Ban Chiang

sit arkeoloġiku fil-Grigal tat-Tajlandja

Ban Chiang (bit-Tajlandiż: บ้านเชียง, pronunzja: [bâːn tɕʰīaŋ]; bit-Tajlandiż tal-Grigal: บ้านเซียง, pronunzja: [bâːn si᷇aŋ]) huwa sit arkeoloġiku fid-distrett ta' Nong Han, il-provinċja ta' Udon Thani, it-Tajlandja. Ilu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1992.[1] Skopert fl-1966, is-sit għall-ewwel attira l-interess minħabba l-bċejjeċ tal-qedem impittra bl-aħmar. Dan l-aħħar, is-sit ġibed l-attenzjoni internazzjonali fl-2008 meta d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, wara investigazzjoni minn taħt li nbdiet fl-2003, fittex lil diversi mużewijiet għar-rwol tagħhom fit-traffikar tal-antikitajiet ta' Ban Chiang.

Wat Pho Si Nai jinsab madwar 700 metru mill-Mużew ta' Ban Chiang. Huwa l-uniku sit arkeoloġiku oriġinali f'raggruppament li ma għandux bini modern fuqu. Is-sit jiddokumenta d-densità kbira ta' fdalijiet ta' oqbra b'bċejjeċ tal-fuħħar u oġġetti oħra li ndifnu man-nies tal-imgħoddi.

Skoperta

immodifika

Iċ-ċittadini tal-villaġġi tal-madwar kienu sabu wħud mill-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Ban Chiang mingħajr l-ebda ħjiel dwar l-età jew l-importanza storika tagħhom. F'Awwissu 1966, Steve Young, student tax-xjenza politika fil-Kulleġġ ta' Harvard, kien qed jgħix fil-villaġġ biex iwettaq intervisti għat-teżi tal-istudji tiegħu. Young, li kien jitkellem bit-Tajlandiż, kien midħla tax-xogħol ta' Wilhelm Solheim u tat-teorija tiegħu dwar l-oriġini tal-qedem possibbli taċ-ċivilizzazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja. Darba fost l-oħrajn hu u miexi minn mogħdija f'Ban Chiang flimkien mal-assistent tiegħu, għalliem tal-arti fi skola tal-villaġġ fil-qrib, Young tgerbeb fuq l-għeruq ta' siġra tal-kapok aħmar (Bombax ceiba) u waqa' għal wiċċu fil-mogħdija mħarbta. Taħtu induna li tfaċċaw in-naħat ta' fuq ta' ġarer żgħar u medji.[2] Young induna li r-reċipjenti tal-fuħħar mingħajr igglejżjar kienu ġew prodotti b'nar bati u kienu pjuttost antiki, iżda d-disinni applikati fuq il-wiċċ tagħhom kienu uniċi. Huwa ħa kampjuni tar-reċipjenti lill-Prinċipessa Phanthip Chumbote fil-mużew privat tal-Palazz ta' Suan Pakkad f'Bangkok u lil Chin Yu Di tad-Dipartiment tal-Belle Arti tal-gvern Tajlandiż.[3] Iktar 'il quddiem, Elisabeth Lyons, storiku tal-art tal-persunal tal-Fondazzjoni ta' Ford, bagħtet eżemplari tal-bċejjeċ tal-fuħħar minn Ban Chiang lill-Università ta' Pennsylvania għad-datazzjoni.[4] B'xorti ħażina, in-notorjetà bikrija, is-sbuħija tar-reċipjenti u t-twemmin li dawn kienu antiki eluf ta' snin wasslu għall-ġbir u għas-serq bla rażan min-nies tal-villaġġi.[5]

Arkeoloġija

immodifika
 
Skutella taċ-ċeramika mpittra mis-sit ta' Ban Chiang; għoli: 32 ċentimetru, dijametru: 31 ċentimetru.

Id-Dipartiment tal-Belle Arti tat-Tajlandja wettaq diversi skavi żgħar matul is-snin 60 u 70 tas-seklu 20. Dawn l-iskavi wasslu għas-sejba ta' skeletri, artefatti tal-bronż u ġabra kbira ta' ġarer. Instabu wkoll frammenti tar-ross, li wasslu għat-twemmin li l-insedjaturi ta' Żmien il-Bronż x'aktarx li kienu bdiewa. L-eqdem oqbra tas-sit ma kienx fihom artefatti tal-bronż u għaldaqstant imorru lura għal kultura Neolitika; l-iżjed oqbra reċenti jmorru lura għal Żmien il-Bronż.

Skavi tal-1974-1975

immodifika

L-ewwel skavi intensivi ta' Ban Chiang kienu sforz konġunt bejn l-Università ta' Pennsylvania u d-Dipartiment tal-Belle Arti tat-Tajlandja, immexxija mill-kodiretturi Chester Gorman u Pisit Charoenwongsa. L-għan ma kienx biss li jiġi investigat is-sit iżda anke li l-arkeologi Tajlandiżi u tal-Punent jitħarrġu fuq l-iżjed tekniki reċenti. Minħabba s-serq tal-artefatti, sabuha diffiċli li jiskopru żoni mhux mimsusa għall-iskavi, iżda bdew jaħdmu fuq żewġ żoni xi 100 metru minn xulxin. Dawn iż-żewġ żoni rriżultaw f'iktar sejbiet milli kien mistenni, u l-bċejjeċ tal-fuħħar b'disinni ħomor distintivi li kienu qanqlu tant interess instab li kienu jmorru lura għat-300 Q.K.– 200 W.K.), b'ħafna saffi ta' bċejjeċ notevoli oħra tal-fuħħar u fdalijiet kulturali oħra taħthom. L-iskavi żvelaw bosta reċipjenti u evidenza oħra ta' prodotti tal-metall, li wrew li n-nies ta' Ban Chiang minn stadju bikri kienu jipproduċu l-artefatti tal-metall tagħhom stess iktar milli sempliċement jimportawhom minn xi mkien ieħor. Fost l-oġġetti tal-bronż li ġew irkuprati kien hemm brazzuletti, ċrieket, ġojjellerija ta' mal-għekiesi, wajers u vireg, ponot tal-lanez, imnanar u lexxuni, ganċijiet, xfafar u qniepen żgħar. Wara żewġ staġuni ta' skavi, sitt tunnellati ta' bċejjeċ tal-fuħħar, tal-ġebel u tal-metall ġew ittrasportati lejn il-Mużew tal-Università ta' Pennsylvania għal analiżi. Il-mewt qabel iż-żmien ta' Chet Gorman fl-1981, meta kellu 43 sena, dewmet il-proċess tal-analiżi u l-pubblikazzjonijiet relatati.[6]

Is-sit spiss ġie msejjaħ bħala "sit ta' ċimiterju", iżda r-riċerka ssuġġeriet li l-mejtin kienu jindifnu qrib jew taħt l-abitazzjonijiet. Din il-prattika tissejjaħ difna residenzjali.[7]

Stil ta' ħajja kif ħareġ mill-fdalijiet umani

immodifika

Mill-inqas 142 difna distinta nstabu matul l-iskavi tal-1974-1975. L-analiżi tal-fdalijiet umani minn Michael Pietrusewsky u Michele Toomay Douglas żvelat li n-nies kellhom stil ta' ħajja rigoruża u attiva bi ftit evidenza ta' vjolenza interpersonali jew xi forma ta' gwerer. L-għajxien tagħhom kien ibbażat fuq ekonomija agrikola/tal-kaċċa/tal-ġemmiegħa mħallta, flimkien mal-metallurġija. Il-konklużjoni li l-okkupazzjoni tas-sit fuq sekli sħaħ kienet fil-biċċa l-kbira paċifika hija msaħħa min-nuqqas ta' armi tal-metall.[8]

Datazzjoni tal-artefatti

immodifika
 
Dijorama ta' mara tal-qedem tas-sit ta' Ban Chiang tpitter il-bċejjeċ tal-fuħħar, il-Mużew Nazzjonali ta' Ban Chiang.

L-iskavi ta' Ban Chiang fl-1974–1975 ġew segwiti minn artiklu ta' Chester Gorman u Pisit Charoenwongsa, li sostnew li sabu evidenza għall-iżjed dati bikrin fid-dinja tal-ikkastjar tal-bronż u tal-produzzjoni tal-ħadid.[9] Skavi sussegwenti, inkluż dawk f'Ban Non Wat, urew li d-dati bikrin proposti għal Ban Chiang x'aktarx huma żbaljati. L-ewwel datazzjonijiet tal-artefatti użaw it-teknika tat-termoluminexxenza, li rriżultat għad-datazzjoni bejn l-4420 u t-3400 Q.K., li kieku kien ifisser li s-sit kien l-iżjed sit bikri tal-kultura ta' Żmien il-Bronż fid-dinja. Dawn id-dati qanqlu interess dinji.[10][11] Dak iż-żmien, id-datazzjoni bit-termoluminexxenza tal-bċejjeċ tal-fuħħar kienet teknika sperimentali u kienet ġiet applikata fuq bċejjeċ ta' Ban Chiang ta' oriġini mhux ċerta. Madankollu, bl-iskavi tal-1974–1975, kien hemm biżżejjed materjali disponibbli għad-datazzjoni bir-radjokarbonju. L-analiżi mill-ġdid bir-radjokarbonju ssuġġeriet data x'aktarx iktar probabbli għall-iżjed metallurġija bikrija ta' Ban Chiang, jiġifieri għall-ħabta tal-2000–1700 Q.K. Id-data tal-2100 Q.K. inkisbet mill-fitoliti tar-ross li ttieħdu minn ġo reċipjent funebri tal-iktar qabar fil-baxx, li ma kellu l-ebda fdalijiet tal-metall. L-iżjed qabar reċenti kien tal-ħabta tal-200 W.K. Il-produzzjoni tal-bronż bdiet għall-ħabta tal-2000 Q.K., kif joħroġ fid-dieher mir-reċipjenti tal-metall u mill-frammenti tal-bronż.[12][13] Analiżi kontrastanti twettqet minn Charles Higham tal-Università ta' Otago billi uża l-għadam tan-nies li għexu f'Ban Chiang u l-għadam tal-annimali li ndifnu magħhom. Id-determinazzjonijiet li rriżultaw ġew analizzati bl-użu tal-istatistika Bayesjana u r-riżultati ssuġġerew li l-insedjament inizjali ta' Ban Chiang seħħ għall-ħabta tal-1500 Q.K., b'tranżizzjoni lejn Żmien il-Bronż għall-ħabta tal-1000 Q.K. Il-kronoloġija tal-metallurġija ta' Ban Chiang għadha toħloq dibattitu konsiderevoli.[14]

Metallurġija

immodifika
 
Ġarra taċ-ċeramika sewda tal-kultura ta' Ban Chiang, it-Tajlandja, 1200–800 Q.K.

Ban Chiang, flimkien ma' villaġġi oħra fil-madwar fil-Grigal tat-Tajlandja, fiha bosta artefatti tal-bronż li juru li l-metallurġija kienet tiġi pprattikata f'ambjenti ta' villaġġi żgħar diġà kważi 4,000 sena ilu. Dan huwa ta' interess għall-arkeologi, peress li l-metallurġija tal-qedem tax-Xlokk tal-Asja ffjorixxiet mingħajr il-preżenza ta' stat militaristiku jew urbanizzat, għad-differenza ta' bosta soċjetajiet oħra tal-qedem li kienu jipprattikaw il-metallurġija.[15]

Dr. Joyce White u Elizabeth Hamilton huma l-koawturi ta' monografu ta' erba' volumi tal-metalli ta' Ban Chiang, li huwa l-iżjed wieħed estensiv tax-xorta tiegħu fl-istudji dwar Ban Chiang. Dan ix-xogħol jippreżenta l-metalli u l-evidenza relatata mis-sit kif ukoll minn tliet siti oħra fil-Grigal tat-Tajlandja: Ban Tong, Ban Phak Top u Don Klang.[16] Huwa t-tieni ġabra fis-Sensiela ta' Monografi tal-Arkeoloġija Tajlandiża, ippubblikat mill-Istamperija tal-Università ta' Pennsylvania u distribwit għall-Mużew tal-Arkeoloġija u tal-Antropoloġija tal-Università ta' Pennsylvania.

Fil-monografu, White u Hamilton jikkatalogaw u jikklassifikaw l-artefatti tal-metall kif ukoll jikkontribwixxu għat-tagħrif dwar il-kronoloġija ta' Ban Chiang. Huma analizzaw il-metalli b'mod komprensiv permezz ta' perspettivi teknoloġiċi innovattivi sabiex jifhmu l-metalli tal-qedem fil-kuntesti soċjali tagħhom. Biex jagħmlu dan, huma wettqu valutazzjonijiet sistematiċi skont it-tipoloġiji, il-varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-metalli u t-tekniki tal-manifattura, l-evidenza għall-attivitajiet tal-produzzjoni fis-sit, u l-evidenza kuntestwali għad-depożiti tas-sejbiet tal-metalli.[17] White u Hamilton jiktbu wkoll li l-varjazzjoni reġjonali fl-għarfien u fl-għażliet tal-produtturi tal-metall jistgħu jiżvelaw networks tal-imgħoddi ta' komunitajiet tal-prattika metallurġika li seta' jkollhom rabta importanti għan-networks ekonomiċi u soċjali ta' dak iż-żmien, kif ukoll kif dawn inbidlu maż-żmien.[18] Waħda mis-sejbiet ewlenin tagħhom kienet li l-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-legi tar-ram ġew ikkastjati fil-villaġġi lokali u mhux f'postijiet kbar ċentralizzati tal-produzzjoni.[19]

White, studjuża ewlenija dwar Ban Chiang, tidderiġi organizzazzjoni, l-Istitut tal-Arkeoloġija tax-Xlokk tal-Asja, li tieħu ħsieb il-Proġett ta' Ban Chiang fil-Mużew tal-Università ta' Pennsylvania, l-Istati Uniti. Il-proġett iħaddem bażi tad-data b'aċċess miftuħ li tippreżenta d-data dwar l-artefatti tal-metall u l-artefatti relatati li nstabu f'Ban Chiang u fis-siti tal-madwar. L-artefatti tal-metall huma kklassifikati f'disa' gruppi: ċpiepet, lexxuni, xfafar, ponot, qniepen, wajers/vireg, oġġetti ċatti, oġġetti amorfi, u oġġetti varji. It-tliet gruppi tal-artefatti relatati mal-metall huma tar-reċipjenti, tal-forom u tal-gagazza. Il-bażi tad-data tal-metalli tirreġistra wkoll il-perjodu taż-żmien li fih l-artefatti nħolqu u l-analiżijiet tekniċi li twettqu fuq kull artefatt.[20]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-plakka tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Ban Chiang ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1992.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Mużew Nazzjonali ta' Ban Chiang

immodifika

Is-sit kulma jmur beda jattira turisti Tajlandiżi u internazzjoni, interess li trawwem minn mużew fis-sit li b'mod kontinwu mmodernizza l-binjiet u l-wirjiet tiegħu dwar is-sit, l-iskoperta tiegħu, u l-interpretazzjoni arkeoloġika tiegħu, kif ukoll l-istorja ta' interess fis-sit mill-familja rjali Tajlandiża. Il-mużew jinkludi rikostruzzjoni bir-reqqa ta' foss fil-beraħ tal-iskavi f'tempju xi 700 metru 'l bogħod imsejjaħ Wat Pho Si Mai, u l-artefatti tal-kultura ta' Ban Chiang b'simulazzjonijiet bl-iskeletri għall-wiri kif kienu nstabu waqt l-iskavi. Inkluż fil-kollezzjoni tal-mużew hemm il-wirja internazzjonali li hija l-kuratur tagħha Dr. White, imsejħa Ban Chiang, l-Iskoperta ta' Żmien il-Bronż Mitluf, li daret id-dinja wara l-iskavi tal-Mużew tal-Università ta' Pennsylvania tal-1974-1975 u saret parti mill-wirja permanenti tal-Mużew ta' Ban Chiang fl-1987.[21] Il-mużew jinkludi "wirjiet u informazzjoni li juru t-tliet perjodi prinċipali u s-sitt sottoperjodi" kif ukoll l-istorja ġenerali u tal-iskavi tas-sit.[22] Iż-żieda fit-turiżmu kellha impatt kbir fuq l-ekonomija tal-villaġġ, u ġew żviluppati diversi ħwienet żgħar u ristoranti qrib il-mużew.

Każ legali tal-Istati Uniti

immodifika

Is-sit issemma fl-aħbarijiet f'Jannar 2008, meta eluf ta' artefatti minn Ban Chiang u minn siti preistoriċi oħra fit-Tajlandja nstabu fil-kollezzjonijiet ta' mill-inqas ħames mużewijiet ta' California, l-Istati Uniti, inkluż il-Mużew tal-Arti tal-Kontea ta' Los Angeles, il-Mużew Internazzjonali ta' Mingei, il-Mużew Asjatiku tal-Paċifiku, il-Mużew ta' Charles W. Bowers, u l-Mużew tal-Arti ta' UC Berkeley. Instab li kien hemm attività kriminali involuta fil-kuntrabandu tal-oġġetti arkeoloġiċi 'l barra mit-Tajlandja lejn l-Istati Uniti, li mbagħad kienu jingħataw b'donazzjoni lill-mużewijiet sabiex jinkisbu tpaċijiet tat-taxxi. Ingħad li kien hemm iktar artefatti ta' Ban Chiang fil-mużewijiet tal-Istati Uniti milli fis-sit innifsu.[23][24]

Il-każ ħareġ fid-dieher wara 13-il tfittxija ta' profil għoli minn uffiċjali federali tal-infurzar tal-liġi f'diversi mużewijiet, ħwienet, imħażen u djar privati ta' kollezzjonisti tal-arti ta' California u ta' Chicago; din kienet il-quċċata ta' investigazzjoni minn taħt li damet ħames snin imsejħa Operazzjoni Antikità.[25] Aġent speċjali tas-Servizz tal-Parks Nazzjonali kien għamilha ta' kollezzjonist privat u ddokumenta l-każ. L-aġent xtara antikitajiet misruqa mingħand żewġ merkanti tal-arti u tahom b'donazzjoni lil diversi mużewijiet tal-arti ta' California bħal dawk elenkati hawn fuq. Huwa sab li l-uffiċjali tal-mużewijiet kellhom "livelli differenti ta' għarfien dwar l-oriġini tal-antikitajiet" u aċċettaw id-donazzjonijiet. B'kollox, il-gvern federali ssekwestra iktar minn 10,000 artefatt misruqa, li bosta minnhom kienu mis-sit arkeoloġiku ta' Ban Chiang.[26]

L-allegat kuntrabandist tal-artefatti ttraffikati importa l-antikitajiet kollha tax-Xlokk tal-Asja illegalment.[27] Huwa daħal f'dan in-negozju waqt il-vjaġġ tiegħu fit-Tajlandja fis-snin 70 tas-seklu 20, fejn xtara antikitajiet mingħand intermedjarji Tajlandiżi u mbagħad kien jagħtihom lill-mużewijiet ta' California għal profitt żgħir. Il-klijienti frekwenti tiegħu kienu jinkludu ħwienet tad-disinn intern u galleriji tal-arti privati f'Beverly Hills bħal Silk Road Gallery. Abbażi tal-interazzjonijiet tal-kuntrabandist mal-aġent pajżan, l-aġenti federali ngħataw mandati biex ikunu jistgħu jfittxu fi 13-il proprjetà li kellhom l-artefatti misruqa. Il-kuntrabandist ittella' l-qorti fl-2013 u sostna li ma kienx ħati[28], u l-proċess ġudizzjarju tiegħu kien skedat għal Novembru 2016, iżda ġie differit kemm-il darba sa mewtu f'Mejju 2017. Membri oħra li allegatament kienu involuti fit-traffikar mietu b'diversi kawżi qabel ma tressqu għall-proċessi ġudizzjarji.[29][30][31]

Madankollu, il-każ xorta waħda wassal għal diversi riżultati, inkluż nies li nstabu ħatja u ġew arrestati. Jonathan u Cari Markell, is-sidien ta' Silk Road Gallery, stqarrew li kienu ħatja għall-akkużi li tressqu fil-konfront tagħhom ta' traffikar tal-antikitajiet fl-2015. Jonathan Markell ingħata sentenza ta' 18-il xahar ħabs għat-traffikar ta' artefatti arkeoloġiċi misruq u għall-iffalsifikar tad-dokumenti, kif ukoll sena ta' prova taħt superviżjoni. Il-koppja ngħatat sentenza wkoll ta' tliet snin ta' prova bla superviżjoni għall-evażjoni tat-taxxi. Barra minn hekk, ġew multati bejn wieħed u ieħor US$2,000 u jridu jħallsu għat-trasport ta' iktar minn 300 artefatt minn darhom u mill-gallerija li ngħalqet lura lejn ix-Xlokk tal-Asja, b'kost stmat ta' US$25,000.

Uħud mill-mużewijiet li nstab li kienu fil-pussess ta' artefatti ttraffikati u misruqa rritornawhom lit-Tajlandja.[32] Il-Mużew Internazzjonali ta' Mingei rritorna 68 artefatt, filwaqt li l-Mużew ta' Bowers irritorna 542 vażun, skutelli u oġġetti oħra. B'hekk il-mużewijiet evitaw il-prosekuzzjoni. Is-sidien Markell stess mistennija jirritornaw 337 artefatt bħala parti mis-sentenza li ngħataw.[33] Il-Mużew tal-Arti tal-Kontea ta' Los Angeles, il-Mużew Asjatiku tal-Paċifiku, u l-Mużew tal-Arti ta' UC Berkeley mistennija wkoll jirritornaw l-artefatti misruqa. Dan il-każ kien sinifikanti fuq livell nazzjonali fl-Istati Uniti għal żewġ raġunijiet: kienet operazzjoni mmexxija mill-gvern tal-Istati Uniti, minflok kienet frott xi ilment minn gvernijiet barranin, u l-każ stabbilixxa standard ogħla ta' rendikont ta' għemil l-uffiċjali tal-mużewijiet li jittrattaw l-oġġetti kulturali, f'konformità mal-Att Nazzjonali dwar il-Proprjetà Misruqa u l-Att dwar il-Protezzjoni tar-Riżorsi Arkeoloġiċi tal-Istati Uniti.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ "Archaeological Site of Ban Chiang - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-12.
  2. ^ "The Ban Chiang Project – Background – Institute for Southeast Asian Archaeology (ISEAA)" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  3. ^ Southeast Asia: A Past Regained (Hardcover ed.). Alexandria VA: Time-Life Books. 1995. pp. 25–32. ISBN 9780809491124.
  4. ^ White, J.C. (1986). "A Revision of the Chronology of Ban Chiang and Its Implications for the Prehistory of Northeast Thailand" (Dissertation). www.researchgate.net. Department of Anthropology, University of Pennsylvania.
  5. ^ Southeast Asia: A Past Regained (Hardcover ed.). Alexandria VA: Time-Life Books. 1995. pp. 25–32. ISBN 9780809491124.
  6. ^ "Expedition Magazine | Ban Chiang". Expedition Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  7. ^ White, Joyce; Eyre, Chureekamol (2011). "Residential Burial and the Metal Age of Thailand". Residential Burial: A Multiregional Exploration. pp. 59–78.
  8. ^ Pietrusewsky, Michael; Douglas, Michele Toomay (2001). Ban Chiang, a Prehistoric Village Site in Northeast Thailand, Volume 1: the Human Skeletal Remains. Philadelphia: Penn Press. p. 258. ISBN 9780924171925.
  9. ^ Gorman, C.F.; Charoenwongsa, P. (1976). "Ban Chiang: A Mosaic of Impressions from the First Two Years". Expedition. 8 (4): 14–26.
  10. ^ Alsop, Joseph (8 September 1975). "Rewriting Human History". Washington Post. p. A26.
  11. ^ Wilford, John Noble (l-14 Mejju 1976). "New Bronze age Dates Reported". New York Times. p. D12.
  12. ^ White, J.C. 2008 Dating Early Bronze at Ban Chiang, Thailand. In From Homo erectus to the Living Traditions. Pautreau, J.-P.; Coupey, A.-S.; Zeitoun, V.; Rambault, E., editors. European Association of Southeast Asian Archaeologists, Chiang Mai, pp. 91-104
  13. ^ White, J.C. (1986). A Revision of the Chronology of Ban Chiang and Its Implications for the Prehistory of Northeast Thailand. Dissertation: University of Pennsylvania.
  14. ^ Higham, Charles F.W.; Douka, Katerina.; Higham, Thomas F.G. (2015). "A New Chronology for the Bronze Age of Northeastern Thailand and Its Implications for Southeast Asian Prehistory". PLOS ONE. 10 (9): e0137542. doi:10.1371/journal.pone.0137542. PMC 4575132. PMID 26384011.
  15. ^ White, Joyce; Hamilton, Elizabeth (2018). Ban Chiang, Northeast Thailand, Volume 2A: Background to the Study of the Metal Remains. Philadelphia: University of Pennsylvania Press. pp. 2–3. ISBN 9781931707213.
  16. ^ "The Ban Chiang Project – Current Work – Institute for Southeast Asian Archaeology (ISEAA)" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  17. ^ White, Joyce; Hamilton, Elizabeth (2019). Ban Chiang, Northeast Thailand, Volume 2B: Metals and Related Evidence from Ban Chiang, Ban Tong, Ban Phak Top, and Don Klang. Philadelphia: University of Pennsylvania Press. p. 1. ISBN 9781931707787.
  18. ^ White, Joyce C.; Hamilton, Elizabeth G. (2022). Ban Chiang, Northeast Thailand, Volume 2D: Catalogs for Metals and Related Remains from Ban Chiang, Ban Tong, Ban Phak Top, and Don Klang. Philadelphia, PA: University of Pennsylvania Museum of Archaeology and Anthropology.
  19. ^ White, Joyce; Hamilton, Elizabeth (2019). Ban Chiang, Northeast Thailand, Volume 2B: Metals and Related Evidence from Ban Chiang, Ban Tong, Ban Phak Top, and Don Klang. Philadelphia: University of Pennsylvania Press. p. 2. ISBN 9781931707787.
  20. ^ "Ban Chiang Metals Database". db.iseaarchaeology.org. Miġbur 2024-10-12.
  21. ^ "The Ban Chiang Project – Background – Institute for Southeast Asian Archaeology (ISEAA)" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  22. ^ Marcus, Lilit. "CNN Travel | Global Destinations, Tips & Video". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  23. ^ "The war on antiquities: United States law and foreign cultural property. - Free Online Library". www.thefreelibrary.com. Miġbur 2024-10-12.
  24. ^ Staff (2008-01-25). "Police raid US museums for smuggled antiquities" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  25. ^ Article, Lorena Muñoz-Alonso ShareShare This (2015-12-21). "L.A. Antiquities Dealer Sentenced to Prison". Artnet News (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  26. ^ "The Ban Chiang Project – Operation Antiquity – Institute for Southeast Asian Archaeology (ISEAA)" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  27. ^ Felch, Jason (2008-01-31). "Intrigue but no glamour for smuggling case figure". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  28. ^ Felch, Jason; Times, Los Angeles (2013-05-19). "Stolen-artifacts case has cost much, yielded little, critics say". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  29. ^ Charnes, Lance (2017-03-30). "Operation Antiquity: From Thailand with Love". Criminal Element (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  30. ^ "Three-part series: A passion for art, a perilous pursuit". Los Angeles Times (bl-Ingliż). 2008-09-12. Miġbur 2024-10-12.
  31. ^ Paumgarten, Nick (2012-06-18). "Paraphernalia". The New Yorker (bl-Ingliż).
  32. ^ Limited, Bangkok Post Public Company. "Ancient artefacts back where they belong" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-12.
  33. ^ "Operation Antiquity: Prison for Antiquities Dealer Behind Looting and Tax Fraud Scheme" (bl-Ingliż). 2015-12-15. Miġbur 2024-10-12.