenhagen li kien ilu ħafna Assistant Direttur. Skont ħabibu Eduard Devrient kien hemm ukoll raġunijiet anti-semitiċi. Dan id-diżappunt kellu sehem importanti fid-deċiżżjoni tiegħu li jħalli Berlin għal xi snin, minkejja r-relazzjonijiet minn ġewwa li kellha l-familja kollha mal-Akkademja u s-suċċess konsiderevoli li kellu bill-Passjoni skont San Mattew.

Fir-rebbiegħa tal-1833 żar Londra għat-tielet darba biex imexxi l-Philharmonic Society li fit-13 ta' Mejju kienet ħa ddoqq is-Sinfonija Taljana tiegħu. Fis-26 tal-istess xahar, mexxa l-mużika fil-festa tal-mużika tar-Renu l-Baxx f'Düsseldorf b'tant suċċess li minnufih offrewlu l-post ta' direttur ġenerali tal-mużika tal-belt. L-impieg kien jikkonsisti fid-direzzjoni tal-mużika fil-knejjes ewlenin, it-teatru u żewġ swali oħra ta' gruppi mużikali.

Qabel ma ħa f'idejħ l-impennji tal-impieg il-ġdid, mar Londra għal darb'oħra ma' missieru u wasal lura Düsseldorf fis-27 Settembru 1833. Kien f'dak iż-żmien li kkompona il-Vespergesang (Kant tal-Għasar) li ħadd ma kien jaf bih qabel mewtu. Ix-xogħol tiegħu fil-knisja u fis-sala tal-kunċert ta impressjoni tajba ħafna, imma r-relazzjonijiet tiegħu mad-diretturi tat-teatru ma kinux mill-aħjar. Forsi kien minħabba dawn iċ-ċirkostanzi li beda jitbiegħed mill-opra u jersaq aktar lejn il-mużika tal-knisja.

F'dawn is-snin Mendelssohn kien imexxi l-kor Cäcilien-Vereins (Għaqda Ċeċiljana) ta' Frankfurt. Kien obbligat għal bosta snin lejn dan il-kor u d-direttur tiegħu Johann Nepomuk Schelble, u għalhekk ħass li kellu jieħu f'idejh il-provi u l-kunċerti ta' dan il-kor matul il-marda serja ta' Schelbles sakemm dan seta' jista' jkompli. Fuq talba tal-Cäcilien-Vereins, ikkompona l-ouverture Il-ħrafa tas-sabiħa Melusina u ppjana diversi xogħlijiet importanti oħra. Fi Frankfurt Mendelssohn kellu l-oppurtunità li jiltaqa' personalment mal-kompożitur importanti tal-opra Gioachino Rossini li kien dħuli ħafna, li qagħad hemm għal ftit jiem.

F'Düsseldorf għamel abbozz tal-famuż oratorju Paulus, ibbażat fuq il-ħajja ta' San Pawl. Ħass li s-soġġorn tiegħu hemm kien "ta' pjaċir immens" [1], u x'aktarx kien iżomm dan l-impieg għal ħafna snin kieku ma offrulux id-direzzjoni permanenti tal-orkestra tal-Gewandhaus ta' Leipzig, waħda mill-ogħla pożizzjonijiet li wieħed seta' jikseb fid-dinja mużikali Ġermaniża.

Leipzig (1835–1841)

immodifika
 
Gewandhaus, Leipziger, Akkwarell minn Felix Mendelssohn Bartholdy (1836)

F'Awissu tal-1835 Mendelssohn mar Leipzig u fl-4 Ottubru ta l-ewwel kunċert fil-Gewandhaus li fih indaqqet l-ouverture Baħar kalm u vjaġġ hieni, li daż-żmien, mqabbla mal-ouvertures l-oħra tiegħu ma tantx intuha attenzjoni. Il-kunċerti ta' Mendelssohn fil-Gewandhaus intlaqgħu b'ħafna b'entużjażmu u b'rikonoxximent ingħata dottorat onorarju fil-filosofija fl-20 ta' Marzu 1836. Sadanittant, kien lesta l-ewwel oratorju (Paulus) u ddiriġieh għall-ewwel darba fit-22 ta' Mejju 1836 fil-Festa tar-Renu l-Baxx f'Düsseldorf. Fis-16 ta' Marzu 1837 reġa' mexxa l-oratorju f'Leipzig.

Matul dan iż-żmien ipprova, bħala ammiratur kbir ta' Joseph Haydn, jippromwovi x-xogħlijiet ta' Haydn, kif għamel per eżempju, fit-22 Frar 1838 f'Leipzig b'suċċess kbir[2].

 
Cécile Charlotte Sophie Mendelssohn Bartholdy, pittura taż-żejt minn Eduard Magnus (1846)

Il-ġrajja importanti li tmiss fil-ħajja ta' Mendelssohn kienet fit-28 ta' Marzu 1837 meta żżewweġ lil Cécile Charlotte Sophie Jeanrenaud (10 ta' Ottubru, 1817 – 25 ta' Settembru, 1853), li kien iltaqa' magħha Frankfurt qabel fis-sajf. "Cécile kienet waħda minn dawk il-fenomeni feminili ħelwin, li l-effett tas-sens kwiet u tfuli tas-sempliċi preżenza tagħha fuq kull bniedem hu li jikkalmah u jserrħu . Kellha figura żvelta, fattizzi ta' sbuħija li tolqtok ... "(Philipp Eduard Devrient). Kellhom ħamest itfal: Carl Wolfgang, Paul, Marie, Felix u Lili.

Il-honeymoon bilkemm kien għadda meta għal darb'oħra kellu jmur l-Ingilterra, fejn fl-20 ta' Settembru, mexxa Paulus fil-Festival ta' Birmingham. Matul dal-vjaġġ, daqq l-orgni f'Saint Paul's u f'Christchurch u b'hekk kellu influwenza profonda fuq l-organisti Ingliżi. Hawn beda jaħseb biex jikteb it-tieni oratorju Elias.

Fis-snin 1838 sal-1844, żviluppa l-famuż Kunċert għal vjolin fil-Mi minuri għall-ħabibu, il-vjolinista Ferdinand David.

Berlin (1841-1845)

immodifika

Fl-1840 Mendelssohn ikkompona l-Innu ta' Tifħir u fl-1841, wara s-sitt vjaġġ tiegħu fl-Ingilterra, Friedrich Wilhelm IV sejjaħlu lura Berlin biex isir Maestro di Cappella. Ir-re Prussjan kellu l-pjan grandjuż li jagħmel 'l Berlin il-belt kapitali tal-arti fil-pajjiżi li kienu jitkellmu l-Ġermaniż. It-tama ta' Mendelssohn kienet li jirriforma l-Akkademja Rjali tal-Arti u t-tmexxija tal-kor tal-katidral.

Minkejja li inħatar bħala Direttur Ġeneral tal-Mużika tal-Prussja fil-ħarifa tal-1842, il-pjanijiet ambizzjużi tiegħu kienu opposti u reżistiti minn ħafna nħawi. Għalhekk, ma waqafx mill-attivitajiet l-oħra u baqa' jagħti l-kunċerti fil-Gewandhaus. Fl-1842 mar l-Ingilterra għas-seba' darba flimkien ma' martu u hemm iddiriġa is-sinfonija Skoċċiża. Kompla fl-impieg sal-1845 u kkompona l-mużika ta' akkompanjament għal Antigone, Oedipus Coloneus, Athalie u l-mużika għal Ħolma ta' lejl sajfi.

L-aħħar snin f'Leipzig

immodifika
 
2 Goldschmidt Straße, Leipzig, madwar 1900, fejn Mendelssohn għex u miet

Fl-1843 Mendelssohn waqqaf konservatorju f'Leipzig - l-ewwel Akkademja tal-Mużika fil-Ġermanja - li nfetaħ fit-3 ta' April fil-bini tal-Gewandhaus. Fl-istess sena nħatar ċittadin onorarju tal-belt ta' Leipzig. Fl-1844 mexxa sitt kunċerti filarmoniċi f'Londra u ddiriġa wkoll il-"Ħolma ta' lejl Sajfi". Mar lura Berlin f'Settembru, iżda ma setax jikkonvinċi r-re li jħollu mir-responsabbiltajiet ibsin li kellu.

Wara żjara qasira fi Frankfurt, f'Settembru tal-1845, Mendelssohn mar lura Leipzig, u reġa' ħa l-impjieg li kellu qabel fl-Gewandhaus u kien jgħallem regolarment fil-Konservatorju. Iddedika ruħu prinċipalment għat-tieni oratorju kbir tiegħu, Elias, li ndaqq għall-ewwel darba fis-26 Awissu 1846 fil-Festival ta' Birmingham. Ix-xogħol tiegħu intlaqa' bl-entużjażmu, u wara li mar lura Leipzig, kompla jaħdem bħas-soltu, imma kien jidher ċar li saħħtu kienet marret għall-agħr serjament. Fl-1847 Mendelssohn ivvaġġja għall-għaxar u l-aħħar darba għall-Ingilterra biex imexxi Elias f'Exeter Hall, f'Manchester u f'Birmingham.

Meta mar lura ħa xokk kbir bil-mewt ta' oħtu Fanny fl-14 ta' Mejju. Imbagħad irrtira mill-ħajja pubblika u għadda xi xhur vaganzi fl-Iżvizzera u n-Nofsinhar tal-Ġermanja. Fl-Leipzig fid-9 t'Ottubru tagħtu l-ewwel puplesija. Wara t-tieni attakk fil-25 Ottubru u fit-3 ta' Novembru, intilef minn sensieh u miet fl-4 ta' Novembru fid-9 u 24 minuta ta' fil-għaxija. Għex u miet fid-dar 12 Königsstraße (illum Goldschmidtstraße) f'Leipzig li issa hi mużew imsejjaħ Mendelssohn-Haus.

Mendelssohn indifen fiċ-Ċimiterju tat-Trinità f'Berlin-Kreuzberg, maġenb oħtu Fanny u membri oħra tal-familja.

Felix Mendelssohn Bartholdy u l-posterità

immodifika

Katalgi tax-xogħlijiet

immodifika

Ix-xogħlijiet tal-kompożitur huma ddokumentati tajjeb f'żewġ katalgi. Hemm katalgu tal-1882 li jelenka 350 kompożizzjoni. Fis-26 Awissu 2009, direttorju xjentifiku ġdid li fih 750 kompożizzjoni f'26 grupp ġie ppubblikat mill-Mendelssohn-Forschungsstelle tal-Akkademja tax-Xjenzi tas-Sassonja. Din fih wkoll il-manuskritti u x-xogħlijiet stampati ta' Mendelssohn Bartholdy. F'appendiċi, id-direttorju jagħti xogħlijiet li hemm dubju fuq l-awtur tagħhom, u jsemmi l-adattamenti tiegħu tax-xogħlijiet barranin[3].

Monumenti u tifkiriet

immodifika
 
Il-monument quddiem il-Gewandhaus f'Leipzig, madwar 1900
  • Statwa maħduma minn Hermann Heinrich Howaldt fuq id-disinn ta' Werner Stein, tqegħdet quddiem il-Gewandhaus f'Leipzig fis-26 ta' Mejju 1892. Fil-lejl ta' 9-10 ta' Novembru 1936, tneħħiet minn hemm min-Nażisti waqt li s-sindku ta' Leipzig, Carl Goerdeler kien barra l-pajjiż u x'aktarx imdewwbet matul il-Tieni Gwerra Dinjija. Fit-18 ta' Ottubru 2008 kopja eżatta tagħha tqegħdet quddiem Thomaskirche (Knisja ta' San Tumas).
  • Fil-muniċipju ta' Amburgu hemm ritratt ta' Mendelssohn-Bartholdy fir-riljev fuq waħda mill-kolonni ta' unur tar-Rathausdiele li ilu hemm mill-1897. Ir-riljev tnaħħa min-Nażisti imma wara l-gwerra ġie restawrat u tqiegħed lura f'postu.
  • F'Amburgu fl-1997, 150 sena mill-mewt ta' Felix Mendelssohn Bartholdy, tqiegħdu żewġ plakek fir-riljev bir-ritratti tiegħu u ta' oħtu Fanny Hensel f'park żgħir fit-triq Ludwig-Erhardt, mhux 'il bogħod mid-dar fejn twieldu, 14 Michaelisstr, li nqerdet fil-gwerra.
  • Fil-Mendelssohn-Bartholdy-Park f'Berlin, qrib Platz Potsdamer, hemm ġebla kommemorattiva. Il-park kien mfassal minn Helmut Preuss (1961-1967). Fuq il-ġebla, maħduma minn Ivo Breuker, hemm ritratt ta' Mendelssohn fir-riljev.
  • Fl-2000, is-Soċjetà Mendelssohn ta' Berlin, qiegħdu bust tal-kompożitur fl-istazzjon tal-U-Bahnhof, Mendelssohn-Bartholdy-Park.
  • Fl-20 ta' Marzu 2002, is-Sindku ta' Berlin, Klaus Wowereit, kixef il-plakka kommemorattiva għal Fanny Hensel u Felix Mendelssohn Bartholdy fil-Bini tal-Kunsill Federali Ġermaniż f'Leipziger Strasse, li darba kien id-dar tal-Familja Mendelssohn. Din tqegħdet hemm fuq l-inizjattiva tas-Socjetà Mendelssohn.

Il-premju Felix Mendelssohn ta' Berlin

immodifika

Il-premju Felix Mendelssohn-Bartholdy, imsemmi għall-kompożitur u organizzat mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali Prussjan f'Berlin huwa l-eqdem premju Ġermaniż għall-mużika klassika.

Il-premju Mendelssohn ta' Leipzig

immodifika

Il-premju Mendelssohn ta' Leipzig[4] twaqqaf fis-sena 2007 u jingħata mill-Fondazzjoni Felix Mendelssohn Bartholdy fil-Gewandhaus ta' Leipzig. Jingħata fi tliet kategoriji: mużika, arti viżwali u r-responsabbiltà soċjali. Din il-klassifikazzjoni tfakkar id-diversità kreattiva ta' Mendelssohn, it-talenti qawwijin diversi li kellu u x-xogħol tiegħu bla għeda għall-progress soċjali. Felix Mendelssohn Bartholdy, spikka mhux biss bħala mużiċista u artista, iżda għall-impatt soċjali tiegħu għal valuri estetiċi u politiċi għolja.

Il-premju onorarju jingħata lill-individwi li juru l-aktar interess fil-ħidma u l-ispirtu ta' Mendelssohn bill-ħsieb li juri li l-ħidma tagħhom hi appoġġata u apprezzata.

L-istatwa tal-bronż li tiġi ppreżentata mal-premju hi mmudellata fuq l-istatwa ta' Mendelssohn li tqegħdet quddiem il-Gewandhaus ta' Leipzig fl-1993, maħluqa minn Jo Jastram u maħduma fil-funderija ta' Marc Krepp f'Berlin. Il-figura tiżen 3,400 gramma.

Il-Maestro Kurt Masur kien l-ewwel rebbieħ fl-2007 fil-kategorija tal-Mużika. Kien l-għeluq it-80 sena tas-surmast, li kien ta servizz kbir minn kmieni f'żogħżitu għall-mużika u x-xogħlijiet ta' Felix Mendelssohn Bartholdy u kien l-ewwel li rrekordja diski ta' ħafna mill-komposizzjonijiet ta' Mendelssohn.

Fl-2008 il-premju Mendelssohn ingħata lill-vjolinista Anne-Sophie Mutter (Kategorija Mużika) u lill-filosfu Peter Sloterdijk (Kategorija Responsabbiltà Soċjali).

Fl-2009 il-premju Mendelssohn ingħata lill-kanċillier Helmut Schmidt (Kategorija Responsabbiltà Soċjali), lill-attur u pittur Armin Mueller-Stahl (Kategorija Arti Viżwali) u lis-surmast tal-orkestra tal-Gewandhaus Riccardo Chailly (Kategorija Mużika).

 
Bolla tad-Deutsche Bundespost (Posta Ġermaniża), (1959) maħruġa f'għeluq il-150 sena mit-twelid ta' Mendelssohn
 
Bolla tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1997) maħruġa f'għeluq il-150 sena mill-mewt ta' Mendelssohn
 
Bolla tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (2009) maħruġa f'għeluq il-200 sena mit-twelid ta' Mendelssohn

Tixwix anti-semitiku

immodifika

Wara mewtu Mendelssohn kien il-vittma tal-propaganda kontra l-Lhud. Bdiet minn Richard Wagner bil-librett tiegħu "Il-Ġudaiżmu fil-mużika", l-ewwel darba fl-1850, tliet snin wara l-mewt ta' Mendelssohn, u mbagħad għal darb'oħra fl-1869 meta reġa' deher. Billi Wagner fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tat-tieni darba kien diġà kompożitur influwenti, il-fehmiet tiegħu wasslu għal nuqqas ta' rispett għall-mużika ta' Mendelssohn fit-tieni nofs tas-seklu 19. Minħabba Wagner l-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet ta' Mendelssohn kienet ipprojbita għal kollox fit-Tielet Reich. Il-kompożituri Ġermaniż intalbu li jiktbu mużikz alternattiva għall-Ħolma ta' lejl sajfi.

Xogħlijiet Ewlenin

immodifika

Sinfoniji

immodifika
  • Tnax-il Sinfonija għal orkestra tal-kordi (1821-1825)
  • Sinfonija nru 1 fid-Do minuri, op. 11 (1824)
  • Sinfonija nru 2 fis-Si bemoll maġġuri Innu ta' tifħir, op. 52 (1840)
  • Sinfonija nru 3 fil-La minuri Skoċċiża, op. 56 (1842)
  • Sinfonija nru 4 fil-La maġġuri Taljana, op. 90 (1833)
  • Sinfonija nru 5 fir-Re maġġuri Ir-riforma, op. 107 (1832)

Kunċerti

immodifika
  • Kunċert għal pjanu u kordi fil-La minuri (1822)
  • Kunċert għal vjolin u kordi fir-Re minuri (1822)
  • Kunċert għal żewġ pjani fil-Mi maġġuri (1823)
  • Kunċert għal pjanu, vjolin u kordi fir-Re minuri (1823)
  • Kunċert għal żewġ pjani fil-La bemoll maġġuri (1824)
  • Kunċert għal pjanu nru 1, op. 25 (1831)
  • Kunċert għal pjanu nru 2, op. 40 (1837)
  • Kunċert għal vjolin u orkestra fil-Mi minuri, op. 64 (1844)

Xogħol sinfoniku ieħor

immodifika
  • Ħolma ta' lejl sajfi, ouverture, op. 21 (1826), u musica di scena, op. 61 (1843)
  • Ouverture L-Ebridi, op. 26 (1830 - 1832)
  • Ouverture Baħar kalm u vjaġg hieni, op.27 (1828)
  • Ouverture Is-sabiħa Melusina, op. 32 (1834)
  • Ouverture Ruy Blas, op. 95 (1839)

Oratorji

immodifika
  • Paulus, op. 36 (1834-1836)
  • Elias, op. 70 (1845-1847)

Mużika Reliġjuża

immodifika
  • Salm 42, op. 42, Wie der Hirsch schreit.
  • Lass o Herr, op. 98.
  • Ave Maria, op. 23.2, għal kor imħallat bi 8 vuċijiet u soloisti SSAATTBB.
  • Lauda Sion, op. 73 (1837). Sekwenza tal-festa ta' Corpus, fuq test ta' San Tumas ta' Akwinu.
  • Verleih und Frieden gnädiglich, fuq test ta' Luteru.

Musica da Camera

immodifika
  • Ottett għall-kordi fil-Mi bemoll maġġuri, op. 20 (1825)
  • Kwintett għall-kordi nru 1 fil-La maġġuri, op. 18
  • Kwintett għall-kordi nru 2 fis-Si maġġuri, op. 67
  • Kwintett à kordi (1827 - 1847)
    • Kwartett fil-La minuri op. 13]]
    • Kwartett fil-Mi bemoll maġġuri op. 12
    • Kwartett fir-Re maġġuri op. 44 nru 1
    • Kwartett fil-Mi minuri op. 44 nru 2
    • Kwartett fil-Mi bemoll maġġuri op. 44 nru 3
    • Kwartett fil-Fa minuri op. 80
  • Triju għal pjanu nru 1 fir-Re minuri, op. 49
  • Triju għal pjanu nru 2 fid-Do minuri, op. 66
  • Sonata għal vjolinċell u pjanu nru 1 fis-Si b maġġuri, op. 45
  • Sonata għal vjolinċell u pjanu nru 2 fir-Re maġġuri, op. 58
  • Sonata għal vjolin u pjanu fil-Fa minuri u l-Fa maġġuri, op. 4
  • Sonati (1821, 1826, 1827)
  • Rumanzi bla kliem għal pjanu (1829 - 1845), fosthom
    • L-għanja tar-rebbiegħa (Frühlingslied), op. 62-6 (1842)
  • Andante u Rondo capriccioso, op. 14 (1830)
  • Varjazzjonijiet serji, op. 54 (1841)
  • Preludju u fuga, fid-Do minuri op. 37/1
  • Preludju u fuga, fir-Re minuri op. 37/3
  • Preludju u fuga, fuq Sol maġġuri op. 37/2
  • Biċċiet żgħar (6) għall-orgni op. S52
  • Fantasija, fis-Sol minuri op. S53
  • Wie gross ist des Allmacht'gen Gute, Korali-Preludju u 3 varjazzjonijiet op. S54
  • Biċċiet żgħar (2) għall-orgni op. S55
  • Fuga, fil-Mi minuri op. S56
  • Fuga, fil-Fa minuri op. S57
  • Preludju, fid-Do minuri op. S58
  • Biċċiet żgħar (4) għall-orgni op. S59
  • Biċċiet (2) għall-orgni op. S60
  • Korali, fil-La bemoll maġġuri op. S61
  • Allegro, fis-Si maġġuri op. S62
  • Andante alla marcia, fis-Si maġġuri op. S63
  • Andante sostenuto, fir-Re maġġuri op. S64
  • Sonata nru 1, fil-Fa minuri/fa maġġuri op. 65/1
  • Sonata nru 2, fid-Do minuri/do maġġuri op. 65/2
  • Sonata nru 3, fil-La maġġuri op. 65/3
  • Sonata nru 4, fis-Si bemoll maġġuri op. 65/4
  • Sonata nru 5, fir-Re maġġuri op. 65/5
  • Sonata nru 6, fir-Re minuri/re maġġuri op. 65/6
  • Fuga, fis-Si maġġuri op. S65
  • Korali, fir-Re maġġuri op. S66

Noti u referenzi

immodifika
  1. ^ F'ittra lill Ignaz Moscheles, 7 Frar 1834. Felix Moscheles (ed.):Ittri ta' Felix Mendelssohn-Bartholdy lil Ignaz u Charlotte Moscheles Sändig, Nendeln, 1976, ISBN 3-500-30220-3 <Repr Leipzig 1888>
  2. ^ Otto Biba :Mendelssohn u Haydn fi: Musikblätter der Wiener Philharmoniker (2009), Ħarġa 9, paġna 351
  3. ^ [1]
  4. ^ [2]] Leipziger Mendelssohn-Preis

Ħoloq esterni

immodifika