Avril Ramona Lavigne (twieldet fis-27 ta' Settembru 1984) hi kantanta, mudella, liriċista, stilista tal-moda, u attriċi Kanadiża. Il-mużika ta' Avril Lavigne għandha element ta' rock modern, pop punk, pop rock, power pop u rock alternattiv.

Avril Lavigne
Informazzjoni ġenerali
Isem sħiħ Avril Ramona Lavigne
Twieled 27 ta' Settembru 1984 (1984-09-27) (40 sena)
Belleville, Ontarjo, Kanada
Oriġini Napanee, Ontarjo, Kanada
Ġeneru Rock modern
Pop punk
Pop rock
Power pop
Rock alternattiv
Snin ta' attività 1999–preżent
Sit uffiċjali avrillavigne.com

Bijografija

immodifika

Lavigne twieldet f'Belleville, Ontarjo, nhar is-27 ta' Settembru 1984, it-tifla ta' Judy u John Lavigne. L-isem Avril hu għal "April" bil-Franċiż, waqt li la vigne tfisser "il-vinja". It-tieni minn tliet itfal (l-oħrajn huma Michelle, li hi tliet snin iżgħar, u Matt, li hu sentejn ikbar), fl-età tenera ta' ħames snin titrasferixxi mal-familja fi Greater Napanee. Kienet omm Lavigne li skopriet għall-ewwel darba it-talent promettenti tat-tifla tagħha.

Il-familja tagħha kienet mibnija fuq ambjent profondament reliġjuż, fejn wassal biex Avril tiffrekwenta lill-knejjes, speċjalment dik ta' Evangel Tempel li kienet il-knisja li s-soltu l-familja tagħha kienet tiffrekwenta, u fil-komunità fejn fil-futur kienet se tagħmel l-ewwel esperjenzi fil-kant.

Fl-1998, Lavigne rebħet kompetizzjoni biex tkanta mal-kantanta Kanadiża Shania Twain fl-ewwel kunċert tagħha. Hi dehret ħdejn Twain fil-kunċert f'Ottawa, fejn dehret fuq il-palk biex tkanta "What Made You Say That". Hi ġiet skoperta mill-ewwel maniġer professjonali tagħha, Cliff Fabri, meta kienet qed tkanta xi siltiet tal-mużika country f'Kingston ġewwa Ontarjo. Waqt li kienet qed tesibixxi mal-Lennox Community Theatre, Lavigne waqgħet taħt l-għajn tal-kantant tal-mużika folk Steve Medd, li stedinha biex tkanta fil-kanzunetta tiegħu, "Touch the Sky", għall-album Quinte Spirit. Hi kantat ukoll fil-kanzunetti "Temple of Life", u "Two Rivers", għall-album suċċessiv, My Window to You, li ħareġ fis-sena 2000. Fl-età ta' sittax-il sena iffirmat ma' Arista Records.

Karriera mużikali

immodifika

Let Go (2002–2003)

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Let Go (album ta' Avril Lavigne).

Let Go ħareġ nhar l-4 ta' Ġunju 2002, ġewwa l-Istati Uniti, u laħaq it-tieni post fil-klassifika Amerikana u l-ewwel post fl-Awstralja, il-Kanada u r-Renju Unit. Permezz ta' dan is-suċċess bikri li Avril kellha, fl-età ta' sbatax-il sena, hi saret l-iżgħar kantanta femminili solista li kellha album li spara fil-quċċata tal-klassifika tar-Renju Unit.[1]

Il-ġeneru ta' dan l-album kien wieħed mibni fuq il-pop rock; madanakollu, f'ċerti kanzunetti kien hemm influwenzi ta' mużika alternattiva u dik post-grunge.

Wara biss xahar mill-pubblikazzjoni tal-album, Let Go laħaq l-istatus ta' multi-platinu lejn l-aħħar ta' Awwissu,[2] u ġie ċċertifikat bħala platinu triplu ġimgħatejn wara. Qabel tmiem l-2002, wara biss xhur mid-debutt, ġie ċċertifikat bħala platinu għal erba' darbiet mill-RIAA. Sa Diċembru 2007 l-album biegħ 6.6 miljun kopja fl-Istati Uniti u aktar minn 16-il miljun minn madwar id-dinja.[3]

Mill-album ħarġu erba' kanzunetti. L-ewwel waħda, "Complicated" telgħet fl-ewwel post tal-klassifika Awstraljana, waqt li laħqet it-tieni post fil-Hot 100 tal-Istati Uniti, u kienet fost l-aqwa kanzunetti Kanadiżi li nbiegħu matul l-2002. Lavigne ugwaljat ir-rekord magħmul mill-kanzunetta ta' Natalie Imburglia, "Torn", meta "Complicated" żammet l-ewwel post għal ħdax-il ġimgħa fir-radjijiet ta' mużika kontemporanja. "Sk8er Boi" laħqet l-aqwa għaxra fl-Amerika u l-Awstralja, "I'm With You" laħqet l-aqwa għaxra wkoll fl-Istati Uniti u r-Renju Unit, u "Losing Grip" ikklassifikat fl-aqwa għaxra tat-Tajwan u l-aqwa għoxrin fiċ-Ċili.

Lavigne ingħatat l-unur bħala "L-Aqwa Artista Ġdida" fl-MTV Video Music Awards 2002. Hi rebħet ukoll erba' Juno Awards fl-2003 (minn sitt nominazzjoni), irċeviet World Music Award bħala "L-Aqwa Kantanta Kanadiża Bejjiegħa tad-Dinja", u ġiet nominata għal tmien Grammy Awards, li jinkludu dik tal-"Kanzunetta tas-Sena" għal "Complicated" u "L-Aqwa Artista Ġdida".

Under My Skin (2004–2006)

immodifika
 
Lavigne tesebixxi f'Ġinevra, l-Iżvizzera, nhar id-9 ta' Ġunju 2005.

It-tieni album ta' Lavigne, Under My Skin, ħareġ fil-25 ta' Mejju 2004, ġewwa l-Istati Uniti. Iddebutta mal-ewwel fil-quċċata tal-klassifika tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Ġappun, l-Awstralja, il-Kanada, il-Messiku, l-Arġentina, Spanja, l-Irlanda, it-Tajlandja, il-Korea u Ħong Kong, u fl-ewwel ġimgħa irnexxielu jbigħ aktar minn 380,000 kopja fl-Istati Uniti. Lavigne kitbet il-parti l-kbir tal-album mal-kantawtur Kanadiż Chantal Kreviazuk, anke jekk xi kanzunetti kienu miktuba flimkien ma' Ben Moody (li qabel kien jagħmel parti minn Evanescence), Butch Walker ta' Marvellous 3, il-kitarrista veteran tagħha Evan Taubenfeld, u l-batterista veteran tagħha Matt Brann. Ir-raġel ta' Kreviazuk, il-kantant prinċipali ta' Our Lady Peace Raine Maida, ipproduċa l-album flimkien ma' Butch Walker u Don Gilmore.

Dan l-album għandu tendenza ta' mużika alternattiva, flimkien ma' kanzunetti li juru l-istil punk-pop (bħal He Wasn't u I Always Get what I Want), jew ħsejjes post-grunge (bħal Freak Out u Who Knows).

Il-kanzunetta "Don't Tell Me" marret fl-ewwel post fil-klassifika tal-Arġentina u l-Messiku, fl-aqwa ħamsa tar-Renju Unit u l-Kanada, u fl-aqwa għaxra tal-Awstralja u l-Brażil. "My Happy Ending" marret fl-ewwel post fil-messiku u laħqt l-aqwa għaxra tal-Istati Uniti, fejn b'hekk din saret it-tielet l-aqwa kanzunetta ta' Avril hemmhekk. Madanakollu "Nobody's Home" ma laħqitx l-aqwa erbgħin fl-Istati Uniti, u kklassifikat biss fl-ewwel post ġewwa l-Arġentina u l-Messiku. Ir-raba' silta tagħha mill-album, "He Wasn't" laħqet l-aqwa erbħgin tar-Renju Unit u l-Awstralja, u ma ħarġitx ġewwa l-Istati Uniti. "Fall to Pieces" ħarġet bħala l-aħħar kanzunetta mill-album, imma ma tantx ħalliet impressjoni bħall-kanzunetti preċedenti.

Lavigne, fl-2004, rebħet żewġ World Music Awards bħala "L-Aqwa Artist tar-Rock/Pop" u bħala "L-Aqwa Artista Kanadiża Bejjiegħa". Lavigne kitbet flimkien ma' Hatthew Gerald il-kanzunetta "Breakaway", li ġiet irrekordjata minn Kelly Clarkson għall-film The Princess Diaries 2: Royal Engagement (2004). "Breakaway" ġiet wara inkluża fit-tieni album ta' Clarkson, Breakaway, fejn ħarġet bħala l-ewwel kanzunetta tal-album. Il-kanzunetta rnexxielha tagħmel suċċess fl-aqwa għaxra tal-Istati Uniti u dan ta lil Clarkson fama sostanzjali.

Lavigne daret wieħed u għoxrin belt Amerikana u Kanadiża biex tippromovi l-album Under My Skin. Dan beda fl-4 ta' Marzu 2004, f'Minneapolis, Minnesota. Il-palk fejn kienet se tesebixxi ma' kienx jitħabbar qabel tmienja u erbgħin siegħa qabel il-bidu tas-serata. Dawn il-kunċerti kienu popolari u għenu bil-kbir fil-promozzjoni tal-album. Matul l-2005, barra l-kunċerti, Lavigne kienet impenjata biex tkompli l-karriera tal-imudellar u dak tad-drama. Hi rrapreżentat lill-Kanada fiċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Logħob Olimpiku tax-xitwa 2006 li sar f'Turin, l-Italja, fejn kantat il-kanzunetta "Who Knows". L-album biegħ aktar minn 8 miljun kopja.[4]

The Best Damn Thing (2007–preżent)

immodifika
 
Lavigne f'Ħong Kong, 2007

It-tielet album ta' Lavigne, The Best Damn Thing, ħareġ fis-17 ta' April 2007, u ddebutta fl-ewwel post fl-Istati Uniti. L-album kien prodott minn Dr. Luke, Deryck Whibley ir-raġel ta' Lavigne, Rob Cavallo, Butch Walker u Lavigne stess. L-ewwel kanzunetta tal-album kienet "Girlfriend", li saret l-ewwel silta ta' Lavigne li laħqet l-ewwel post fil-Billboard Hot 100. Waqt programm tar-radju ta' Ryan Seacrest, Lavigne ħabbret li "When You're Gone (kanzunetta ta' Avril Lavigne)" kienet se tkun it-tieni kanzuentta tagħha. It-tielet kanzunetta mill-album ta' Lavigne hi "Hot", waqt li r-raba' u l-aħħar waħda hi "The Best Damn Thing".

Biex tippromovi l-album Lavigne għamlet xi kunċerti, bil-biljetti tas-serati jinbiegħu lil dawk biss li huma membri tal-klabb tal-ammiraturi tagħha. Dawn is-sett ta' kunċerti bdew f'Calgary, Alberta, u esebixxiet għal folla ta' madwar mitejn ruħ. L-album biegħ total ta' 6 miljun kopja madwar id-dinja f'Ottubru 2008. F'Marzu 2008, Avril bdiet sett ta' esebizzjonijiet biex jgħinu lill-album. Dawn saru fl-Istati Uniti, il-Kanada, l-Ewropa u l-Asja.

Akkużi ta' plaġju

immodifika

Nhar il-25 ta' Mejju 2007, Lavigne, il-liriċista Lukasz Gottwald, u t-tikketta diskografika ġew imfittxin għad-danni mill-kittieba James Gangwer u Tommy Dunbar, li stqarrew li l-kanzunetta "Girlfriend" hi plaġju tal-kanzunetta "I Wanna Be Your Boyfriend", li oriġinarjament ħarġet fl-1979 mill-grupp The Rubinoos. Lavigne bħala difiża stqarret li qatt ma kienet semgħet il-kanzunetta tal-grupp Amerikan. It-tribunal ta s-sentenza tiegħu fit-28 ta' Awwissu 2007, fejn iddeċidiet li l-kwistjoni bejn Avril Lavigne u The Rubinoos għandha tiġi riżolta privatament u sa issa għadu mhux magħruf dwar l-eżistu ta' kif ġiet solvuta din l-akkuża. Il-kanzunetta "I Don't Have to Try" qajment ukoll il-kontroversja. Kien hemm ukoll xi spekulazzjonijiet ta' plaġju fuq il-kanzunetta ta' Lavigne, "I Don't Have to Try" u l-kanzunetta tal-2003 mill-kantanta Peaches, "I'm the Kinda", minħabba s-similaritajiet bejn dawn iż-żewġ kanzunetti.

Karriera ċinematografika

immodifika

Lavigne iddebuttat fid-dinja ċinematografika fil-film animat Over the Hedge, li hu bbażat fuq sekwenza ta' tpinġijiet komiċi li jġibu l-istess bħall-film. Hi wkoll qed taħdem fil-film ta' Richard Gere The Flock, bħala l-għarusa tas-suspettat tal-qtil, u t-tielet proġett tagħha kien Fast Food Nation, li hu bbażat fuq il-ktieb favorit tagħha. Lavigne flimkien ma' Dr. Luke kitbet u rrekordjat kanzunetta bl-isem ta' "Keep Holding On", bħala l-kolonna sonora tal-film Eragon; din il-kanzunetta ġiet inkluża fit-tielet album tagħha, The Best Damn Thing. Din il-kanzunetta waslet sal-quċċata fl-aqwa għoxrin tal-Kanada. Hi wkoll irrekordjat il-kanzunetta tema tal-film The SpongeBob SquarePants Movie.

Lavigne għamlet xi apparenzi fil-film Going the Distance u dehret ukoll f'episodju ta' Sabrina, is-Saħħara Żagħżugħa, fejn kantant "Sk8er Boi" flimkien mal-grupp tagħha. Skont l-istampa Brittanika, Avril Lavigne milli jidher se jkollha parti prinċipali f'film li se jinħadem fil-futur qarib.[5]

Filmografija

immodifika
Sena Titlu Rwol
2002 Sabrina, is-Saħħara Żagħżugħa Hi stess
2004 Going the Distance Hi stess
2004 Saturday Live Hi stess
2004 Madtv Hi stess
2006 Fast Food Nation Alice
2006 Over the Hedge Heather (vuċi)
2007 The Flock Beatrice Bell
2009 Rwol prinċipali[5]

Ħajja personali

immodifika

Nhar il-15 ta' Lulju 2006, fi proprjetà privata ġewwa Montecito, Kalifornja, Avril Lavigne iżżewġet f'ċerimonja Kattolika lill-kantant u kitarrist tal-grupp punk Sum 41, Deryck Whibley, wara madwar sentejn għerusija. Meta ġiet mistoqsija fuq jekk kinux lesti li jkollhom it-tfal, hi rrispondiet li ma kinux qed jippjanaw għalissa, però fil-futur ma jgħidux le.[6]

F'intervista, darba minnhom Avril qalet li l-kanzunetta tal-grupp Outkast, "Hey Ya", hi l-aktar kanzunetta li tiddevertiha. Hi wkoll tħobb tisma' lil Oasis, Third Eye Blind, Marilyn Manson, System of a Down u lil Blink-182, u tħobb speċjalment il-kanzunetta "I Miss You".

Membri kurrenti

immodifika

Membri tal-passat

immodifika

Diskografija

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Diskografija ta' Avril Lavigne.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Lamb, Bill. "Avril Lavigne" (bl-Ingliż). About.com. Miġbur 2008-12-06.
  2. ^ "Nothing 'Complicated' About It...Avril Is Double Platinum!" (bl-Ingliż). RIAA. 2002-09-04.
  3. ^ "Avril Lavigne Ends North American Run of Shows with Two Dates In Washington Beginning May 9". transworldnews.com (bl-Ingliż). 2008-05-04.
  4. ^ Sit uffiċjali ta' Avril Lavigne
  5. ^ a b "Avril Lavigne Lands Movie Role". hollyscoop.com (bl-Ingliż). 2008-06-05. Miġbur 2008-12-26.
  6. ^ "Avril Lavigne Marries Sum 41 Frontman Deryck Whibley" (bl-Ingliż). FOX News. 2006-07-16.

Ħoloq esterni

immodifika