Dun Karm Psaila
Dun Karm Psaila (Ħaż-Żebbuġ, 18 t'Ottubru 1871 – Valletta, 13 t'Ottubru 1961), magħruf sempliċiment bħala Dun Karm, kien wieħed mill-aqwa poeta Malti ta' kull żmien, u huwa rikonoxxut bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta. Huwa kiteb l-innu nazzjonali ta' Malta magħruf bħala l-Innu Malti fl-1945. Sakemm kellu 40 sena huwa kiteb biss bit-Taljan u l-poeżija tiegħu bit-Taljan kienet ukoll ta' livell għoli u ssemmiet b'tifħir mill-kontemporanji tiegħu.
Dun Karm Psaila | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Ħaż-Żebbuġ, 18 Ottubru 1871 |
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta |
Mewt | Valletta, 13 Ottubru 1961 |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Lingwi |
Taljan Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
poeta kittieb saċerdot Kattoliku |
Premjijiet |
Saċerdot u Għalliem
immodifikaFl-1885 daħal fis-Seminarju Minuri u tliet snin wara f’dak Maġġuri sabiex jibda t-triq tas-Saċerdozju. Dun Karm studja l-Filosofija fl-1888 u t-Teoloġija fl-1890 fl-Università ta' Malta. Dun Karm ġie ordnat qassis ta' 23 sena fl-1894.
Taħt il-bixra serja tiegħu bis-suttana twila u sewda hemm bniedem li baqa’ tifel: ċajtier u ferrieħi. Fis-seminarju baqa' jilgħab il-ballun kif kien jagħmel meta kien għadu tifel. Fil-ħin tal-mistrieħ kien joqgħod idoqq il-mandolina u jieħu sehem f’reċti fuq il-palk. Il-karattru ferrieħi tiegħu kien jagħmlu ħabib ta’ kulħadd. Hekk ukoll baqa' wara li sar qassis.
Bejn l-1895 u l-1921 għallem bosta suġġetti fis-Seminarju, fosthom it-Taljan, il-Latin, l-Ingliż, l-Aritmetika, il-Ġeografija, il-Kożmografija, l-Istorja tal-Knisja u l-Arkeoloġija Kristjana. Fl-1921 ġie nominat Kanonku Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral. Fl-istess sena inħatar Assistent Librar fil-Librerija Nazzjonali u sentejn wara direttur tal-Libreriji Ċirkolanti, pożizzjoni li żamm sa meta rtira fl-1936.
Fl-1940 Dun Karm sar l-ewwel direttur spiritwali tal-Leġjun ta’ Marija. Kien ukoll ħabib tas-saċerdot qaddis Dun Ġorġ Preca. Meta f’nofs is-snin erbgħin Preca kellu l-ħsieb li s-Soċjetà tal-Mużew ikollha skola ddedikata lil San Mikiel, talab lil Dun Karm jiktiblu innu għat-tfal ta’ din l-iskola. Imma qabelxejn qallu x’kienu l-prinċipji li fuqhom riedha tkun mibnija din l-iskola, jiġifieri d-dixxiplina, l-imħabba, il-ferħ u li kollox isir f’ħinu u f’waqtu. Dun Karm ikkuntentah u kitiblu tliet strofi sempliċi fuq mużika tal-Maestro Ġużè Abela Scolaro.
Il-Belt, Tas-Sliema u Ħaż-Żebbuġ
immodifikaBejn l-1894 u l-1910 hu kien joqgħod fis-Seminarju fejn kien jgħallem. Fl-1917 hu u sħabu kollha l-professuri li kienu jgħallmu fis-Seminarju kellhom iħallu l-kamra personali tagħhom li fiha kienu jgħixu u jorqdu. Mar joqgħod f’dar numru 51, Triq l-Ifran, il-Belt, fejn għex għal 26 sena sħaħ. F’dan iż-żmien il-poeta għadda minn solitudni kbira, imbiegħed mir-raħal, minn ħutu u minn sħabu. Kien iħossu “midfun ħaj” f’din id-dar.
Fl-1936 telaq mill-Belt u mar joqgħod Tas-Sliema. Bejn Ġunju tal-1940 u Mejju tal-1945 minħabba l-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija, Dun Karm telaq mid-dar ta’ Tas-Sliema u niżel f’raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ. Dun Karm għex l-aħħar parti ta' ħajtu f'Tas-Sliema. Fis-17 ta’ Ġunju, 1961, Dun Karm telaq minn daru f’Tas-Sliema u daħal l-isptar tax-xjuħ tal-Blue Sisters. Fit-13 ta’ Ottubru, 1961, Dun Karm miet fl-4.00 ta' filgħodu. fl-età ta’ 90 sena neqsin biss ħamest ijiem. Nhar il-Ħadd, 15 t’Ottubru, 1961, sar il-funeral fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u ndifen f’kappella mibnija apposta għalih fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù, f'raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ.
Poeta
immodifikaQabel l-1912, meta kien għadu student, Dun Karm kiteb biss bit-Taljan. L-ewwel poeżija ippubblikata magħrufha tiegħu hi, La Dignita Episcopale (1889). Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, Foglie d’alloro, ġabra ta’ sebgħa u tletin poeżija li kiteb bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu. Wara ppubblika wkoll Versi (1903), kollezzjoni oħra ta' poeżiji bit-Taljan. Huwa beda sunett li qatt ma temm miktub lid-dittatur Taljan Benito Mussolini.
Jibda jikteb bil-Malti
immodifikaHuwa kompla jikteb bit-Taljan sal-1912 meta wara laqgħa li kellu ma’ Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi beda jikteb bil-Malti fil-perjodiku “Il-Ħabib”. L-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti kienet “Quddiem Xbieha tal-Madonna”, waħda mill-isbaħ. Dun Karm innifsu jirrakkonta hekk:
"Għodwa waħda, fl-1912, żewġt iħbieb tiegħi Monsinjur Pawlu Galea u Ġużè Muscat Azzopardi, iltaqgħu miegħi u ħajruni niktbilhom xi poeżija sabiħa għall-ewwel ħarġa ta’ rivista ġdida li kienu se jibdew jippubblikaw bil-Malti, jismu Il-Ħabib. U dakinhar filgħaxija mort id-dar u quddiem xbieha tal-Madonna tlabt: “Għażiża ommi għidli inti x’għandi nikteb, jiena nixtieq nibda b’poeżija miktuba għalik.” Dak il-ħin stess qomt bil-ħeffa u niżżilt dak li ħassejt fil-poeżija Quddiem Xbieha tal-Madonna."
F’Mejju, 1914, dehret l-ewwel ġabra ta’ 15-il poeżija bil-Malti ta’ Dun Karm bl-isem ta’ L-ewwel ward jew Ġemgħa tal-poeżijiet li ktibt bil-Malti fis-Sensiela tal-Mogħdija taż-Żmien (għadd 140) li kien jippubblika Alfons Marija Galea. F’Settembru 1920 ħareġ ġabra ta’ 25 poeżija oħra, biex juri kemm l-ilsien Malti meta mħaddem tajjeb, mhu xejn inqas minn ilsna oħrajn. Dan il-ktieb jismu Ward ieħor jew Ġabra oħra ta’ poeżijiet bil-Malti u kien iddedikah lil ommu li kienet mietet fl-1909. Fis-sena 1921 kiteb il-poeżija Lil ħuti Maltin biex ifakkar l-għoti tal-Kostituzzjoni, li iżda xxandret fl-1939 minħabba li l-poeta ma riedx jiċċappas mal-preġudizzji politiċi ta’ dak iż-żmien.
Temi fil-Poeżiji ta' Dun Karm
immodifikaFil-poeżiji tiegħu, Dun Karm kien jesprimi ruħu l-aktar f'mumenti ta' solitudni, li dejjem kienu akkumpanjati b'sens ta' spiritwalità. Il-poeżija tiegħu tixhed ħafna l-ħajja fl-irħula u tiddeskrivi wkoll il-kampanja u l-ambjent rurali ta' żmienu. Fi kliemu Dun Karm jirnexxielu joħroġ il-kultura Maltija bit-tradizzjonijiet tagħha u l-identità tal-Maltin flimkien mal-kultura letterarja bbażata l-aktar fuq ir-romantiċiżmu Taljan.
L-ewwel xogħlijiet tiegħu bit-Taljan jixhdu żgħożija ta' sliem u kalma; wara l-mewt ta' ommu beda jgħix fis-solitudni. Meta ddeċieda li jibda juża l-Malti biex jesprimi ruħu, esplora poetikament l-istorja ta' Malta biex jikkonferma l-kultura u l-identità nazzjonali. Fl-istess ħin, uħud mill-isbaħ poeżiji tiegħu juru vjaġġ interjuri fl-esperjenzi u s-sentimenti tal-poeta. B'hekk irnexxielu jgħaqqad kemm li jħoss hu u l-esperjenzi tiegħu flimkien ma' dawk ta' pajjiżu u niesu. Dun Karm iħares kemm lejn in-naħa personali kif ukoll dik nazzjonali tal-poeżiji tiegħu minn għajn reliġjuża ħafna. Il-kriżi spiritwali f'Il-Jien u lil hinn Minnu hi analizzata b'mod universali għall-bniedem, li tagħti dawl fuq l-eżistenza tal-bniedem u tinsisti fuq il-misteru tar-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem, ħlief għall-fatt li l-bniedem jaċċetta b'mod sħiħ il-qawwa moħbija ta' dan Alla.
Traduzzjonijiet tal-poeżiji tiegħu
immodifikaA.J. Arberry qaleb madwar 37 poeżija ta' Dun Karm għall-Ingliż. Ġużè Delia qaleb Il-Vjatku għall-Ispanjol u Laurent Ropa qaleb Il-Jien u lil hinn Minnu għall-Franċiż, Karmenu Mallia qaleb 'Il-Jien u Lilhinn Minnu' u 'Il-Musbieħ tal-Mużew' flimkien ma' poeżiji żgħar oħra, fosthom l-Innu Malti u s-sunett: 'Lil Mikiel Anton Vassalli', fl-Esperanto. Yevgeniy Vitkovskiy (Евгений Владимирович Витковский) qaleb 'Ħerba', 'Kewkbet is-Safar', u 'Wied Qirda' għar-Russu ukoll Vladislav Rezvij (Владислав Александрович Резвый) qaleb 'Roma Immortalis' għar-Russu.
Innijiet Reliġjużi
immodifika- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Innijiet ta' Dun Karm Psaila.
Dawn huma wħud mill-innijiet l-aktar magħrufa ta' Dun Karm Psaila:
- Innu Ewkaristiku (T’Adoriam Ostia Divina)
- L-Innu ta' Filgħodu
- L-Innu ta' Filgħaxija
- Innu lill-Madonna (Fil-Ħlewwa ta' Mejju)
- Innu tal-Kungress Marjan (Ismagħha l-Għanja)
- Innu lill-Qalb ta' Ġesù (Tina l-Ħlewwa)
- Innu tal-Papa (Għalxejn l-għedewwa jridu...)
- Għedtilna Kelma
L-Innu Malti
immodifikaFl-1920, Dr. A.V. Laferla, id-direttur tal-edukazzjoni, talab lil Dun Karm biex jikkomponi xi versi għal biċċa mużika tal-Mro. Robert Samut. L-innu li ħareġ kien l-Innu Malti, li ndaqq għall-ewwel darba fl-1923. Fl-1941 dan l-innu ġie rikonoxxut bħala l-Innu uffiċjali ta' Malta u riaffermat t'hekk anki fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964.
“ | Lil din l-Art ħelwa, l-Omm li tatna isimha, Ħares Mulej, kif dejjem Int ħarist; Agħti kbir Alla, id-deh'n lil min jaħkimha, |
” |
Rumanz u Dizzjunarju
immodifikaIl-kitbiet ta' Dun Karm jinkludu traduzzjoni ta' rumanz Żewġ Anġli: Ineż u Emilja (maqlub għall-Malti fl-1934 mir-rumanz Taljan Gli angeli del Perdono ta' Domenico Caprile).
Minbarra dawn, kiteb ukoll xi xogħlijiet kritiċi.Kiteb ukoll dizzjunarju bejn l-1947 u l-1955 fi tliet volumi, Dizzjunarju Ingliż u Malti. Kiteb ukoll poeżija waħda bl-Esperanto: 'Penso Printempa' (Ħsieb għar-Rebbiegħa) fl-1 t'April 1901.
Għarfien u unuri
immodifikaFl-1921 ukoll, Dun Karm kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u mal-mewt ta' Ġużè Muscat Azzopardi fl-1927, ġie elett president tal-Għaqda u mbagħad editur tal-organu uffiċjali, Il-Malti. Kompla f'din il-pożizzjoni sal-1941 fejn ġie nominat president onorarju għal ħajtu ta' din l-Għaqda.
Bħala rikonoxximent għall-kontribut tiegħu fil-letteratura Maltija, ingħata d-Dottorat fil-Letteratura (honoris causa) mir-Royal University of Malta fl-1945 - l-ewwel darba li l-Università tat dan l-unur lil xi ħadd. Sena wara ġie mogħti il-midalja tad-deheb Ġużè Muscat Azzopardi.
Ir-Reġina Eliżabetta II iddekoratu bit-titlu ta' Kmandant tal-Ordni tal-Imperu Ingliż fl-1956. Fl-1957, il-Gvern Malti tah pensjoni ex-gratia bħala rikonoxximent tas-servizzi tiegħu fil-letteratura Maltija. Matul ħajtu ġie wkoll onorat bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta.
Fl-1957, A.J. Arberry, Professur tal-Għarbi, f'Pembroke College, Cambridge, mar iżur lil Dun Karm f'daru u kiteb hekk fl-antoloġija tiegħu, Dun Karm Poet of Malta:
- "Meta ltqajt ma' Dun Karm kien għadu kif għalaq is-sebgħa u tmenin sena. Sibtu, raġel xiħ u fraġli, iżda xorta waħda bil-kmand totali tal-fakultajiet mentali tiegħu. Liebes is-suttana tal-qassis, bil-kurċifiss fuq sidru, ta' impressjoni qawwija tal-vera umiltà Kristjana... Offrieli tazza inbid u tkellimna ta' ħbieb għal aktar minn siegħa... Kien dehrli dak iż-żmien... li dan kien poeta ta' iktar minn importanza lokali, l-arti tiegħu u l-messaġġ tiegħu iridu jilħqu lid-dinja, fejn vera kien jistħoqilhom... Sirt aktar konvint tal-kobor tiegħu."[1]
Kritika
immodifikaFil-ktieb Dun Karm: bejn il-Vatikan, id-Duċe u l-Kuruna (1993), il-kittieb Mario Azzopardi jistaqsi għaliex Dun Karm baqa' sieket quddiem il-miżerja tal-Maltin, liema tbatija kitbu u nbagħdu għaliha John Marks, Manwel Dimech u Juann Mamo. Mario Azzopardi kkontesta bil-qawwa r-reputazzjoni ta' Dun Karm fuq il-bażi li l-poeta-saċerdot dejjem ħeba d-destin tal-fqar u l-ispossessati fi żmien meta dawn kienu jgħixu f'miżerja kbira. Minflok, Dun Karm irromantiċizza lir-raħħala u lill-bdiewa b'sentimenti folkloristiċi li kienu jgiddbu r-realtà, filwaqt li kien kontra s-sinjali tal-progress, bħal meta kiteb biex iċanfar 'lin-nisa tal-belt. Kontroversja oħra li ġieli nqalgħet dwar Dun Karm hi dwar l-Innu Malti, li għandu versi li jitkellemu dwar "is-sid" u "l-ħakkiem" u jitlobhom biex ikollhom "ħniena" mill-ħaddiema.
Kronoloġija ta' ħajtu
immodifika• 1871 (18 ta’ Ottubru) Twieled Ħaż-Żebbuġ • ommu Lunzjata Pisani u missieru Filippu kienu t-tnejn Żebbuġin u bdiewa • missieru għadda ħajtu jbaħħar; DK intrabat aktar ma’ ommu
• 1875 - kelb tah qatgħa li ħallietu werċ minn għajn waħda
• 1892 - miet missieru
• 1894 - sar qassis; fl-istess sena beda jgħallem fis-seminarju (fejn dam 26 sena)
• 1896 - ħareġ l-ewwel ktieb ta’ poeżiji bit-Taljan Foglie d’alloro
• 1909 - mietet ommu - kriżi kbira għal DK
• 1910 - DK sfurzat jgħix waħdu u mhux iktar fis-seminarju
• 1912 - kiteb l-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti Quddiem Xbieha tal-Madonna; imħajjar minn Ġuże` Muscat Azzopardi u Mons. Pawl Galea
• 1914 - bl-għajnuna ta’ Alfons M. Galea ħareġ l-ewwel ktieb ta’ poeżiji bil-Malti L-Ewwel Ward
• 1921 - beda jaħdem fil-Biblijoteka Pubblika
• 1927 - intgħażel bħala t-tieni President ta’ l-GĦaqda tal-Kittieba tal-Malti, kariga li żammha sal-1940
• 1935 - Laurent Ropa sejjaħlu għall-ewwel darba “poeta nazzjonali”
• 1936 - ħareġ bil-pensjoni; imqabbad mill-Gvern biex jagħmel dizzjunarju mill-Ingliż għall-Malti, li temmu fl-1955
• 1938 - kiteb l-aqwa poeżija tiegħu Il-Jien u Lilhinn Minnu
• 1940 - Ġuże` Bonnici ħareġ tliet volumi bil-poeżiji ta’ DK
• 1961 - l-Universita` ta’ Cambridge ħarġet Dun Karm Poet of Malta, ktieb tal-Profs. A.J.Arberry, Professur tal-Għarbi
• 1961 (13 ta’ Ottubru) - DK miet fl-Isptar tal-Blue Sisters
• 1980 - Oliver Friggieri ħareġ il-poeżiji kollha bil-Malti ta’ DK f’edizzjoni kritika
• 2007 - Oliver Friggieri ħareġ il-poeżiji kollha bit-Taljan li sab ta’ DK
Poeżiji
immodifika- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Poeżiji ta' Dun Karm Psaila.
Dawn huma wħud mill-poeżiji l-aktar magħrufa ta' Dun Karm Psaila:
- Għaliex?
- Lil Mikiel Anton Vassalli
- Lill-Kanarin Tiegħi (1915)
- Il-Vjatku (1915)
- Quddiem Xbieha tal-Madonna (1912)
- Innu Ewkaristiku (1913) (aqra)
- Lil Ħuti l-Maltin (1921) (aqra)
- Lil Ġannina Pisani (1937) (aqra)
- Lill-Madonna tal-Karmnu" (1954) (aqra)
- Il-Jien u lil hinn Minnu
- Il-Musbieħ tal-Mużew (1920)
- Il-Għanja tar-Rebħa
- Żjara lil Ġesù
- Univers Ieħor
- Ġunju
- Lil Malta
Poeżiji oħra:
- Sema ieħor ma tafx għajr il-wiċċ t'ommha
- Dejjem safi bla nikta ta' ħajbura.
- Anqas xemx oħra ħlief tbissimet fommha
- Li tieħu ta' kull dawl il-lewn u s-sura.
- Kwiekeb tnejn biss, u hemm ħarsitha żżommha;
- Meta f'ħoġorha tqigħedha l-omm għajjura;
- U waqt li l-għonq taqbdilha jew il-komma,
- Tiġbed minn sider bnin l-ogħna matmura.
- Tar-regħba tal-bnedmin m'għandha ebda ħabar,
- Anqas taf kif id-dmugħ minnhom jinxtara,
- 'L ommha biss taf, hemm l-univers jinġabar.
- U minn dak l-univers ta' tjieba u dija
- Li jiddi ħelu fuq il-wiċċ ta' mara
- Alla jixref u jidħak lit-tarbija.
Ara wkoll
immodifika- Tajjeb Innijiet ta' Dun Karm Psaila
Referenzi
immodifika- ^ (EN) Dun Karm Psaila, Test meħud minn: "In 1957 [...] "When I met Dun Karm he had recently entered upon his eighty-seventh year. I found him, a frail old man, but still in full possession of his great mental faculties. Wearing the soutane of the priesthood, with the crucifix on his breast, he made a powerful impression of true Christian humility... He offered me a glass of wine and we conversed amiably for over an hour... It seemed to me then... that this was a poet of more than local importance, his art and his message must reach the world, to which they truly belonged... I became increasingly convinced of his greatness"."