Dun Mikiel Xerri
Dun Mikiel Xerri (Ħaż-Żebbuġ, 29 Settembru 1737 - 17 Jannar 1799) kien patrijott Malti. Xerri studja f'diversi universitajiet fl-Ewropa. Għex taħt il-Kavallieri ta' Malta fl-aħħar tal-ħakma tagħhom f'Malta u taħt il-Franċiżi meta nvadew il-Gżejjer Maltin. Kien imdaħħal f'rewwixta kontra l-ħakma Franċiża taħt Napuljun Bonaparte li għaliha, ma nies oħrajn, ġie iffuċillat fis-17 ta' Jannar 1799 fl-età ta' 61 sena.
Dun Mikiel Xerri | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Ħaż-Żebbuġ, 29 Settembru 1737 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | Valletta, 17 Jannar 1799 |
Kawża tal-mewt | (ferita b'tir ta' arma tan-nar) |
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Università ta' Napli Federico II Università ta’ Montpellier |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | saċerdot |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Sfond storiku u l-eżekuzzjoni
immodifikaF'Ġunju tal-1798, il-forzi Franċiżi taħt Napuljun Bonaparte invadew il-gżejjer li sa dak iż-żmien kienu taħt il-ħakma tal-Kavalieri ta' Malta, li kienet qiegħda ssir dejjem iżjed ħarxa. Għall-ewwel, in-nies aċċettaw il-bidla għax ittamaw li kien hemm il-possibbiltà ta' gvern aħjar. Però, wara ftit xhur, il-forzi Franċiżi neħħew id-drittijiet kollha tan-Nobbiltà Maltija u daru kontra l-Knisja. Irrabjati bis-serq sfaċċat mill-knejjes u bil-kriżi finanzjara li bħala qatt ma kienu raw qabel, fit-2 ta' Settembru, 1798 qamu kontra l-gwarniġjun Franċiż fl-Imdina. Malajr il-gżejjer sabu ruħhom fi stat ta' rewwixta sħiħa, u l-Maltin waqqfu Assemblea Nazzjonali. Il-forzi Franċiżi irtiraw lejn il-bliet imdawrin bis-swar madwar il-Port il-Kbir, waqt li l-Maltin talbu l-għajnuna mir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet u l-Gran Brittanja.
Matul l-imblokk tal-bliet, mijiet ta' nies mietu bil-ġuħ u l-faqar. Xi wħud fil-fortizzi għalhekk iddeċidew li jirriskjaw ħajjithom biex jirriżolvu s-sitwazzjoni, u dawn kienu mmexxija minn Xerri. Il-Maltin fasslu attakk fuq il-forżi Franċiżi fil-belt Valletta u l-Kottonera, imma l-forzi Franċiżi semgħu bil-komplott. Fost id-49 ruħ li nkixfu fl-investigazzjoni ta' wara, kien hemm Dun Mikiel Xerri.
Filgħodu fis-17 ta' Jannar, 1799, l-arċisqof ta' Malta, Labini żar lil Xerri u lil sħabu. Il-priġunieri ttieħdu mill-Forti ta' Sant'Elmu għall-Pjazza tal-Palazz, fejn platun suldati kien qiegħed jistennihom. Fi triqthom lejn il-pjazza, Dun Mikiel lil sħabu għamillhom il-qalb, u meta waslu talab ftit minuti biex ikellimhom. Wara t-talb għall-maħfra ta' dnubiethom, Xerri ta arloġġ tal-fidda lill-uffiċjali responsabbli u talbu biex jisparalu f'qalbu. Imbagħad dar fuq il-folla fil-pjazza u mal-oħrajn għajjat "Il-Mulej ikollu ħniena minna! Viva Malta!" Wara li ġew iffuċillati fil-pjazza ttieħdu għall-kappella ta' Santu Rokku. Il-parti kbira minnhom indifnu fil-ġenb tal-knisja ta' San Pupulju fil-Furjana.