Anġlu Farrugia

(Rindirizzat minn Angelo Farrugia)

Anġlu Farrugia (Mosta, 29 ta' Diċembru 1955) huwa l-Ispeaker attwali tal-Kamra tad-Deputati. Huwa avukat u kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament bejn l-2008 u l-2012. Wara l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, li fihom hu ma kkontestax, u li ntrebħu mill-Partit Laburista, ismu mill-ewwel beda jissemma għall-kariga ta' Speaker tal-Kamra tad-Deputati.

Anġlu Farrugia
Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentati ta' Malta

6 April 2013 -
Michael Frendo
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

27 Ottubru 1996 - 9 Marzu 2013
Ħajja
Twelid Mosta, 29 Diċembru 1955 (68 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku

Pulizija u Avukat

immodifika

Farrugia kien Supretendent tal-Pulizija bejn 1977 u l-1996. Studja l-Università ta' Malta u speċjalizza fil-Liġi Internazzjonali u Kriminali. Beda jipprattika l-liġi fl-1992 u sa Marzu 2013 kien avukat prattikanti, b’uffiċċju legali fil-Mosta.

Politika

immodifika

Ħareġ għall-politika għall-ewwel darba mal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ottubru 1996 fejn ġie elett fil-Parlament mill-11-il distrett. Fil-Gvern Laburista 1996-1998 serva bħala Chairman tal-Kumitat dwar l-abbozzi tal-liġijiet fil-Parlament, kif ukoll Chairman tal-Kumitati tal-Kamra li bih huwa seta' jitfa' il-vot fil-parlament. Kien ukoll il-kap fid-delegazzjoni fi ħdan l-OSCE bejn 1996-1998.

Huwa reġa’ ġie elett fl-elezzjoni ta’ Settembru tal-1998 u ftit wara kkontesta l-kariga ta’ deputat kap għall-affarijiet tal-parlament tal-Partit Laburista fejn ġab 24% tal-voti tad-delegati. Huwa reġa' serva fi ħdan fil-kumitat dwar l-abbozzi tal-liġijiet fi ħdan il-Parlament u nħatar mill-kap tal-Partit Laburista Alfred Sant bħala Kelliem Ewlieni għall-Ġustizzja.

Farrugia nħatar għal diversi drabi kemm mill-OSCE Parliamentary Assembly kif ukoll mill-EU Commission bħala osservatur internazzjonali għall-elezzjonijiet ġenerali f’diversi pajjiżi li jinkludu r-rivoluzzjoni li saret f’Ġorġja (1999), l-elezzjoni presidenzjali fl-awtoritajiet Palestinjani (2004), l-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Amerika (2004), referendum għal ħelsien fis-Serbja fil-Montenegro (2006) u l-elezzjonijiet Presidenzjali Parlamentali fiż-Żambja (2006). Kien attiv fi ħdan il-Parliament tal-OSCE fejn attenda regolari l-istanding committee dwar id-drittijiet tal-bniedem u ħa sehem f'diversi konferenzi fi ħdan l-UE u l-Common Wealth bl-aktar waħda riċenti li saret Capetown South Africa. Kien jifforma parti mid-delegazzjoni dwar l-affarijiet barranin għall-Parlament Malti fl-Indja fejn ħa sehem dirett fid-diskussjonijiet dwar il-kriżi nuklejari Iranjana.

Reġa' ġie elett fl-elezzjoni ġenerali 2003 għat-tielet darba fil-ħdax-il distrett, fejn huwa ukoll ikkontesta ftit wara bħala mexxej tal-Partit Laburista fejn kiseb aktar minn 26% tal-voti tad-delegati.

Deputat Mexxej tal-Partit Laburista

immodifika

Huwa reġa' elett fil-parlament fl-elezzjoni tal-2008. Din d-darba kiseb kariga ġdida u mportanti fi ħdan il-Partit Laburista billi kkontesta l-elezzjoni għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament fejn ġie elett b' 64% tal-voti tad-delegati.

Il-Mexxej tal-Partit Joseph Muscat ħatru bħala Kelliem ewlieni għax-xogħol u drittijiet tal-ħaddiema, ETC, kwalita' tal-ħajja, u kien imexxi t-tim dwar il-Politka Soċjali u s-Saħħa.

Kummenti fuq Maġistrat u Riżenja

immodifika

Wara kummenti li Farrugia għamel nhar is-16 ta' Diċembru 2012 fil-konfront tal-Maġistrat Audrey Demicoli waqt attivita' politika tal-Partit Laburista, nhar l-20 ta' Diċembru 2012, huwa kien mitlub minn Muscat biex jirriżenja minn Deputat Mexxej Laburista għal Affarijiet Parlamentari, kif fil-fatt għamel.

Farrugia kien iddeskriva lil missier il-Maġistrat Demicoli bħala wieħed li jinsab fil-“makkinarju u l-istrateġija tal-PN”, u qal li meta tingħata sentenza din trid tkun ġusta u tingħata skont il-liġi. “Din hija r-responsabbiltà ta’ kull ġudikatur. U għalhekk insistejt li jsir appell. Mhux jien biex ikolli sodisfazzjon li jkolli raġun biss imma għax pajjiżna ma nistgħux nerġgħu mmorru għal elezzjoni ġenerali u jerġa’ jirrepeti dan l-abbuż.” Farrugia reġa' qajjem il-każ wara li l-Imħallef Michael Mallia kien ikkritika lill-Maġistrat Demicoli wara li din kienet illibe­rat sid ta’ negozju, Pierre Bartolo, li lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2008 hedded impjegata li jekk jitla’ l-Partit Laburista fil-Gvern setgħet ma tersaqx għax-xogħol. Għalkemm il-Maġistrat Demicoli ma sabitx lil dan ir-raġel ħati, l-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni u l-Qorti tal-Appell mhux biss bidlet id-deċiżjoni u sabet lir-raġel ħati u mmultatu €800 imma qalet li l-Qorti tal-Maġistrati għamlet apprezzament żbaljat f’dan il-każ. Kien Anġlu Farrugia li għa­mel ir-rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija u talbu jinvestiga l-aġir ta’ Bartolo.

Nhar l-10 ta' Frar 2013 Muscat ħabbar li Anġlu Farrugia kien se jkun qed jirrapreżenta lill-Partit Laburista f’konferenza parlamentari xi ġranet wara. Huwa ħabbar dan waqt attivita’ ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Laburista. Muscat insista li l-bieb tal-Partit Laburista dejjem se jibqa’ miftuħ għal Anġlu Farrugia u jifhem li l-aħħar perjodu kien wieħed diffiċli ħafna għalih.

Farrugia ma kkontestax l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013.

Tlett ijiem wara r-rebħa elettorali kbira tal-Partit Laburista, nhar it-13 ta' Marzu 2013, Farrugia kellu laqgħa kordjali u qasira mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Berġa ta' Kastilja. Kien il-Prim Ministru li bagħat għal Farrugia li min-naħa tiegħu aċċetta l-istedina biex saret din il-laqgħa. Jidher li din il-laqgħa kienet marbuta ma' offerta biex Anġlu Farrugia jaċċetta l-kariga ta' Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti meta l-Parlament jerġa' jiftaħ f'April 2013 biex tibda l-leġislatura l-ġdida.

Meta l-Parlament infetaħ fis-6 ta' April 2013, Farrugia kien elett Speaker tal-Kamra u ħa l-ġurament tal-kariga.

Din hija silta mid-diskors li għamel dakinhar:

"Jien, wara li ħadt dan il-ġurament – u nistqarr li qiegħed eċitat xi ftit – irrid ngħid li rrid inkun ħaj fil-Presidenza ta’ din il-Kamra.  Naċċertakom li min jafni – hemm min jafni mill-viċin, hemm min jafni mhux daqshekk mill-viċin u hemm min ma jafni xejn, għax forsi għadu ġdid f’din il-Kamra, u nieħu din l-okkażjoni sabiex nawgura lill-Membri ġodda kollha miż-żewġ naħat – jaf li jien dejjem rajt li fejn ħdimt – u  ħdimt ħafna fil-Partit Laburista minn fejn ġej – u dejjem imxejt b’integrità u b’korrettezza.  Jien immilitajt fil-Partit Laburista għax ħaddant u emmint fil-valuri li dejjem emmen u mexa bihom dan il-Partit.  Però, irrid ngħid, li illum, il-kariga tiegħi, titlob iktar minn dak li għamilt." 

"Nibda biex nistqarr – biex ma jkolli l-ebda tingiż fil-kuxjenza tiegħi – li jekk inqast lil xi ħadd minnkom, kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll min-naħa tal-Oppożizzjoni, nitlobkom taħfruli, għax illum irrid nara li l-pożizzjoni tkun waħda iktar ‘il fuq.  Qed nagħmel dan minn qalbi u f’mument daqshekk importanti ta’ dan il-pajjiż.  Irrid ngħidilkom li mil-lum ‘il quddiem se taraw fija persuna, li bl-esperjenzi li kelli kif ukoll bil-kariga li afdajtuli f’idejja wara din il-ħatra, li se tkun ferm u ferm ‘il bogħod minn kull tentazjoni u ħsibijiet ta’ politika partiġġjana.  Illum, il-lealtà tiegħi, kif għadni kif stqarrjet fil-ġurament li għadni kemm ħadt, hija lejn il-poplu Malti u lejn il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Għalhekk, irrid naċċerta lil kulħadd li jien se nara li d-drittijiet ta’ kull Membru Parlamentari, hu min hu u hu fejn hu, tiġi protetta."

Ħajja Personali

immodifika

Iżżewweġ lil Carmen imwielda Zammit (mill-Mosta ukoll) fis-26 ta’ Marzu 1983 u għandhom tifla Caroline, li hija wkoll avukat. Huwa jħobb jaqra, jirriċerka dwar Maltin li jgħixu barra l-pajjiż, u jiġġogja.

Predeċessur
Michael Frendo
Speaker tal-Parlament
2013-

Suċċessur
Kariga attwali

Predeċessur
Charles Mangion
Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Parlament
2008-2012

Suċċessur
Louis Grech

Referenzi

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika