Ġann Piet Franġisk De Soldanis
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
“ L-aktar bniedem erudit tal-gżira ”
—Abbé Delaporte fuq De Soldanis fi ktieb tal-vjaġġi tiegħu ppubblikat fl-1787
Ġann Piet Franġisk De Soldanis (Rabat, 31 ta' Ottubru 1712 - 30 ta' Jannar 1770) kien lingwista, storiku u studjuż tal-ilsien Malti. Kien bniedem għaref u ta' kultura vasta mhux biss jekk inqabbluh ma' studjużi oħra fil-gżejjer Maltin imma wkoll jekk inpoġġuh fil-kuntest Ewropew.
Ġann Piet Franġisk De Soldanis | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Rabat, 1712 |
Mewt | 30 Jannar 1770 |
Post tad-dfin | Knisja Parrokkjali Kolleġġjali tan-Nawfraġju ta' San Pawl |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta’ Padova |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
librar kanoniku avukat kittieb storiku |
Sħubija |
Accademia degli Apatisti (en) Accademia di scienze, lettere e arti di Palermo (en) |
Studji
immodifikaTa' sbatax-il sena laħaq kanonku tal-Knisja Kolleġġjata ta' Għawdex saħansitra qabel ordnat saċerdot, skont ma' kiteb Ġużè Cassar Pullicino. Kien studja l-Latin u lingwi oħra f'Malta kif ukoll il-filosofija u t-teoloġija fil-Kulleġġ Ġiżwita tal-Belt Valletta. Kiseb ukoll il-lawrja fil-liġi mill-Università ta' Padova. Kien imsieħeb f'mill-anqas erba' akkademji Taljani u kien jikkorrispondi regolarment mal-imsieħba l-oħra.
De Soldanis, għaldaqstant, ma kienx studjuż iżolat intellettwalment f'Għawdex jew fl-arċipelagu Malti. Kien tassew studjuż kosmopolita li kien jaf sew fuq il-kurrenti ta' studju fl-Ewropa u kien midħla tax-xogħol ta' studjużi barranin li wħud minnhom kien iltaqa' magħhom personalment meta kien isiefer.
Kien ukoll midħla ta' għorrief Maltin oħrajn bħal ma kien, Ignazio Saverio Mifsud. M'hemmx dubju li kien stmat ferm minn filoloġi, letterati u riċerkaturi barranin li kienu rrikonoxxew għerfu u l-ħila tiegħu fir-riċerka skont in-normi ta' dak iż-żmien. Bħall-veri għorrief, De Soldanis ma kienx jiddejjaq jgħin lil ħaddieħor biex iwessa' l-orizzonti tiegħu u dan jidher mill-fatt li kien jislef kotba tiegħu lil studjużi oħra.
Fi ftit kliem, De Soldanis kien studjuż modern f'ħafna aspetti, moħħu miftuħ u ħerqan li jagħmel tiftix fuq oqsma differenti tal-għerf filwaqt li kien dejjem lest jaqsam dak li jaf ma' ħaddieħor.
Ir-reputazzjoni tajba ta' De Soldanis kienet magħrufa f'pajjiżna – inħatar l-ewwel bibljotekarju fl-1763 – u nota dwaru ddaħħlet mill-Konti Giovannantonio Ciantar fil-ktieb monumentali tiegħu Malta Illustrata li ħareġ fl-1780, għaxar snin wara l-mewt ta' De Soldanis.
Studju tal-Ilsien Malti
immodifikaDe Soldanis kien minn tal-ewwel fl-istudju metodiku tal-Malti. Fost ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu, miktub waqt li kien Ruma, insibu grammatika tal-Malti msejħa fil-qosor “Della Lingua Punica presentemente usata da' Maltesi…” li ġiet ippubblikata fl-1750. De Soldanis kien iqis il-Malti bħala lingwa mnissla direttament mill-Puniku, fdal tal-ilsien li kienu jitkellmu l-Feniċi u l-Kartaġiniżi li dak iż-żmien kien maħsub li kienu l-ewwel nies li għexu f'Malta. Biex isostni t-teżi tiegħu, De Soldanis jistrieħ, fost ħwejjeġ oħra, fuq l-asserzjoni li l-Maltin setgħu jifhmu l-kliem Puniku fid-dramm ta' Plautus Hanno. De Soldanis ma kienx waħdu li għamel dan l-iżball. Ironikament, jidher li oriġinarjament, kien aktar tal-fehma li l-Malti għandu nisel Għarbi imma mbagħad bidel fehmtu anki jekk studjużi oħra barranin ta' nofs is-seklu tmintax kienu għarfu n-nisel Għarbi ta' lsienna.
De Soldanis kien ukoll tal-fehma li l-Malti seta' jgħin fl-istudju tal-Etrusku, idea xi ftit fantastika għal żmienna – l-Etrusku mhux relatat ma' lingwi oħra u għadu xi ftit misterjuż anki llum. B'danakollu, lanqas f'dan l-iżball ma kien waħdu De Soldanis għaliex kien hemm studjużi oħra li kienu jispekolaw xi konnessjoni bejn l-Etrusku u l-ilsna Semitiċi, idea li ġiet skartata biss lejn l-aħħar tas-seklu dsatax.
De Soldanis kellu skop preċiż fil-kitba ta' din il-grammatika u tad-dizzjunarju tiegħu u dan kien illi permezz tagħhom ipoġġi l-Malti fuq l-istess livell ta' lingwi oħra li kellhom alfabett aċċettat u uniformi, kif ukoll dizzjunarju, u b'hekk setgħu jiġu apprezzati. Għal De Soldanis, l-ilsien Malti kien wirt imprezzabbli tal-poplu Malti u għelm tal-identità Maltija.
Fil-kitba ta' din il-grammatika, De Soldanis wera ġudizzju tajjeb ħafna meta, wara li kkonsulta lingwisti fl-Università La Sapienza ta' Ruma, ippropona u uża karattri tal-alfabett Latin biex jikteb il-Malti u, għaldaqstant, nistgħu ngħidu li kien prekursur tal-użu tal-alfabett Latin li nużaw illum. Kontrarjament, Mikiel Anton Vassalli kien għal xi żmien ħareġ b'alfabett b'karattri mħallta li qatt ma qabad art għax ma kienx prattiku. De Soldanis jistqarr li l-alfabett tiegħu kien ġie apprezzat minn studjużi barranin.
Bħal Vassalli warajh, De Soldanis jilmenta u jikkritika l-Malti mħallat, anzi hu jsejjaħlu “ippastardjat”, li kienu jitkellmu xi nies tal-Belt billi jitaljanizzaw il-Malti kemm fil-vokabolarju u kemm fil-pronunzja. Naturalment, illum inħarsu lejn din l-idea xi ftit romantika b'ottika differenti. Il-lingwi huma ħaġa ħajja u jeżistu f'soċjetà li tevolvi kontinwament. Illum, aktar milli ninsistu fuq il-purità xi ftit mitika tal-lingwa, għandna ninsistu aktar fuq l-użu ta' Malti korrett – korrett f'dik li hi grammatika u f'dawk li huma idjoma u vokabolarju kemm jekk huma ta' nisel Għarbi u kemm jekk le.
Kitbiet
immodifikaDe Soldanis kiteb numru ġmielu ta' xogħlijiet li qatt ma ġew ippubblikati. Importanti ħafna fost dawn insibu dizzjunarju f'erba' volumi manuskritti msejjaħ “Damma tal-Kliem Kartaġiniż imxerred fil-fomm tal-Maltin u Għawdxin”. Dan hu wieħed mill-ewwel dizzjunarji tal-Malti li qatt ġew ikkompilati u juri sforz serju sabiex jinkiteb dizzjunarju komplut aktar minn sempliċi lista ta' kliem imfisser bit-Taljan jew lingwa oħra. F'dan is-sens, huwa wkoll l-eqdem li wasal għandna. Dan il-manuskritt konservat fil-Bibljoteka Nazzjonali ġie studjat sewwa u kien is-suġġett ta' teżijiet ta' livell għoli fl-Università ta' Malta. Kien ukoll ġie mifli sew minn Vassalli hu u jaħdem fuq id-dizzjunarju tiegħu. Kien xogħol li ħa ħafna żmien lil De Soldanis biex kitbu u jixhed kemm kien prolifiku u attent fil-ħidma tiegħu u kemm kellu interessi varji.
Fil-kitba tad-Damma, De Soldanis wera atteġġjament modern fis-sens li daħħal il-kliem kollu użat fi żmienu mingħajr ma eskluda, kif għamel Vassalli warajh, kliem li kien jidhirlu li huwa estranju għall-Malti minħabba l-argument tal-puriżmu lingwistiku.
Hu u jagħti t-tifsir tal-kliem Malti, De Soldanis jikteb dwar suġġetti bħal drawwiet soċjali u folkloristiċi. Ngħidu aħna, taħt il-kelma qarcilla, De Soldanis jagħti tagħrif dwar drawwa antika li kienet għadha ħajja fi żmienu – din kienet li fil-karnival kien ikun hemm xi ħadd jagħmilha ta' nutar u kien jieqaf f'kull kantuniera u jagħmel ta' bir-ruħu jaqra kuntratt matrimonjali miktub forma ta' taqbila mimlija ċajt u umoriżmu.
De Soldanis ħallielna wkoll djalogi ħelwin u naturali bil-Malti. Dawn id-djalogi bejn persuni Maltin jew Għawdxin ta' klassijiet soċjali differenti jixhdu l-Malti kif kien mitkellem fis-seklu tmintax u, għalkemm fihom xi kliem li llum huwa rari, fil-biċċa l-kbira jinftehmu sewwa mill-Maltin tal-lum. Fihom insiru nafu aspetti differenti tal-ħajja soċjali u ekonomika Maltija tas-seklu tmintax u kif kienu jitħaddtu bejniethom il-Maltin, kemm dawk tal-irħula u kemm dawk tal-ibliet.
De Soldanis ġabar ukoll ftit anqas minn erba' mitt proverbju u għidut ieħor li kienu kurrenti fi żmienu. Dan ix-xogħol għadu manuskritt.
Għawdex
immodifikaMinkejja s-safar tiegħu u l-kuntatti internazzjonali li kellu, De Soldanis kien iħobb lil Għawdex u ried illi jagħmel dak li kien għamel għal Malta seklu qablu Ġan Franġisk Abela fl-1647 bil-famuża Della Descrittione di Malta. De Soldanis, għalhekk, kiteb Il Gozo antico-moderno li fih kiteb dwar it-toponomija ta' Għawdex, l-istorja tal-Kolleġġjata u knejjes oħra, il-ġrajja ta' ordnijiet reliġjużi, kif ukoll fuq drawwiet u aspetti folkloristiċi u soċjali tal-ħajja Għawdxija. Ittanta wkoll jikteb l-istorja tal-gżira tiegħu mill-ibgħad żminijiet kif kienu jimmaġinaw fi żmienu -- żmien il-ġganti li bnew it-tempji megalitiċi – u wasal saż-żminijiet tal-ħakma tal-Ordni ta' San Ġwann li taħtha għex ħajtu kollha.
Politika u Patrijottiżmu
immodifikaDe Soldanis kien mixgħul bl-imħabba għal art twelidu u bla dubju kien patrijott. Mit-tmienja u ħamsin sena li għex, De Soldanis għex tlieta u tletin minnhom taħt is-saltna twila u despotika tal-Granmastru Emanuel Pinto de Fonseca li kien aktarx iqis lilu nnifsu bħala monarka assolut fil-vena tal-monarki Franċiżi ta' żmienu. F'waħda mill-kitbiet tiegħu De Soldanis fisser ideat li kienu jixhdu x-xewqa għal tibdil politiku f'Malta, tant li l-Inkwiżitur, allarma lis-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede li De Soldanis ried idaħħal repubblika minflok is-saltna awtokratika ta' Pinto. Il-Granmastru għajjar lil De Soldanis “insolenti u vili” u rrapportah lill-Papa: De Soldanis spiċċa interrogat Ruma u ordnat jagħmel apoloġija lill-Granmastru.
De Soldanis ma kienx biss studjuż akkademiku imma wkoll patrijott li kien xorob mill-għajn tal-illuminiżmu u xtaq jara riformi soċjali fl-edukazzjoni u emanċipazzjoni politika akbar imma forsi ma żviluppax il-ħsieb politiku tiegħu biżżejjed li jindirizza lill-poplu Malti bħala “nazzjon”. Dan għamlu Vassalli li kien iżgħar minn De Soldanis b'medda ta' żewġ ġenerazzjonijiet u seta' forsi jixtarr aħjar l-ideat illuministi mxerrda aktar mir-rivoluzzjoni Franċiża li ġrat wara l-mewt ta' De Soldanis.
Il-figura tiegħu tul iż-żmien
immodifikaĠużè Cassar Pullicino kien fost tal-ewwel li tana bijografija fil-qosor u wara ġew ippubblikati diversi artikli u saru mill-anqas tliet teżijiet fuq aspetti diversi tal-opra ta' De Soldanis. Fis-sena 2010, ġiet stampata ħarġa speċjali tal-Journal of Maltese Studies iddedikata kollha għal essays fuq De Soldanis. Hemm ukoll skejjel imsemmija għalih.
Jidher li hemm qbil fost l-istudjużi li l-figura ta' De Soldanis jistħoqqilha tingħata aktar importanza milli kienet tingħata fl-imgħoddi. Hu veru li l-istudji lingwistiċi ta' De Soldanis ingħataw għarfien mistħoqq imma hu veru wkoll li l-istatura kbira ta' dak il-patrijott u studjuż mill-aqwa – Mikiel Anton Vassalli – tfiet xi ftit l-importanza ta' De Soldanis. Illum jidher li dan qed jiġi irrimedjat u De Soldanis qed jingħata aktar il-ġieħ li jistħoqqlu. Vassalli twieled sitt snin qabel il-mewt ta' De Soldanis imma dan tal-aħħar wera t-triq u nebbaħ lil Vassalli fl-istudji lingwistiċi. Vassalli, sakemm għaraf aħjar l-għeruq mill-Għarbi fl-ilsien Malti, kien tal-fehma, bħal De Soldanis, li l-oriġini tal-Malti huwa l-Puniku.