Antoine de Saint-Exupéry
Antoine Marie Jean-Baptiste Roger, comte de Saint-Exupéry, magħruf sempliċement bħala de Saint-Exupéry ([ɑ̃twan də sɛ̃t‿ɛɡzypeʁi]; twieled fid-29 ta’ Ġunju 1900 – miet fil-31 ta’ Lulju 1944) kien kittieb, poeta, aristokratiku, ġurnalist u bdot pijunier Franċiż. Huwa ngħata diversi premjijiet letterarji Franċiżi għoljin u rebaħ ukoll il-Premju Nazzjoni tal-Ktieb tal-Istati Uniti. Huwa baqa’ magħruf l-iktar għall-kitba ta’ Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir (Le Petit Prince) u għall-kitbiet liriċi tiegħu tal-avjazzjoni, fosthom Art tal-Irġiel (Terre des hommes) u Titjir Billejl (Vol de Nuit).
Saint-Exupéry kien bdot kummerċjali ta’ suċċess qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, u ħadem fir-rotot tat-trasport tal-posta bl-ajru fl-Ewropa, fl-Afrika, u fl-Amerka t’Isfel. Huwa ssieħeb fil-Forza tal-Ajru Franċiża fil-bidu tal-gwerra, u wettaq missjonijiet ta’ rikonjizzjoni mill-ajru sal-armistizju ta’ Franza mal-Ġermanja fl-1940. Wara li ġie demobilizzat mill-Forza tal-Ajru Franċiża, huwa vvjaġġa lejn l-Istati Uniti biex jgħin ħalli jipperswadi l-gvern tiegħu jidħol fi gwerra kontra l-Ġermanja Nażista.
Saint-Exupéry qatta’ 28 xahar fl-Amerka, u matul dak iż-żmien kiteb tlieta mill-iktar xogħlijiet importanti tiegħu, u mbagħad issieħeb fil-Forza tal-Ajru Franċiża Ħielsa fit-Tramuntana tal-Afrika—għalkemm kellu ferm iktar mill-età massima għal tali bdoti u s-saħħa tiegħu kienet bdiet tmur lura. Huwa għeb u jingħad li miet meta kien fuq missjoni ta’ rikonjizzjoni minn Korsika fuq il-Mediterran fil-31 ta’ Lulju 1944.
Qabel il-gwerra, Saint-Exupéry kien kiseb il-fama fi Franza bħala bdot. Wara mewtu, ix-xogħlijiet letterarji tiegħu xprunaw l-istatura tiegħu għal status ta’ eroj nazzjonali fi Franza, inkluż Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir li ġiet tradott bi 300 lingwa. Huwa kiseb iktar rikonoxximent mifrux ulterjuri bit-traduzzjonijiet internazzjonali tax-xogħlijiet l-oħra tiegħu. Il-memorji filosofiċi tiegħu tal-1939 Terre des hommes (Art tal-Irġiel) saru isem grupp umanitarju internazzjonali; intużaw ukoll bħala t-tema ċentrali tal-Expo 67 f’Montreal, Quebec. Lyon, il-belt fejn twieled, semmiet l-ajruport prinċipali tagħha f’ismu.
Żgħożija u avjazzjoni
immodifikaSaint-Exupéry twieled f’Lyon f’familja Kattolika aristokratika li ġenealoġikament kienet tmur lura diversi sekli, b’kunjom li fl-aħħar mill-aħħar jagħmel referenza għall-isqof Saint-Exupéry tas-seklu 5. Huwa kien it-tielet minn ħamest itfal tal-Viskontessa Marie de Fonscolombe u tal-Viskonti Jean de Saint-Exupéry (1863-1904). Missieru, uffiċjal eżekuttiv tas-senserija tal-assigurazzjoni ta’ Le Soleil, miet b’puplesija f’Lyon fl-istazzjon tal-ferrovija La Foux qabel ir-raba’ sena ta’ għeluq snin ibnu. Il-mewt ta’ missieru affettwat il-familja kollha, u l-istatus tal-familja ġie ttrasformat f’wieħed ta’ “aristokratiċi mfaqqrin”.
Saint-Exupéry kellu tliet aħwa bniet u ħuh bjond iżgħar, François, li meta kellu 15-il sena miet b’deni rewmatiku li laqqat meta t-tnejn kienu qed jattendu l-Kulleġġ Marjanista ta’ Villa St. Jean fi Fribourg, l-Iżvizzera, matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Saint-Exupéry dar b’ħuh sal-aħħar, u iktar ’il quddiem kiteb li François, li l-iktar kien jiftaħ qalbu miegħu, “...baqa’ ma ċċaqlaq xejn għal ftit. Ma bekiex. Waqa’ bħalma taqa’ siġra [li tkun għadha żgħira]”, similitudni li mbagħad uża wkoll fit-tmiem ta’ Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir. Meta kellu 17-il sena, Saint-Exupéry kien l-uniku raġel tal-familja, wara l-mewt ta’ ħuħ, u kien imfarrak emotivament bħal ommu u ħutu l-bniet, iżda għamilha ta’ protettur tagħhom u kkonslahom.
Wara li weħel fl-eżamijiet finali tiegħu f’Akkademja Navali preparatorja, Saint-Exupéry daħal fl-Iskola tal-Belle Arti bħala awditur biex jistudja l-arkitettura għal 15-il xahar, mill-ġdid mingħajr ma ggradwa, u mbagħad beda jaċċetta li jċekċek xi ħaġa bħala xogħol ’l hemm u ’l hawn. Fl-1921, Saint-Exupéry beda s-servizz militari tiegħu bħala suldat bi grad bażiku mat-Tieni Riġment tal-Kavallerija u ntbagħat lejn Neuhof, qrib Strasburgu. Meta kien hemm huwa ħa lezzjonijiet privati tat-titjir u s-sena ta’ wara ġie offrut trasferiment mill-Armata Franċiża għall-Forza tal-Ajru Franċiża. Laħaq bdot wara li ġie stazzjonat mas-37 Riġment tal-Ajruplani tal-Gwerra f’Casablanca, il-Marokk.
Iktar ’il quddiem, wara li ġie stazzjonat mill-ġdid mal-34 Riġment tal-Avjazzjoni f’Le Bourget fil-periferija ta’ Pariġi, u wara li esperjenza l-ewwel ħabta ta’ inġenji tal-ajru mill-ħafna li esperjenza tul ħajtu, Saint-Exupéry baxxa rasu għall-oġġezzjonijiet tal-familja tal-għarusa tiegħu, Louise Lévêque de Vilmorin, li mbagħad saret rumanziera, u telaq mill-forza tal-ajru biex minflok jaħdem f’uffiċċju. Il-koppja fl-aħħar mill-aħħar ħasret l-għerusija u hu għamel ħafna xogħlijiet żgħar oħra mingħajr suċċess fil-ftit snin ta’ wara.
Sal-1926, Saint-Exupéry reġa’ beda jtir bħala bdot. Huwa sar wieħed mill-pijunieri tat-trasport internazzjonali tal-posta bl-ajru, meta l-inġenji tal-ajru ma tantx kellhom wisq strumenti. Iktar ’il quddiem ilmenta li dawk li kienu jtiru fuq inġenji tal-ajru iktar avvanzati kienu saru iktar bħala kontabilisti milli bdoti ta’ veru. Huwa ħadem għall-Aéropostale bejn Toulouse u Dakar, u mbagħad sar ukoll il-maniġer tat-tranżiti tal-linja tal-ajru għall-mitjar ta’ Kap Juby fiż-żona Spanjola tan-Nofsinhar tal-Marokk, fid-deżert tas-Saħara. Fost id-dmirijiet tiegħu kellu jinnegozja r-rilaxx sikur tal-bdoti ta’ inġenji tal-ajru li twaqqgħu u ttieħdu bħala ostaġġi mit-tribujiet tas-Saħara, kompitu perikoluż li permezz tiegħu ngħata l-ewwel Leġjun tal-Unut tiegħu mill-Gvern Franċiż.
Fl-1929, Saint-Exupéry ġie ttrasferit lejn l-Arġentina, fejn inħatar direttur tal-linja tal-ajru Aeroposta Argentina. Huwa għex f’Buenos Aires, fil-binja Galería Güemes. Huwa stħarreġ rotot tal-ajru ġodda madwar l-Amerka t’Isfel, innegozja ftehimiet, u qajla saħansitra għamilha ta’ bdot għat-trasport tal-posta bl-ajru kif ukoll għall-missjonijiet tat-tfittxija għal bdoti ta’ inġenji tal-ajru li twaqqgħu. Dan il-perjodu ta’ ħajtu jiġi esplorat fil-qosor fil-film tal-IMAX Wings of Courage, tar-reġista Franċiż Jean-Jacques Annaud.
Karriera fil-kitba
immodifikaL-ewwel kitba ta’ Saint-Exupéry, L'Aviateur (Il-Bdot), ġiet ippubblikata fl-1926 f’rivista letterarja b’għomor qasir li kien jisimha Le Navire d'Argent (Il-Vapur tal-Fidda). Fl-1929 ġie ppubblikat l-ewwel ktieb tiegħu, Courrier Sud (Il-Posta tan-Nofsinhar); u l-karriera tiegħu bħala bdot u ġurnalista kienet waslet fil-punt tat-tluq tagħha. F’dik l-istess sena, Saint-Exupéry wettaq ir-rotta tat-titjir Casablanca-Dakar.
Il-pubblikazzjoni ta’ Vol de nuit (Titjir Billejl) stabbiliet lil Saint-Exupéry bħala stilla emerġenti fid-dinja letterarja. Din kienet l-ewwel pubblikazzjoni tax-xogħlijiet maġġuri tiegħu li kisbet fama mifruxa u biha rebaħ il-Premju Femina. Ir-rumanz kien jirrifletti l-esperjenzi tiegħu bħala bdot postali u direttur tal-linja tal-ajru Aeroposta Argentina, ibbażat f’Buenos Aires, l-Arġentina. F’dik l-istess sena, fi Grasse, Saint-Exupéry iżżewweġ lil Consuelo Suncin (kunjomha xebba Suncín Sandoval), kittieba u artista minn El Salvador li ddivorzjat darba u romlot darba, u li kellha spirtu liberu u “lsien ta’ lifgħa”.
Saint-Exupéry, tilef rasu wara din il-mara ta’ statura ċkejkna, għalkemm telaqha u reġa’ magħha bosta drabi—kienet il-muża tiegħu, u fit-tul kienet ukoll is-sors tat-tħassib tiegħu. Kienet relazzjoni bil-burraxki, peress li Saint-Exupéry kien jivvjaġġa spiss u kien jaqlibielha iktar minn darba, b’mod notevoli mal-Franċiża Hélène de Vogüé (1908-2003), magħrufa bħala “Nelly” u mlaqqma “Madame de B.” fil-bijografiji ta’ Saint-Exupéry. Vogüé saret l-eżekutriċi letterarja tat-testment ta’ Saint-Exupéry wara mewtu u kitbet ukoll il-bijografija tagħha stess ta’ Saint-Exupéry bil-psewdonimu Pierre Chevrier.
Saint-Exupéry baqa’ jikteb sar-rebbiegħa tal-1943, meta telaq mill-Istati Uniti mat-truppi Amerikani lejn it-Tramuntana tal-Afrika fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Ħabta fid-deżert
immodifikaFit-30 ta’ Diċembru 1935, fis-02:45, wara 19-il siegħa u 44 minuta fl-ajru, Saint-Exupéry, flimkien mal-mekkaniku u n-navigatur tiegħu André Prévot, ħabat fid-deżert Libjan, waqt tentattiv li jikser ir-rekord tal-veloċità f’tellieqa tal-ajru minn Pariġi għal Saigon u jirbaħ premju ta’ 150,000 Frank. Huwa maħsub li s-sit tal-ħabta kien ħdejn il-wied ta’ Wadi Natrun, qrib id-Delta tan-Nil.
Kemm Saint-Exupéry kif ukoll Prévot b’mod mirakoluż baqgħu ħajjin wara l-ħabta, għalkemm f’qasir żmien spiċċaw diżidratati bis-sħana intensa tad-deżert. Il-mapep tagħhom kienu primittivi u ambigwi, u b’hekk ma kellhom l-ebda idea fejn kienu jinsabu. Mitlufin qalb id-duni tar-ramel, l-unika provvisti tagħhom kienu ftit għeneb, żewġ larinġiet, madeleine, pinta kafè f’termos mgħattan u nofs pinta nbid abjad f’ieħor. Magħhom kellhom ukoll ħażna żgħira ta’ mediċini: “mitt gramma ta’ disgħin fil-mija alkoħol, mitt gramma ta’ etere pur, u flixkun żgħir tal-jodju”.
It-tnejn kellhom l-ekwivalenti ta’ jum bħala fluwidi. It-tnejn bdew jaraw miraġġi u esperjenzaw alluċinazzjonijiet fis-smigħ, li malajr ġew segwiti minn alluċinazzjonijiet iktar ċari. Mat-tieni u t-tielet jum, tant kienu diżidratati li ma kellhomx għaraq x’jgħerqu iktar. Fir-raba’ jum, Bedwin fuq ġemel lemaħhom u tahom trattament nattiv ta’ idratazzjoni mill-ġdid li salvalhom ħajjithom. Din l-esperjenza fejn ħelsuha ħafif mill-mewt tidher b’mod prominenti fil-memorji ta’ Saint-Exupéry tal-1939, Art tal-Irġiel, li bihom rebaħ bosta premjijiet. L-iktar kitba famuża ta’ Saint-Exupéry Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir, li tibda bi bdot li jispiċċa f’nofs ta’ deżert, hija parzjalment referenza għal din l-esperjenza.