Chamaerops
Il-ġeneru Chamaerops jiġbor fih pjanti li jwarrdu mill-familja Arecaceae. [1] Dan il-ġeneru fih speċi waħda biss, ix-Chamaerops humilis L., [1] li bil-Malti jisimha l-Ġummar Safrani u European Fan Palm jew Mediterranean Dwarf Palm bl-Ingliż.[2][3] Din il-palma hija waħda mill-aktar palm li jifilħu għall-kesħa u tintuża fit-tisbiħ tal-art fil-pajjiżi tat-tramuntana. [4] [5]
Chamaerops | |
---|---|
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Renju | Plantae |
Ordni | Arecales |
Familja | Arecaceae |
Sottofamilja | Coryphoideae |
ġeneru | Chamaerops Linnaeus, 1753
|
Tassonomija
immodifikaMinbarra l-isem aċċettat tax-Chamaerops humilis, hemm bosta ismijiet sinonimi li tqegħdu taħt dan l-isem. [6] Il-Ġeneru Chamaerops huwa relatat mill-qrib mal-ġeneru Trachycarpus. [7] Il-ġeneru Trachycarpus huwa differenti mill-ġeneru Chamerops għax jikber b'zokk wieħed biss mingħar bgħula, z-zkuk tal-weraq m'għandhomx xewk bħal tax-Chamaerops u hemm differenzi żgħar fl-anatomija tal-fjuri.[8]
Sottospeċi
immodifikaBħala sottospeċi tax-Chamerops humilis, hemm żewġ varjetajiet aċċettati: [9]
- Chamaerops humilis var. argentea (Anon.) André – "Atlas mountains palm" mill-Majjistral tal-Afrika. B'weraq ta' lewn aħdar fil-blu.[10]
- Chamaerops humilis var. humilis – tinstab fl-Lbiċ tal-Ewropa. Għandha weraq aħdar.[11]
Hemm ukoll bosta varjetajiet ornamentali fosthom: ix-C. humilis var. humilis 'Nana', ix-C. humilis 'Vulcano', u ix-C. humilis 'Stella'.[1][11][12][13] Dawn huma differenti morfoloġikament mix-Chamaerops humilis li tikber fis-selvaġġ.[1][13] Pereżempju, ix-C. humilis 'Vulcano' għandha forma kompatta, bla xewk u b'weraq fiddieni, li m'għandux kulur qawwi daqs tal-var. argentea.[13][10] Fiilwaqt li l-weraq tal-'Vulcano' għandhom tendenza li jkunu eħxen u l-pjanta hija aktar kabbarija mill-varjeta humilis u var. argentea.[1][13][10]
Deskrizzjoni
immodifikaIx-Chamaerops humilis hija palma li tikber f'forma ta arbuxell, b'diversi zkuk jikbru minn bażi waħda li minnha joħorġu għeruq ħoxnin taħt l-art. [2][14] Hi tipproduċi weraq tawwali forma ta' mrewħa li jkun iebes u iniggeż bil-ponta, kif ukoll l-għonq tal-werqa li jkun inwaħħal maz-zokk prinċipali jkollu x-xewk fuq kull naħa.[3][15]
Il-pjanta tikber bil-mod ħafna fejn eventwalment tilħaq tul ta' bejn 2–5 metru (10-20 pied), b'diametru ta' 20–25 ċm (8-10 pulzieri).[16]
Il-weraq għandu forma ta' mrewħa li jkun maqsum f'10-20 fuljett għal kull werqa.[17] Kull werqa jaf jkollha tul ta' 1.5 m (5 piedi), bil-fuljetti jkollhom tul ta' 50–80 ċm-il wieħed (20-30 fi). [18]
L-għonq tal-werqa huwa armat b'bosta xewk li jaqta', bħall-labra; dawn jipproteġu l-punt tat-tkabbir taz-zokk mir-ragħa tal-annimali.[19]
L-inflorexxenza tiżviluppa fuq għenuq qosra 'l fuq nett taz-zokk taħt il-weraq prinċipali.[2] Il-pjanti ġeneralment, jkollhom fjuri maskili u femminili fuq pjanti separati għalkemm instabu pjanti b'kemm fjuri maskili kif ukoll femminili.[20] In-numru ta' fjuri f'kull inflorexxenza huwa varjabbli ħafna kemm għal pjanti maskili, kif ukoll femminili, li jiddependi skont id-daqs tal-fjoritura.[21] Il-fjuri femminili jkollhom tlett ovarji.[20] Il-Frott mhux misjur huwa aħdar jgħajjat, li jsir lewn isfar matt u eventwalment kannella, hekk kif jimmatura matul il-ħarifa bejn Settembru-Diċembru.[3][22][23] Iż-żerriegħa jkollha rimja f'forma ta' embrijun ċilindriku żgħir, li jkun mdawwar b'diversi saffi, minn ġewwa għal barra f'din l-ordni kif ġej:
- endosperma nutrittiva,
- endokarp wiesa' li huwa magħmul mill-injam,
- mesokarp imlaħħam u fibruż (il-polpa), u
- l-exokarp li huwa s-saff irqiq ta' barra; il-qoxra tal-frotta. [23]
Distribuzzjoni
immodifikaIx-Chamaerops humilis hija waħda miż-żewġ speċi tal-palm li huma indiġeni għall-Ewropa kontinentali, bl-oħra hija Phoenix theophrasti.[24] Tinstab prinċipalment fil-Lbiċ tal-Ewropa, fuq il-kosta tan-nofsinhar ta' Spanja u l-Portugall, fin-Nofsinhar u ċ-ċentru tal-Italja, partijiet tal-kosta Mediterranea ta` Franza u Monako, fil-gżejjer ta' Malta, Sqallija, Sardinja, Korsika u l-Gżejjer Baleariċi.[1][13] Kif ukoll fl-Afrika ta ' fuq, fil-Marokk, fl-Alġerija u fit-Tuneżija .[1][13] Hija waħda mill-aktar palm li tikber fit-Tramuntana tal-Ewropa u b'mod naturali fid-dinja, bl-aktar palma li tikber b'mod naturali tinstab f'Genova, l-Italja, f'44°N. [25] Għalkemm ma tikbirx b'mod naturali 'l bogħod mit-Tramuntana tal-Mediterran, Chamaerops humilis xorta titkabbar fl-ortikoltura fit-Tramuntana, saħansitra sal-Ingilterra.[26] Għalkemm bit-tisħin globali l-firxa tax-Chamaerops humilis se tiżdied l-aktar lejn it-tramuntana tal-Mediterran fil-futur.[27]
Fil-Gżejjer Maltin, ix-Chamaerops humilis hija frekwenti f'ġonna pubbliċi storiċi, fosthom l-Argotti u fil-ġonna ta' San Anton.[28] Din il-pjanta hija rari ħafna fis-selvaġġ minħabba li sal-bidu tas-seklu għoxrin ħafna individwi kienu nqalgħu sabiex jinżraw fil-ġonna.[29] Fil-fatt, din l-ispeċi hija mnizzla fir-Red Data Book tal-Gżejjer Maltin bħala speċi mhedda fl-ambjent naturali tagħha u hija protetta bil-ligi.[2][30] Għalkemm illum il-ġurnata din l-ispeċi ta' palma xi kultant tinstab f'postijiet adattati fejn l-abitat jkun ġie rresstawrat. [22]
Kultivazzjoni
immodifikaChamaerops humilis hija pjanta wżata ħafna fit-tisbiħ tal-art f'ħafna pajjiżi. Minħabba li hija tolleranti għan-nixfa ladarba tistabilixxi ruħha.[31] Kif ukoll tiflaħ għall-kesħa sa −12 °C (10 °F), iżda tippreferi Sjuf sħan.[31]
Varjeta` tax- Chamaerops humiilis b'weraq ta' lewn blu, li hija indiġena għal elevazzjonijiet għoljin tal-Muntanji Atlas, reċentament ġiet introdotta fil-kummerċ u hija aktar reżistenti għall-kesħa mill-forma ħadra. [10][31]
Ekoloġija
immodifikaChamaerops humilis għandha firxa wiesgħa f'art naturali fil-makkja u fix-xagħri ta' ħdejn il-baħar.[33] [34] Hija tiflaħ għan-nirien billi terga' itella mill-għeruq ta' taħt l-art u miz-zkuk li jkunu inħarqu.[35] Fatturi bħal dawn jagħmlu l-ispeċi ekoloġikament importanti fil-prevenzjoni tal-erożjoni u d-deżertifikazzjoni.[36] Kif ukoll sabiex jipprovdu kenn u ikel għal ħafna speċi ta’ annimali. Fosthom il-badgers, il-volpi u l-fniek.[32]
Chamaerops humilis twarrad fir-rebbiegħa, tipikament minn April sa Mejju. Din l-ispeċi tiddakkar kemm bir-riħ, kif ukoll permezz ta' insetti pollinaturi. Speċi waħda ta' bumunqar biss ta’ insett hija magħrufa li idakkarha, il- Derelomus chamaeropsis , mill-familja Curculionidae. [37] Din hija forma ta' relazzjoni fejn koppja ta' din l-ispeċi issir pjanta tajba għaliha fejn jsibu l-kenn, jbidu l-bajd u jieklu l-inflorexxenza sa tmiem it-twarrid[38]
Fi żmien it-twarrid, kemm il-pjanti maskili kif ukoll femminili tax-Chamaerops humilis jattiraw il-pollinaturi tagħhom billi jipproduċu kimika partikolari li tattira l-insetti, iżda karatteristika mhux tas-soltu hija li r-rwejjaħ tagħhom jkunu ġejjin mill-weraq, u mhux mill-fjuri. [39] Lejn l-aħħar tat-twarrid, il-bumunqar jħalli l-pjanta u jfittex pjanta oħra tax-Chamaerops humilis.[39]
L-iżvilupp tal-larva tal-bumunqar Derelomus chamaeropsis iseħħ fi ħdan l-għonq il-fjuri tal-pjanti maskili matul il-ħarifa u x-xitwa.[39] Fil-bidu tal-perjodu ta' inflorexxenza li jmiss, bumunqar adulti joħorġu minn zkuk niexfa u fraġli tal-inflorexxenza maskili tas-sena ta' qabel.[40] Dawk li jfaqqsu fil-pjanti femminili jmutu mingħajr ma jikkonkludu l-iżvilupp tagħhom.[40] Dan minħabba li x-C.humilis hija adattata sabiex tipprevjeni din l-ispeċi tal-bumunqar milli jeqred l-inflorexxenza femminili li eventwalment tagħmel iż-żerriegħa.[40]
Studji sabu li l-bumunqar ibid l-bajd fi ħdan l-inflorexxenza femminili, iżda hekk kif iż-żrieragħ jibdew jiżviluppaw, il-bajd jew larva jieqfu milli jkomplu jiżviluppaw.[40] Min-naħa l-oħra, l-inflorexxenza maskili jispiċċaw wara l-pollinazzjoni, għalhekk huwa vantaġġuż għall-bumunqar li jlestu ċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u kenn fil-fjuri maskili, u b'hekk jibqgħu disponibbli bħala dakkara meta joħorġu fl-istaġun ta' wara.[39][40]
Meta l-polpa tal-frotta tax-Chamaerops humilis tkun misjura, din għandha bosta funzjonijiet importanti.
- Meta tkun misjura, il-polpa għandha riħa qawwija ta' butir li mar[4] u b'hekk taġixxi bħala turija ta' ikel għal frugivori ta' bil-lejl, li ħafna minnhom huma mammiferi karnivori bħal l-badgers u l-volpijiet.[4]
- Il-polpa tipprevvjeni it-tfellis taż-żerriegħa u tiżgura li ż-żerriegħa ma tfellisx sakemm tkun imxerrda.[4]
- Il-polpa taġixxi wkoll bħala ostaklu kimiku jew fiżiku kontra l-predaturi taż-żerriegħa invertebrati, tipikament ħanfus, u b'mod partikolari l-bumunqar.[41]
Minħabba l-karatteristiċi tal-polpa, il-palma kemm tibbenefika kif ukoll tbati konsegwenzi ħżiena meta l-karnivori jieklu l-frotta u b'hekk ineħħu l-polpa.[4] Min-naħa l-oħra, ż-żrieragħ li jieklu l-karnivori, jfellsu aktar malajr minn żrieragħ li baqgħu fil-frotta.[42] Għalkemm iż-żrieragħ li jittieklu jiġu meqruda aktar ta' spiss minn pesti invertebrati milli miż-żrieragħ li ma ittieklux. [42] Madankollu, minħabba l-mobilità tal-karnivori, is-servizz tat-tixrid tagħhom huwa importanti immens għax-Chamaerops humilis, speċjalment minħabba li l-biċċa l-kbira tal-poplazzjonijiet ta' din l-ispeċi ta' palma fil-Mediterran huma sparpaljati u iżolati,filwaqt li l-ambjent naturali tagħhom qed isir dejjem aktar żviluppat.[4][43]
Il-fungus Coniothyrium palmarum li nstab assoċjat mat-tikek tal-weraq fuq il-Palma tat-Tamal (Phoenix dactylifera) fl-Indja u f'Ċipru, nstab ukoll fuq l-għenieqed ta' weraq mejtin tax-Chaemerops humilis fl-Italja. [44]
Użu tradizzjonali
immodifikaMinbarra l-benefiċċji materjali li din il-pjanta toffri lill-bniedem, ix-C.humilis għandha valur emozzjonali bħala komponent tipiku tax-xagħri u l-makkja fl-ambjent naturali matul il-kosta tal-Mediterran. [22][3]
Il-weraq ta' pjanti maturi jintużaw sabiex isiru xkupi u għall-insiġ ta' twapet, basktijiet tal-ġarr, u oġġetti simili.[45] Għal xogħol aħjar, il-weraq iż-żgħar li ma jkunux miftuħin jiġu trattati bil-kubrit biex jirtab u minnu jsir il-ħjut imsejħa fibra.[46]
Il-qoxra tal-frotta, magħrufa fin-Nofsinhar ta’ Spanja bħala “higa”, tittiekel qabel mal-frotta timmatura u ssir iebsa wisq biex tittiekel.[47] Minħabba t-togħma qarsa u l-kontenut għoli ta’ tannin li fiħ, il-frott ma jintużax biex jittiekel, iżda fil-mediċina tradizzjonali tintuża bħala astringenti.[47] [48]
Fil-mediċina tradizzjonali fil-Marokk, il-frott jitgħaffeġ u jintuża biex issir duwa kontra mard tal-fwied u d-dijabete. [49]
Konservazzjoni
immodifikaL-iżvilupp u attivitajiet oħra tal-bniedem qed jeqirdu l-abitat naturali b'rata mgħaġġla ta' din l-ispeċi, li qed jitqajjem tħassib dwar il-futur ta' din l-ispeċi ta' palma u l-ambjent tagħha.[50] Għaldaqstant, hemm żieda fil-motivazzjoni sabiex jsiru regolamenti li jipproteġu kemm l-ambjent fejn din tinstab, kif ukoll l-ispeċi li jikbru f'assoċċjazzoni magħha.[15]
Problema oħra rigward il-konservazzjoni ta' din l-ispeċi hija li fil-firxa naturali tagħha fit-Tramuntana, ix-Chamaerops humilis hija mhedda serjament minn speċi ta' kamla introdotta mill-Amerika t’Isfel bl-isem ta' Paysandisia archon.[51] Din il-palma hija affettwata ukoll mill-introduzzjoni ta' speċi ta' palm ornamentali relatat minħabba l-introduzzjoni ta' predaturi taż-żerriegħa ma' dan il-palm ornamentali bħal Coccotrypes dactyliperda u Dactylotrypes longicollis li jieklu iż-żerriegħa kemm tal-palm introdott kif ukoll tax-Chamaerops humilis. [52][53]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e f ġ "Chamaerops humilis L. | Plants of the World Online | Kew Science". Plants of the World Online (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-18.
- ^ a b ċ d Mifsud, S. (2007). Chamaerops humilis (Dwarf Fan Palm). maltawildplants.com.https://maltawildplants.com/AREC/Chamaerops_humilis.php Miġbur 18-09-2024
- ^ a b ċ d Baldacchino, Alfred E. (2018). Siġar Maltin- tagħrif, tnissil, ħarsien,għajdut (bil-Malti). Klabb Kotba Maltin.
- ^ a b ċ d e f Herrera, J. (1989). On the reproductive biology of the dwarf palm, Chamaerops humilis in southern Spain. Principes, 33(1), 27-32.
- ^ S. H. Jenkins (2 October 2013). Mediterranean Coastal Pollution: Proceedings of a Conference Held in Palma, Mallorca, 24-27 September, 1979. Elsevier. p. 489. ISBN 978-1-4831-5107-6.
- ^ "WFO Plant List | World Flora Online". wfoplantlist.org. Miġbur 2024-09-20.
- ^ García-Castaño, J. L.; Terrab, A.; Ortiz, M. Á.; Stuessy, T. F.; and Talavera, S. (2014) "Patterns of phylogeography and vicariance of Chamaerops humilis L. (Palmae)," Turkish Journal of Botany: Vol. 38: No. 6, Article 10. doi:https://doi.org/10.3906/bot-1404-38
- ^ "Trachycarpus fortunei in Flora of China @ efloras.org". www.efloras.org. Miġbur 2024-09-20.
- ^ "WFO Plant List | World Flora Online". wfoplantlist.org. Miġbur 2024-09-20.
- ^ a b ċ d "Chamaerops humilis var. argentea (Anon.) André | Plants of the World Online | Kew Science". Plants of the World Online (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-27.
- ^ a b "Chamaerops humilis var. humilis | Plants of the World Online | Kew Science". Plants of the World Online (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-27.
- ^ "Chamaerops humilis var. humilis &s;Nana&s; | /RHS". www.rhs.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-28.
- ^ a b ċ d e f "Chamaerops humilis 'Vulcano' dwarf fan palm 'Vulcano'". rhs.org.uk (bl-Ingliż). 2024. Miġbur 2024-09-20.
- ^ Hodel, D. R., Pittenger, D. R., & Downer, A. J. (2005). Palm root growth and implications for transplanting. journal of Arboriculture, 31(4), 171.
- ^ a b Giovino, A., Scibetta, S., Saia, S., Guarino,C. (2014). Genetic and morphologic diversity of European fan palm (Chamaerops humilis L.) populations from different environments from Sicily, Botanical Journal of the Linnean Society, Volume 176, Issue 1, September 2014, 66–81. doi:https://doi.org/10.1111/boj.12195
- ^ "European Fan Palm (Chamaerops humilis) Dimensions & Drawings | Dimensions.com". www.dimensions.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-22.
- ^ "Chamaerops humilis - Plant Finder". www.missouribotanicalgarden.org. Miġbur 2024-09-27.
- ^ "Chamaerops humilis (European Dwarf Fan Palm)". Gardenia Creating Gardens (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-27.
- ^ Göldel, B., Araujo, A.C. W., Kissling, D. Svenning, J.C. (2016). Impacts of large herbivores on spinescence and abundance of palms in the Pantanal, Brazil, Botanical Journal of the Linnean Society, Volume 182, Issue 2, 1 October 2016, 465–479. doi: https://doi.org/10.1111/boj.12420
- ^ a b ċ Dufay, M. (2010). Impact of plant flowering phenology on the cost/benefit balance in a nursery pollination mutualism, with honest males and cheating females. J Evol Biol 23, 977-86. doi:10.1111/j.1420-9101.2010.01968.x
- ^ M E Jácome-Flores, Delibes, M., Wiegand, T., Fedriani, J.M. (2018). Spatio-temporal arrangement of Chamaerops humilis inflorescences and occupancy patterns by its nursery pollinator, Derelomus chamaeropsis, Annals of Botany, Volume 121, Issue 3, 16 February 2018, 471–482. doi: https://doi.org/10.1093/aob/mcx177
- ^ a b ċ Calleja, Eman, J. (2018). Trees and Shrubs of the Maltese Islands and their Habitats (bl-Ingliż). Nature Trust - FEE Malta. pp. 44–49.
- ^ a b Hasnaoui, O., Bouazza, M., & Thinon, M. (2009). Kinetical germination study of the Chamaerops humilis L. var. argentea Andre (Arecaceae). Environmental Research Journal, 2009, Vol. 3, No. 2, 76-80 ref. 26. Retrieved from https://www.cabidigitallibrary.org/doi/full/10.5555/20103316924
- ^ Johnson, D.V.; Group, I.S.P.S (1996). Palms: Their Conservation and Sustained Utilization: Status Survey and Conservation Action Plan (bl-Ingliż). IUCN. ISBN 9782831703527.
- ^ Giovino, A., Scibetta, S., Bonari, G., Montagnani, C., Turcato, C., & Saia, S. (2014). Chamaerops humilis L.: Italian distribution and characterisation. In International Plant Science Conference from Nature to Technological Exploitations (pp. p-47).
- ^ "Chamaerops humilis". rhs.org.uk (bl-Ingliż). 2024. Miġbur 2024-09-21.
- ^ Harrison, P.A., Berry, P.M., Butt, N. and New, M.(2006). Modelling climate change impacts on species' distributions at the European scale: Implications for conservation policy, Environmental Science and Policy, 9(2),116-128. doi:https://doi.org/10.1016/j.envsci.2005.11.003
- ^ Mifsud, S. (1995). 'Palms on the Maltese islands', Principles,39(4),190-196.
- ^ Borg, J. (1927). Descriptive flora of the Maltese islands including the ferns and flowering plants. Malta Government Printing Office.
- ^ Schembri, P. J.; Sultana, J. (1989). Red Data Book for the Maltese Islands (bl-Ingliż). Malta: The Department of Information (ippubblikat Frar 1989).
- ^ a b ċ RHS A-Z encyclopedia of garden plants. United Kingdom: Dorling Kindersley. 2008. p. 1136. ISBN 978-1405332965.
- ^ a b Fedriani, J.M. and Delibes, M. (2011). Dangerous liaisons disperse the mediterranean dwarf palm: Fleshy-Pulp defensive role against seed predators', Ecology, 92(2), 304-315 doi: https://doi.org/10.1890/09-2194.1
- ^ Calleja, Eman, J. (2018). Trees and Shrubs of the Maltese Islands and their Habitats (bl-Ingliż). Nature Trust - FEE Malta. pp. 44–49.
- ^ Devillers-Terschuren, J. and Devilllers, P. (2001). Application and development of the Palearctic habitat classification in the course of the setting up of the Emerald Project: Malta, Council of Europe, Strasbourg.
- ^ "Postfire resprouting of Chamaerops humilis". Miġbur 2024-09-27.
- ^ González-García V, Garrote PJ, Fedriani JM. Unmasking the perching effect of the pioneer Mediterranean dwarf palm Chamaerops humilis L. PLoS One. 2022 Aug 23;17(8):e0273311. doi: 10.1371/journal.pone.0273311. PMID: 35998189; PMCID: PMC9398033
- ^ Anstett, M. C. (1999). An experimental study of the interaction between the dwarf palm (Chamaerops humilis) and its floral visitor Derelomus chamaeropsis throughout the life cycle of the weevil. Acta Oecologica, 20(5), 551-558. doi:https://doi.org/10.1016/S1146-609X(00)86622-9
- ^ Pat Willmer (25 July 2011). Pollination and Floral Ecology. Princeton University Press. pp. 565–. ISBN 978-0-691-12861-0.
- ^ a b ċ d Dufaÿ, M., Hossaert‐McKey, M., & Anstett, M. C. (2003). When leaves act like flowers: how dwarf palms attract their pollinators. Ecology letters, 6(1), 28-34. doi: 10.1046/j.1461-0248.2003.00382.x
- ^ a b ċ d e Dufaÿ, M., & Anstett, M. C. (2004). Cheating is not always punished: killer female plants and pollination by deceit in the dwarf palm Chamaerops humilis. Journal of Evolutionary Biology, 17(4), 862-868. doi: 10.1111/j.1420-9101.2004.00714.x
- ^ Rodriguez, M., Delibes, M., & Fedriani, J. M. (2014). Hierarchical levels of seed predation variation by introduced beetles on an endemic Mediterranean palm. PLoS One, 9(10), e109867.
- ^ a b Fedriani, J. M., & Delibes, M. (2011). Dangerous liaisons disperse the Mediterranean dwarf palm: fleshy‐pulp defensive role against seed predators. Ecology, 92(2), 304-315.
- ^ Acil, N. (2015). Changes in woody species richness along an urban-rural gradient in the semi-natural forest of Benslimane, Morocco. Forests and People: Investing in a Sustainable Future. Durban, South Africa, 1-12.
- ^ De Gruyter, J., Woudenberg, J. H. C., Aveskamp, M. M., Verkley, G. J. M., Groenewald, J. Z., & Crous, P. W. (2013). Redisposition of Phoma-like anamorphs in Pleosporales. Studies in Mycology, 75(1), 1-36.
- ^ "Chamaerops humilis - Useful Temperate Plants". temperate.theferns.info. Miġbur 2024-09-21.
- ^ Grich, A., Bouzid, T., Naboulsi, A., Regti, A., Tahiri, A. A., El Himri, M., & El Haddad, M. (2024). Preparation of low-cost activated carbon from Doum fiber (Chamaerops humilis) for the removal of methylene blue: Optimization process by DOE/FFD design, characterization, and mechanism. Journal of Molecular Structure, 1295, 136534. doi:https://doi.org/10.1016/j.molstruc.2023.136534
- ^ a b Gonçalves, S., Medronho, J., Moreira, E., Grosso, C., Andrade, P. B., Valentão, P., & Romano, A. (2018). Bioactive properties of Chamaerops humilis L.: antioxidant and enzyme inhibiting activities of extracts from leaves, seeds, pulp and peel. 3 Biotech, 8, 1-8. doi: 10.1007/s13205-018-1110-9
- ^ Merlo M.E., M.M. Aleman, J. Cabello, and J. Penas. 1993. On the Mediterranean Fan Palm (Chamaerops humilis). Principes 37: 151-8
- ^ El-Hilaly, J., Hmammouchi,M. and Lyoussi,B. (2003). Ethnobotanical studies and economic evaluation of medicinal plants in Taounate province (Northern Morocco),' Journal of Ethnopharmacology, 86(2),149-158. doi:10.1016/s0378-8741(03)00012-6
- ^ Giovino, A., Guarino, C., Marchese, A., Sciarillo, R., Domina, G., Tolone, M., Mateu-Andrés, I. Bouchaib K., Schillaci, C., Guara-Requena, M., Saia, S. (2023). Genetic variability of Chamaerops humilis (Arecaceae) throughout its native range highlights two species movement pathways from its area of origin, Botanical Journal of the Linnean Society, Volume 201, Issue 3, March 2023, 361–376. doi:https://doi.org/10.1093/botlinnean/boac053
- ^ Fazzini, Marco (2012). "Preferenza di ovideposizione in Paysandisia archon (Lepidoptera, Castniidae)". tesionline.it (bit-Taljan).
- ^ Comparini, C., Gallego, D., Closa, A. M., & Salord, M. D. M. L. (2018). First Record of Four Scolytid Species (Coleoptera: Curculionidae) in the Balearic Islands (Western Mediterranean; Spain). Journal of the Entomological Research Society, 20(2), 61-70. Retrieved from https://www.researchgate.net/publication/326625483_First_Record_of_Four_Scolytid_Species_Coleoptera_Curculionidae_in_the_Balearic_Islands_Western_Mediterranean_Spain
- ^ Rodriguez, M., Delibes, M., & Fedriani, J. M. (2014). Hierarchical levels of seed predation variation by introduced beetles on an endemic Mediterranean palm. PLoS One, 9(10), e109867. doi:https://doi.org/10.1371/journal.pone.0109867