St. Michael School
L-iskola St. Michael hija skola sekondarja mmexxija mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M. u tinsab fi Triq il-Kanun, Santa Venera. Twaqqfet fl-1946 minn Toni Agius, magħruf bħala s-Sur Agius, li dak iż-żmien kien jaħdem bħala fitter fit-Tarzna. Illum din l-iskola tilqa' fiha 375 student subien ġejjin minn diversi lokalitajiet f'Malta. L-Iskola għandha tliet klassijiet f'kull Form, b'kollox 15-il klassi.
Storja
immodifikaDun Ġorġ
immodifikaIs-Soċjetà tal-MUSEUM għal ħafna snin għenet lil ħafna tfal f'dik li hi skola. Dun Ġorġ Preca "dejjem xtaq li s-soċji jkunu jgħallmu fl-iskejjel." Iżda sal-1946 qatt ma kellha skola tagħha. Wieħed jista’ jgħid li ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-edukazzjoni f’Malta ma kinetx milħuqa minn dawk kollha li xtaqu jistudjaw. L-edukazzjoni sekondarja f’Malta ma kinetx obbligatorja bħalma hi llum u dak iż-żmien kien hemm biss Liċeo wieħed u xi ftit skejjel sekondarji tal-Knisja. L-iskop ta’ dawn l-iskejjel kien li jipprepara lill-istudenti għall-eżami tal-GCE ta’ Londra jew ta’ Oxford. F'dak iż-żmien kien hemm skola teknika fil-Kottonera mmexxija mill-Freres ta’ De La Salle u kienet probabbilment din l-iskola li imbuttat lis-soċju Toni Agius li jibda l-Iskola St. Michael, bl-iskop li jipprepara tfal subien għall-eżami tal-apprentistat tat-Tarzna. Fl-1946, Toni Agius li dak iż-żmien kien jaħdem bħala fitter fit-Tarzna mar ikellem lil Dun Ġorġ fuq it-taraġ tal-Knisja ta' San Gejtanu u qallu:
“ Sinjur, nhar it-Tnejn, f’Villa Violette, se niftħu skola b’għalliema kollha kemm huma tal-Mużew. ”
Dun Ġorġ feraħ ħafna u talbu jinżel għarkupptejh ħa jbierku. Nhar l-4 ta' Novembru 1946, l-ewwel Surmast tal-Iskola Toni Agius, mgħejjun l-iktar mill-Assistent Superjur Ġenerali Karmenu Callus, laqa' l-ewwel studenti fl-iskola St Michael li fil-bidu kienet f’dar jisimha Villa Violette, il-Marsa.
Iżda erba’ snin wara, fl-1951 is-Soċjetà akkwistat biċċa art kbira fl-inħawi ta’ Fleur-de-Lys. Jeżisti filmat black and white li juri lil Dun Ġorġ ibierek l-art fejn kellha tinbena l-iskola. Il-Perit Ġużè D’Amato ħejja l-pjanti tal-bini u l-eżekuzzjoni tal-proġett tħalliet f'idejn Ġużi Sultana. Nhar id-19 ta’ Mejju 1951, Dun Ġorġ imdawwar mis-soċji, għalliema u tfal, bierek l-ewwel ġebla tal-iskola u talab b’dal-kliem:
“ Missier Etern, ħares lejn il-wiċċ venerabbli ta’ Ibnek Ġesu Kristu u tpaxxa bih, u bierek għall-merti tiegħu dil-ġebla, biex l-iskola titla’ bil-barka tiegħek u joħroġ ġid spiritwali u temporali, u kull min jidħol fiha jkun oġġett tal-ħniena tiegħek. O Verġni Mbierka, bierek issa din l-art li fuqha se tinbena l-iskola għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-erwieħ. San Ġużepp, noffrulek is-safa ta’ qalbek biex titfa’ ħarsa fuq l-art li fuqha se tinbena l-iskola li aħna, b’gost kbir ta’ qalbna, niddedikaw il San Mikiel Arkanġlu. ”
Ta' din l-okkażjoni jeżisti filmat super 8 mm film ta' Dun Ġorġ, l-uniku wieħed bil-kulur. Dan il-filmat intwera diversi drabi fuq TVM.
Xahrejn u nofs wara, nhar il-5 t'Awissu saret funzjoni iktar solenni. It-tberik sar mill-Arċisqof Gonzi u kien hemm preżenti l-Priministru Ġorġ Borg Olivier.
Dun Ġorġ baqa' jinteressa ruħu fil-bini tal-iskola u kien imur sikwit. Kien jgħid li kienet "l-għaxqa ta' qalbu". Fl-aħħar snin ta' ħajtu rari kien iqaddes barra minn daru imma fl-Iskola St Michael kien jaċċetta li jqaddes fiha bil-qalb.
Snin Tmenin u Disgħin
immodifikaFl-1977, is-Soċjetà tal-MUSEUM ħatret Bord tad-Diretturi biex jgħin lis-Sur Agius fit-tmexxija tal-Iskola. U kien fil-bidu tas-snin 80 li s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija ħasbet li tinvesti ħafna fl-iskola. Il-bini għadda minn żvilupp strutturali estensiv; inbnew iżjed klassijiet flimkien mal-bini tat-tieni sular u gym, u sala fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-iskola. Inbnew ukoll laboratorji tax-xjenza u tal-kompjuter u ngħatat importanza ġdida lill-arti kreattiva u 'l-isports.
Nhar id-29 ta' Marzu 1989 is-Sur Agius, fundatur tal-Iskola, miet fl-Isptar San Luqa. Jumejn wara sar il-funeral tiegħu fl-Awditorjum tad-Dar Ġenerali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda. It-tieni surmast tal-iskola kien is-Sur Raymond D'Amato miż-Żurrieq, li għadu jservi f'dil-kariga sal-lum.
Sal-1995 l-istudenti kienu jidħlu fl-Iskola b'eżami apposta. Mis-sena skolastika 1996/97 l-istudenti bdew jidħlu bl-eżami tal-Common Entrance sakemm dan spiċċa fis-sena 2011.
Illum
immodifikaIllum il-ġurnata ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-bini tat-tielet sular għadu kif tlesta, biex jilqa’ fih faċilitajiet ġodda li jmorru ma' dak li jitlob il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.
Sal-2005 l-impjegati tal-Iskola riedu jkunu kollha soċji rġiel tal-MUSEUM. Illum dan jgħodd biss għat-Tim Amministrattiv, għalkemm fl-2010 minn tletin għalliem nofshom huma soċji tal-MUSEUM. L-Iskola timpjega wkoll magħha 15-il LSA (Learning Support Assistants). Ħames soċji li kienu għalliema f'St. Michael illum huma missjunarji tas-Soċjetà tal-MUSEUM f'pajjiżi oħra, fl-Albanija, fil-Peru, fil-Kenja, u fil-Polonja.
San Mikiel Arkanġlu: Il-Qaddis Patrun tal-Iskola
immodifikaDun Ġorġ Preca kien devot kbir tal-Arkanġlu San Mikiel. Huwa għażlu bħala d-Difensur tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Fil-bidu ta' kull laqgħa tagħhom, is-soċji jagħtuh qima b'talba msejħa s-Salve Sancte Michael, li qabel kienet titkanta bil-Latin: "Sliem għalik O Qawwi San Mikiel, Int tħarisna f'kull tiġrib. Lill-anġli t'Alla kull ġieħ u glorja għax lilu jaqdu u jagħtu qima, kull ġieħ u glorja."
Kuljum fl-Iskola St Michael, wara l-brejk ta' nofsinhar l-istudenti jitolbu t-talba lil San Mikiel. Din it-talba kienet inkitbet u xterdet mill-Papa Ljun XIII fl-1886 immedjatament wara viżjoni terribli li jingħad li kellu hekk kif spiċċa l-quddiesa. Fl-1930, il-Papa Piju XI kien ordna li t-talba lil San Mikiel tingħad b'intenzjoni speċjali, għall-konverżjoni tar-Russja. It-talba kienet tingħad fl-aħħar ta' kull quddiesa. Fir-riforma tal-Liturgija ta' wara l-Konċilju Vatikan II, matul il-Pontifikat ta' Pawlu VI, ir-reċitazzjoni tat-talba ta' Papa Ljun tneħħiet mill-quddiesa.
“ San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa' bil-qawwa tiegħek fil-qiegħ ta' l-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien ta' l-erwieħ. ”
L-Innu tal-Iskola
immodifikaDun Ġorġ Preca kien talab lill-poeta magħruf Dun Karm biex jiktiblu innu għall-iskola u kien qallu l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-iskola. Dun Karm kiteb "Innu tal-Iskola San Mikiel". Il-mużika ġiet komposta minm Mro. Joseph Abela Scolaro.
Aħna tfal u ngħaddu żmienna
Bejn l-iskola u bejn id-dar
Ħajja ħelwa, ħajja sbejħa
Minn dil-ħajja mhemmx aħjar.
Rit:
Ma ddejjaqna l-ebda ħidma
Ma jbeżżagħna l-ebda xkiel
Taħt il-ħarsa ta’ Marija
Taħt is-sejf ta’ San Mikiel.
Ġo l-iskola min jgħallimna
Sa fil-kelma jrid il-qies
U tad-dar dawk li jħobbuna
Ta’ drawwietna jqiegħdu s-sies. Rit.
Għalhekk aħna tfal qalbiena
Nafu nżewqu dan iż-żmien
Waqt ix-xogħol ġabra dehnija
Waqt is-serħ ferħ kullimkien. Rit.
L-Emblema tal-Iskola
immodifikaL-Emblema tal-Iskola għandha sfond griż bħall-uniformi tal-istudenti. Għandha l-ittra "M" kbira u ħamra, għal Michael, imdaħħla fi trijangolu isfar.
Eks-studenti tal-Iskola
immodifikaSportivi
immodifika- Steve Camilleri, atleta.
- Andrew Cohen, plejer tal-futbol mat-team nazzjonali.
- Mark Herrera, atleta.
- Bjorn Kristensen, plejer tal-futbol mat-team nazzjonali.
- Matthew Calleja Cremona, plejer tal-futbol mat-team nazzjonali Under 21.
Xjenzati
immodifika- Adrian Attard Trevisan, newroxjenzat
Mużiċisti
immodifika- Manolito Galea, kantant u kompożitur.
- Steve Farrugia, drummer ta' Airport Impressions
Atturi
immodifika- Fabian Scerri de Carlo
- David Chircop
- Arthur Tonna, impersonator ta' Freddie Mercury
Televixin
immodifika- Owen Bonnici, preżentatur
Politiċi
immodifika- Joe Abela, Deputat Parlamentari (1996-1998)
- Lorry Sant, Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi (1962-1992)
- Salvu Sant, Deputat Parlamentari (1987-1996)
- Ivan Bartolo, Deputat Parlamentari (2017-)