Darren Barr Fletcher (twieled fl-1 ta' Frar 1984) huwa eks-plejer tal-futbol Skoċċiż li attwalment ikopri l-irwol ta' direttur tekniku ma' Manchester United, li magħhom qatta' l-maġġoranza tal-karriera tiegħu.

Darren Fletcher
Informazzjoni personali
Isem sħiħDarren Barr Fletcher
Twelid1 ta' Frar 1984 (1984-02-01) (40 sena)
EdinburguSkozja
Tul1.83 m
RwolMidfilder
Informazzjoni fuq il-klabb
Klabb attwaliManchester United (direttur tekniku)
Mixtliet
1995–2003Manchester United
Karriera professjonali
SninKlabb
2003–2015Manchester United
2015–2017West Bromwich Albion
2017–2019Stoke City
Tim nazzjonali
2003–2017Skozja

Karriera immodifika

Fletcher ingħaqad ma' Manchester United f'Lulju tas-sena 2000 u ffirma l-ewwel kuntratt professjonali fi Frar tal-2001. Għall-bidu kien jilgħab fuq in-naħa leminija ta' nofs il-grawnd fl-istess pożizzjoni ta' David Beckham, u ħafna kienu dawk li raw li l-opportunitajiet ta' Fletcher mal-ewwel tim kienu se jiżdiedu u li se se jinfiltra faċilment mal-ewwel tim faċilment u jibqa' hemmhekk għal ħafna snin.[1] L-ewwel ftit staġuni mal-klabb, però, kienu deludenti fejn qatta' numru ta' żmien barra minħabba uġigħ li sofra, waqt li sadanittant beda jiżviluppa aktar bħala midfilder ċentrali.

Kien fl-istaġun 2003–04 li Fletcher żblokka mat-tim ta' Manchester United, fejn lagħab numru ta' partiti importanti, fost l-oħrajn fil-finali tal-FA Cup kontra Millwall f'Mejju tal-2004.[2]

Minkejja numru żgħir ta' dehriet kompetittivi fil-bidu tal-kampanja 2004–05, għal darb'oħra Fletcher sab ruħu mill-ġdid fiss mal-ewwel tim. Fl-1 ta' Jannar 2005, Fletcher skorja l-ewwel gowl tiegħu fuq livell ta' klabb, fir-rebħa ta' 2–0 fuq Middlesbrough.

Fletcher kien wieħed mill-plejers li ġew ikkritikati mill-kaptan tal-klabb Roy Keane wara t-telfa imbarazzanti ta' 4–1 li United sofrew kontra Middlesbrough f'Ottubru tal-2005[3] Fletcher irrisponda għal din il-kritika permezz ta' prestazzjoni tajba fil-partita vitali tal-kampjonat kontra Chelsea, fejn skorja l-unika gowl tal-konfront permezz ta' daqqa ta' ras. Dan il-gowl temm l-erbgħin logħba ta' imbattibilità li Chelsea għamlu fil-Premier League.

Fl-istaġun 2006–07, hu baqa' l-ewwel għażla mal-ewwel tim fil-bidu tal-istaġun u skorja fir-rebħa barra minn darhom kontra Charlton Athletic, kif ukoll gowl b'daqqa ta' ras kontra Middlesbrough f'Diċembru u gowl ieħor bir-ras kontra Charlton fi Frar, biex b'hekk skorja darbtejn kontra dan il-klabb f'dan l-istaġun. Hekk kif l-istaġun kompla, Alex Ferguson ipprefera il-kwartet ta' nofs il-grawnd ta' Cristiano Ronaldo, Paul Scholes, Michael Carrick u Ryan Giggs, fejn illimita lil Fletcher għal apparenzi bħala sostitut. Però, minħabba s-sospensjoni ta' Paul Scholes, hu beda mal-ewwel tim fir-rebħa kbira ta' 7–1 ta' United kontra Roma fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League.

Fl-istaġun 2007–08, bil-wasla ta' Owen Hargreaves, Anderson u Nani li kollha jkopru l-irwol ta' nofs il-grawnd, Fletcher sabha bi tqila biex jilgħab iktar mill-istaġun preċedenti, u kien hemm għajdut li seta' jħalli lill-klabb minħabba li ma kienx qed jilgħab biżżejjed. Fil-fatt, bħall-qabel, Ferguson baqa' jippreferi lil Carrick, Scholes, Giggs u Ronaldo f'nofs il-grawnd, u hu wkoll lagħab inqas mill-plejers il-ġodda.

Fi Frar tal-2008, Fletcher beda mal-ewwel ħdax fil-partita kontra Arsenal, fil-ħames rawnd tal-FA Cup, fejn hu skorja darbtejn biex United eliminaw lil Arsenal mill-kompetizzjoni. Fl-istaġun il-ġdid 2008–09, hu skorja kontra Newcastle United fil-partita tal-ftuħ tal-kampjonat biex kiseb pari importanti ta' 1–1 għal United. Fletcher skorja t-tieni gowl tiegħu fil-partita suċċessiva kontra Portsmouth. Dan il-gowl kien il-gowl tar-rebħa għal Manchester United. Fit-3 ta' Ottubru 2008, Fletcher iffirma estenzjoni tal-kuntratt ma' United, fejn b'hekk se jżommu mal-klabb sal-2012.[4] It-tielet gowl tal-istaġun wasal kontra Everton fil-25 ta' Ottubru, waqt li fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs 2008 daħal bħala sostitut fis-semifinali kontra Gamba Osaka u skorja r-raba' gowl fir-rebħa ta' 5–3. Fit-tieni leg tas-semifinali tal-UEFA Champions League kontra l-Arsenal ta' nhar il-5 ta' Mejju 2009, Fletcher ġie muri l-karta l-ħamra u b'hekk se jitlef il-finali tal-kompetizzjoni. Minkejja li m'hemm l-ebda proċedura biex wieħed jappella għal karti ħomor fiċ-Champions League,[5] Manchester United bagħtu nhar is-7 ta' Mejju 2009, appell lill-UEFA biex il-karta l-ħamra tiġi mneħħija,[6] liema appell ġie sussegwentament miċħud mill-UEFA.[7]

L-istaġun 2009–10 ra lil Fletcher jikkonsolida postu qalb nofs il-grawnd tal-United, fejn beda fi kważi kull partita. L-ewwel gowls tal-istaġun waslu fl-ewwel derby ta' Manchester tal-istaġun, fir-rebħa memorabbli ta' 4–3, fejn ħalla l-marka tiegħu b'permezz ta' doppjetta. Għal din il-prestazzjoni, hu ngħata l-Plejer tal-Partita tal-Barclays.[8]

Internazzjonali immodifika

Fletcher stabilixxa ruħu bħala plejer regulari mat-tim Skoċċiż u l-ewwel gowl nazzjonali wasal fi-rrebħa ta' 1–0 kontra l-Litwanja wara li kien għadu kif daħal bħala sostitut waqt it-tieni apparenza tiegħu. Fis-26 ta' Mejju 2004, hu kien kaptan tal-Iskozja fir-rebħa ta' 1–0 waqt logħba ta' ħbiberija kontra l-Estonja f'Tallinn. Din għamlitu l-iżgħar kaptan tal-Iskozja minn meta John Lambie ta' Queen's Park mexxa lit-tim li rebaħ lill-Irlanda 7–2 fl-20 ta' Marzu 1886. Lambie kien biss 17-il sena u 92 ġurnata.[9]

Il-progress ta' Fletcher mat-tim nazzjonali kien immarkat permezz ta' gowl f'Ottubru tal-2005 minn 25 metru fil-fażi ta' kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Islovenja. Fletcher hu preżentament il-viċi-kaptan tal-Iskozja, fejn jieħu post tal-kaptan regulari Barry Ferguson meta jkun assenti. Hu kien kaptan tat-tim għal tliet darbiet.

Unuri immodifika

Klabb immodifika

Manchester United

Nazzjonal immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ "Fletcher is ready to fill Beckham's boots" (bl-Ingliż). ESPN Soccernet. 2000-07-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-10-06. Miġbur 2008-04-13.
  2. ^ "Man Utd win FA Cup" (bl-Ingliż). BBC. 2004-05-22.
  3. ^ "Keane gagged by United after TV attack on players" (bl-Ingliż). Guardian. 2005-11-01.
  4. ^ "Scholes & Fletcher sign new deals" (bl-Ingliż). BBC Sports. 2008-10-03. Miġbur 2008-10-27.
  5. ^ "UEFA rule out reprieve for heart-broken Fletcher" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2009-05-07. Miġbur 2009-05-07.
  6. ^ "United Lodge Fletcher Appeal" (bl-Ingliż). Sky Sports. 2009-05-07. Miġbur 2009-05-07.
  7. ^ "Fletcher appeal rejected" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-05-11. Miġbur 2009-05-11.
  8. ^ "Man Utd 4-3 Man City" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-09-20. Miġbur 2009-09-20.
  9. ^ "Sat 20 Mar 1886 Ireland 2 Scotland 7" (bl-Ingliż). Miġbur 2006-11-27.

Ħoloq esterni immodifika