Carmel Attard (Birkirkara, 20 ta' Novembru 1943 – 16 ta' Diċembru 1994) kien poeta Malti.

Carmel Attard
Ħajja
Twelid Birkirkara, 20 Novembru 1943
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 16 Diċembru 1994
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb

Tfulija u Żgħożija

immodifika

Kien it-tieni wild fost tlieta ta’ Emmanuel u Helen imwielda Sacco. Ħa l-edukazzjoni tiegħu l-ewwel għand is-sorijiet ta’ Triq Mnajjar f’Birkirkara, wara mar fl-Iskola Primarja tal-Gvern fl-istess raħal u spiċċa l-Liċeo tal-Ħamrun.

Huwa kien jattendi l-Mużew ta’ Ħal Balzan, għax dan kien aktar viċin id-dar fi Triq Brared mill-qasam tal-Mużew f’Birkirkara. Daħal soċju u għamel sakemm kellu 24 sena jgħallem id-duttrina.

Wara li spiċċa mill-iskola, kien għamel l-eżami u daħal skrivan mas-servizz ċivili. Kien ġie ppustjat taħt l-Electricity Board u kien assenjat jaqdi ħidmietu f’Birkirkara, r-Rabat, Tas-Sliema, fl-uffiċju prinċipali fil-Blata l-Bajda u finalment fil-Power Station fil-Marsa.

Carmel kien iħobb ħafna l-kitba bil-Malti. Kiteb il-poeżija, iżda aktar minn hekk, għexha. L-uġigħ tal-qalb mhux biss kiteb dwaru, iżda ġarrbu wkoll. Kien jikteb il-poeżija mingħajr ma jgħid lil ħadd. Ommu kienet tinduna li qed jikteb mhux għax kien jgħidilha hu. Fil-qilla tiegħu kontra dak li mhux sewwa, kien isib fil-poeżija qawwa kbira.

Taħt qillet xemxieti imsawwab fuq ġbini l-ilma kiesaħ.
Jirtira d-deni lejn il-qurriegha,
u titqiba ta’ labr’ oħra forgenina
w minn ġo demmi tibda dieħla saħħa ġdida.

Iżda Carmel qatt ma qata’ qalbu. Dara d-dinja bil-metodi konformisti tagħha mingħajr qatt ma ħass lilu nnifsu parti minnha. Qatt ma ried ikun parti mill-qerda ta’ l-ambjent u l-inġustizzja fuq iż-żgħir. Maż-żmien dara li jekk tkun leali lejn il-Mulej li ħalqek u lejn is-sewwa, il-hajja taf tagħtik biss xewk.

Issa li l-piż indara fuq spallejja
u idejja ma jinstelħux bil-ġbid tal-ħabel oħxon.

Il-marda li żaret lil Carmel kien imtabba’ bi stigma li biha s-soċjetà taf tittimbra lill-imġarrbin tagħha. Għax il-bniedem ma jitħalliex jgħix kif jixtieq fis-sewwa, ma jitħalliex ifisser dak li ma jaqbilx miegħu f’dinja li nsejħulha ħielsa, ma jitħalliex jesprimi t-tqanqil ta’ ħajtu jekk mhux konformi ma’ dak solitu, u toffri biss soluzzjoni waħda, il-mediċina.

Li tgħix mitt viżjoni
li tmut kull mument f’illuzjoni
mhix ħaġa tal-pirmli.

Li tħossok ġa tinten bil-moffa
u mewt goffa
mhix ħaġa tal-pirmli.

Li tħoss moħħ jixpakka
ġo ġisem bħal kaxxa
mhix ħaġa tal-pirmli.

Maż-żmien, Carmel ħareġ żewġ kotba bl-isem ta’ Taħt Qillet ix-Xemx u Il-Lampara. Kien jikteb ukoll xi esejs li dehru fuq xi ġurnali lokali. Ħafna aktar xogħol tiegħu baqa’ mhux ippubblikat u kien behsiebu joħroġ aktar kotba.

Kien membru f’diversi għaqdiet letterarji u fost oħrajn kien membru fil-kumitat tal-Moviment Qawmien Letterarju. F’gazzetta Libjana kien deher artiklu dwar il-poeżija tiegħu u anke kellu xogħol tradott fir-Russu.

Ħajja Personali

immodifika

Bħala karattru, Carmel kien bniedem fommu sieket u riservat. Ħafna drabi kien introvert, iżda fil-poeżija qatt ma beża’ jikteb dak li jħoss mingħajr ebda kantunieri. Kien raġel sensittiv ħafna u eccentriku bħal ħafna artisti oħrajn. Kien pacenzjuz u ġentili, iżda meta jara l-inġustizzja jisbel. Kien raġel li fejn jara min hu fil-bżonn, kien jgħin bla ma jaħsibha. Ġieli sab min abbuża mill-qalb tajba tiegħu ukoll.

Minbarra l-kitba, Carmel kien iħobb ukoll ix-xogħol fit-tafal. Bla dubju kien iħobb jaqra ħafna u kellu damma ta’ kotba dwar letteratura u storja. L-istorja ta’ Malta kien iħobbha wisq u fost oħrajn kellu anke ktieb illegat f’edizzjoni limitata dwar l-istorja tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ta’ Hannibal Sciclun ffirmat mill-awtur stess. Kien iħobb ipinġi wkoll. Ħafna drabi kien ipinġi bil-crayons jew bil-birò, b’tali mod li hu u għaddej f’xogħlu, ma seta’ qatt iħassar biex jikkoreġi. Ma kienx ipinġi fuq xi tila jew karta apposta, iżda fuq dak li kien isib, jiġih ħsieb u jittrasformah fuq l-ewwel karta li tiġi f’idu. Ftit drabi pinġa bil-kuluri taż-żejt ukoll.

Kien dilettant kbir tal-fotografija. Nefaq ħafna flus f’apparat iżda għan-negozju qatt ma kien tajjeb. Ħafna xogħol kien jagħmlu biex jagħmel xi pjaċir lil xi ħadd. Kien jixtri wkoll għamara antika minn xi rkant jew imur jimxi fil-kampanja jew iżur xi knejjes biex jammira l-arti fihom. Bħala mużika kien iħobb dik klassika u l-favorit tiegħu kien Giuseppe Verdi. Kellu kollezzjoni kbira ta’ diski u kien iħobb jisma’ wkoll id-diski popolari ta’ żmienu speċjalment ta’ The Beatles. Meta kien żgħir kien jitgħallem il-pjanu u l-vjolin għand il-magħruf Agostino Camilleri, kuġin ta’ ommu. Kien ammirautur u ħabib kbir ta’ Frans Baldacchino l-Budaj u ġieli kitiblu sunetti biex jgħannihom. Huwa kien involut ukoll fil-Banda Santa Marija ta’ Ħal Balzan. L-isport xejn ma kien għal qalbu.

Ftit ġranet qabel ma miet, fl-24 ta’ Novembru 1994, kien attenda u ħa sehem f’kungress dwar l-ilsien Malti li kien organizzat mill-għaqda tal-Malti ta’ l-Università fil-lukanda Phoenicia. Hemmhekk kellu konversazzjoni ma’ Dr. Alfred Sant, kollega ta’ żmien il-Liċeo u kittieb ukoll. Carmel ħarbixlu xi linji fuq folja u tahielu. Dr. Sant kien wasslu lura Birkirkara u wara li Carmel miet xi tliet ġimghat wara, Sant kien iddedikalu l-kolonna regolari tiegħu f’It-Torċa li fiha kien ikkwota l-linji li kien kitiblu mingħajr l-aħħar tliet linji.

Carmel Attard miet nhar is-16 ta’ Diċembru 1994 fl-età ta’ 51 sena.

Meta mmut u siegħa wara t-tbissima tkun għadha mifruxa fuq il-ħemda ta’ wiċċi (għax nittama li mmut nitbissem) tersaqx lejja bin-niket fuq wiċċek, tersaqx lejja bid-dieqa ġo qalbek! Ma rridx li tmutli t-tbissima ta’ xofftejja għax narak imnikket għat-telfa ta’ ħabib ... siegħa wara mewti... għax imbagħad ikun intemm kollox tassew meta fil-jiem tan-niket ninsew kif nitbissmu u kif nilqgħu lil xulxin bil-ferħ ġo qlubna minkejja l-hemm li jkeffinna!

Sena wara li miet kienet ittellgħet wirja ta’ xogħlijiet tiegħu, mhux biss dawk miktuba, fl-Isptar Monte Carmeli u għaliha kienu attendew Dr. Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Speaker u Dr. Sant, Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Fiha kienu ġew murija espressjonijiet diversi kif Carmel kien joħroġ “biċċa mir-ruħ tas-subkonxju,” kif kien jgħid huwa stess.

Miegħu miet ġisem li bata ħafna tul ħajtu, iżda ħallielna ħsus qalbu kontra dinja inġusta. U meta teħodha kontra dak li hu stabbilit mill-bniedem miġnun wara l-flus u l-poter, il-bniedem stess iqisek bħala “mhux normali” u ssir vittma tas-soċjetà.

Il-hajja tal-bniedem mhix ħafifa. U meta tkun idealista, tbati ħafna quddiem soċjetà mitlufa fit-tlellix fieragħ u maħkuma mil-lupa tal-konsumizmu. Il-ħsieb li qiegħed teħodha kontra dinja sħiħa mimlija bnedmin li għalkemm jafu li qiegħed tgħid is-sewwa, xorta ma jridu jibdlu xejn għax hekk jaqblilhom, ikiddek u tinħakem minn stigma li ma taċċettakx fl-istess soċjetà. Il-hajja ta’ Carmel Attard kienet mimlija tbatija, u l-protesta ħiemda tiegħu ħariġha fil-poeżija.