Édith Piaf
Édith Piaf (twieldet fid-19 ta' Diċembru 1915 – mietet fl-10 ta' Ottubru 1963), imwielda Édith Giovanna Gassion u mlaqqma "la Môme Piaf", kienet kantanta Franċiża tal-music-hall u tal-varjetà. Kellha ħafna suċċessi bil-kanzunetti bil-Franċiż, bħal La Vie en rose, Non, je ne regrette rien, Hymne à l'amour, Mon légionnaire u Milord. Piaf kellha fama internazzjonali, minkejja l-problemi serji f'saħħitha. Bil-personalità qawwija li kellha ispirat bosta kompożituri u kienet il-mentriċi ta' ħafna artisti żgħażagħ. Kienet ukoll attriċi fit-teatru u ċ-ċinema.
Bijografija
immodifikaTfulija
immodifikaÉdith twieldet Pariġi fil-faqar u l-miżerja. Kienet bint Louis Alphonse Gassion Franċiż, kontorsjonista fiċ-ċirku, imwieled in-Normandija u Annetta Maillard, kantanta tat-triq, ta' nisel Franċiż-Taljan/Alġerin.
Annetta kienet fqira wisq biex trabbiha u fdata għal kollox f'idejn ommha, Aïcha Saïd Ben Mohammed li kienet mill-Alġerija. In-nanna kienet moħħha fix-xorb biss u tant kienet tittraskura lit-tifla u tħalliha fil-ħmieġ li din nksiet bl-ekżema u għolbot esaġerat. Baqgħet 18-il xahar f'din il-kundizzjoni sakemm missierha ħa permess biex jiġi mill-front u ħadha għand ommu. Din in-nanna kienet is-sidt ta' burdell f'Bernay fin-Normandija. Édith kienet il-fessuda tal-prostituti fid-dar, u għall-ewwel darba setgħet tiekol sakemm tixba', tilbes ilbiesi sbieħ u tixrob il-ħalib tajjeb tan-Normandija. Meta kellha xi 7 jew 8 snin, għamiet temporanjament għax qabditha l-keratite. In-nanna semgħet b'xi tfajla li kellha din il-marda u kienet fieqet wara li kienet talbet fuq il-qabar ta' Santa Tereża ta' Lisieux, u ddeċidiet li tmur hemm mat-"tfajliet" u titlob għall-fejqan tat-tifla. Ħadu t-tren u marru jitolbu fuq il-qabar tal-qaddisa fejn ġabru ftit ħamrija biex kull fil-għaxija jagħmluha mal-faxxa fuq għajn Édith. Wara xi tmint ijiem, Édith fieqet! Hi dejjem baqgħet devota ta' Santa Tereża "iż-żgħira" u baqgħet iżżomm domna tagħha mdendla ma' għonqha għal ħajjitha kollha.
Fit-tmiem tal-gwerra, missierha ġie immobilizzat u ħadha togħqod miegħu, biex tgħix il-ħajja tal-"artiste" fiċ-ċrieki żgħar li jmorru minn post għall-ieħor u wara fil-ħajja miżerabbli ta' kantanta tat-triq. Kien, meta bħal ommha kienet qiegħda tkanta l-kanzunetti popolari ma' missierha, li Édith uriet il-kwalità eċċezzjonali ta' leħinha.
Fi Frar 1933, ta' 17-il sena kellha tifla, Marcelle, minn-namrat tagħha ta' dak iż-żmien, Louis Dupont. It-tifla mietet b'attak tal-meninġite sentejn wara.
Kantanta tal-cabaret
immodifikaFl-1935, Louis Leplée, il-manager tal-cabaret Le Gerny's li qiegħed fix-Champs-Élysées, skopriha meta kienet tkanta fit-triq. Dak iż-żmien, Piaf kienet tkanta l-iżjed il-kanzunetti ta' Fréhel. Leplée għażillha "la Môme Piaf" bħala isem tal-palk; "piaf" bil-ġerg ta' Pariġi, tfisser "għasfur tal-bejt". U Édith kienet suċċess kbir! It-talenti u l-leħen straordinarju tagħha attiraw l-attenzjoni ta' ħafna, fosthom il-kompożitur Raymond Asso u l-ħabiba kbira u fidila tagħha futura Marguerite Monnot, kompożitur u pjanista virtuoso li kkumpanjatha matul il-karriera kollha tagħha u li kkomponitilha l-mużika ta' Mon légionnaire, Hymne à l'amour, Milord u Amants d'un jour.
Fl-1936, irrekordjat l-ewwel diska, Les Mômes de la cloche, mat-tiketta Polydor u kellha suċċess immedjat. Imma f'April sabet 'il Leplée maqtul fid-dar tiegħu ta' Pariġi. Jidher li Leplée kien imdaħħal f'xi gangs tal-Pigalle. Édith inqabdet f'dan l-iskandlu u kellha tmur lura minn fejn ġiet fil-miżerja tal-kant fit-triq u fil-cabarets żgħar.
Reġgħet għamlet kuntatt ma' Raymond Asso (awtur ta' Mon légionnaire u ta' Fanion de la Légion), li sar in-namrat tagħha, ħadha f'idejh u ikkowċjaha biex issir kantanta professjonali tal-music-hall.
Stilla tal-music-hall
immodifikaF'Marzu 1937, Édith bdiet il-karriera fil-music-hall fit-teatru ABC f'Pariġi, fejn immedjatament saret star immensa tal-kanzunetta Franċiża, maħbuba mill-publiku u mxandra fuq ir-radju.
Bħala star tal-aħħar tas-snin tletin, Piaf ittrijumfat fil-Bobino kif ukoll fit-teatru f'Le Bel Indifférent fl-1940, dramm f'att wieħed miktub speċjalment għaliha minn Jean Cocteau li hi interptretat b'suċċess kbir mal-attur Paul Meurisse. Imsieħba ma' Paul, ħadmet fil-film Montmartre-sur-Seine ta' Georges Lacombe (1941). Waqt li kienu qegħdin jagħmlu dal-film saret taf 'l Henri Contet, li sar, bħalma kienet saret Marguerite Monnot, wieħed mill-awturi li ġabilha l-fortuna.
Matul l-okkupazzjoni Ġermaniża, Édith, li kienet waqqgħet l-isem "La Môme Piaf" u saret "Édith Piaf", kompliet tagħti l-kunċerti u ma' beżgħetx minn-nazi: kienet tinterpreta l-kanzunetti f'sens doppju billi tuża l-kliem tal-imħabba biex tinkuraġġixi r-Reżistenza (Tu es partout) u kienet ukoll tipproteġi l-artisti Lhud mill-minaċċja tal-milizzja u tal-Ġermaniżi.
Fl-1944, fil-Moulin Rouge, Édith iltaqgħet mal-kantant żagħżuġh tal-music-hall Yves Montand u din kienet imħabba mal-għajn il-qalb. Diġà famuża u adurata, hi ħadet ħsieb li trawmu fis-sengħa u l-ħajja ta' artista. Għenitu ħafna fl-iżvilupp tal-karriera tiegħu billi laqqgħatu ma' bosta nies importanti fid-dinja tal-ispettaklu ta' dak iż-żmien, bħal Joseph Kosma, Henri Crolla, Loulou Gasté, Jean Guigo, Henri Contet, Louiguy, Marguerite Monnot, Philippe-Gérard, Bob Castella, Francis Lemarque u oħrajn.
Dik is-sena miet missier Édith u s-sena ta' wara mietet ommha.
Fl-1945, Piaf mingħajr l-għajnuna ta' ħadd, kitbet il-versi ta' La Vie en rose (li damet ma rrekordjatha sal-1946), l-iżjed kanzunetta popolari u famuża tagħha li daż-żmien saret klassika. Kienet taħdem ukoll fil-Comédie-Française.
Karriera internazzjonali
immodifikaFl-1948, meta kienet New York fuq tournée glorjuż kellha l-ikbar rumanza ta' ħajjitha mal-boxer Franċiż, Marcel Cerdan li kien joqgħod il-Marokk. Cerdan kien ħa l-kampjonat tad-dinja tal-boxing ta' piż medjan fit-2 ta' Settembru 1948, imbagħad miet f'inċident bl-ajruplan fit-28 ta' Ottubru 1949 fuq titjira Pariġi-New York, huwa u sejjer ħdejha. Mifnija bin-niket, Édith Piaf bdiet tieħu dożi qawwija ta' morfina. B'tifkira tiegħu kantat Hymne à l'amour li kellha suċċess kbir kif ukoll Mon Dieu.
Fl-1951, l-awtur-kompożitur-kantant żagħżugħ Charles Aznavour sar il-fac-totum tagħha: segretarju, xufier u konfident. Fid-29 ta' Lulju 1952, iżżewġet lill-kantant Franċiż Jacques Pills, u kellha bħala xhud l-attriċi Marlène Dietrich, imma iddivorzjatu fl-1956.
Fl-1953, bdiet il-kura tad-diżintossikazzjoni u wara l-fama tagħha bħala star tal-music-hall infirxet mad-dinja kollha u b'mod partikulari mal-iStati Uniti. Kellha suċċess kbir fl-1956 fil-Carnegie Hall ta' New York, fejn kienet tidher regularment.
Kellha rumanza ma' Georges Moustaki, li varat f'karriera tal-kant. Miegħu kellha inċident serju bil-karozza fl-1958, li għamel agħar is-saħha ħażina tagħha u d-dependenza fuq il-morfina. Irrekordjat il-kanzunetta Milord, li kitbet hi stess u li kienet waħda mill-ikbar suċċessi.
Fl-1959, Édith ħassha ħażin fuq il-palk waqt tournée f'New York. Kellha tagħmel bosta operazzjonijiet kirurġiċi u marret lura Pariġi fi stat miżeru u mingħajr Moustaki, li kien telaqha.
Fl-1961, fuq talba ta' Bruno Coquatrix, Édith Piaf tat serje ta' kunċerti fl-Olympia, Pariġi, li kien ħa jagħlaq minħabba problemi finanzjarji. Dawn il-kunċerti kienu fost l-iżjed memorabbli u komoventi tal-karriera tagħha. F'din is-sala preferita tagħha interpretat Non, je ne regrette rien, kanzunetta li kitbilha Charles Dumont u li saret parti minnha. Edith salvat l-Olympia, imma bilkemm kellha saħħa tieqaf fuq saqajha jew tiċċaqlaq, u rnexxielha tkanta biss billi tieħu kwantità kbira ta' morfina.
Fid-9 ta' Ottubru 1962, meta kellha 47 sena, mifnija, marida u ddrogata, iżżewget lil Théo Sarapo, kantant gustuż żagħżugħ ta' 26 sena u kif stqarriet hi, xi minn daqqiet kien qisu "iben li qiegħed jieħu ħsieb ommu marida". Kantaw flimkien À quoi ça sert l'amour ?
Fil-bidu tal-1963, irrekordjat l-aħħar kanzunetta: L'Homme de Berlin.
Il-Mewt
immodifikaÉdith Piaf mietet fl-10 ta' Ottubru 1963, Plascassier (raħal f'Grasse fl-Alpes-Maritimes) fl-età ta' 47 sena, mifnija mill-eċċessi tagħha, il-morfina u tbatijiet ta' ħajjitha kollha. Il-ġarr tal-katavru tagħha lejn Pariġi kien organizzat bil-moħbi u illegalment, u l-mewt tagħha tħabbret uffiċjalment fil-11 ta' Ottubru, Pariġi, l-istess jum tal-mewt ta' Jean Cocteau. Hemm xniegha li tgħid li Cocteau (li baqa' jikkorrespondi ma' Édith kontinwament) qatel ruħu b'idejh meta sema' bl-aħbar ta' mewtha.
Il-funeral sar fiċ-ċimiterju ta' Père-Lachaise, fejn inġabret folla immensa t'ammiraturi biex jagħtuha l-aħħar tislimiet. L-aħħar raġel tagħha, Théo Sarapo, li miet f'inċident bil-karozza fl-1970, hu midfun magħha.
Diskografija
immodifika- 1935 : Les Mômes de la Cloche, tiketta Polydor l-ewwel 78 tours irrekordjati minn Piaf. Direttur Artistiku : Jacques Cannetti
- 1954 : De l'accordéoniste à Milord
- 1961 : Olympia 1961
Il-kanzunetti l-kbar tagħha
immodifika- 1937 : Mon légionnaire, kliem ta' Raymond Asso u mużika ta' Marguerite Monnot
- 1940 : L'Accordéoniste, kliem u mużika ta' Michel Emer
- 1946 : Les Trois Cloches ma' Les Compagnons de la chanson, kliem u mużika ta' Jean Villard Gilles
- 1946 : La Vie en rose, kliem ta' Édith Piaf, mużika ta' Louiguy u Marguerite Monnot (non créditée)
- 1947 : Une chanson à trois temps, kliem u mużika ta' Anna Marly
- 1950 : Hymne à l'amour, kliem ta' Édith Piaf u mużika ta' Marguerite Monnot
- 1951 : Padam... Padam..., kliem ta' Henri Contet u mużika ta' Norbert Glanzberg
- 1952 : Mon manège à moi, kliem ta' Jean Constantin u mużika ta' Norbert Glanzberg
- 1954 : Sous le ciel de Paris, kliem ta' Jean Dréjac u mużika ta' Hubert Giraud, mill-film, Sous le ciel de Paris ta' Julien Duvivier
- 1956 : L'Homme à la moto, adattament minn Jean Dréjac minn Black Denim Trousers And Motorcycle Boots ta' Jerry Leiber & Mike Stoller
- 1956 : Les Amants d'un jour, kliem ta' Claude Delécluse u Michelle Senlis, mużika ta' Marguerite Monnot
- 1957 : La Foule, kliem ta' Michel Rivgauche, kanzunetta ispirata minn Que nadie sepa mi sufrir (xi drabi tissejjaħ Amor de mis Amores), valz Peruvjan ta' oriġni Argentin, kliem originali ta' Enrique Dizeo u mużika ta' Ángel Cabral
- 1959 : Milord, kliem ta' Georges Moustaki u mużika ta' Marguerite Monnot
- 1960 : Non, je ne regrette rien, kliem ta' Michel Vaucaire u mużika ta' Charles Dumont (użata minn Johnny Hallyday għall-film Sueurs)
- 1960 : Mon Dieu, kliem ta' Michel Vaucaire u mużika ta' Charles Dumont.
- 1962 : À quoi ça sert l'amour, kliem u mużika ta' Michel Emer
Il-kanzunetti tagħha
immodifika
|
|
|
X'qalu fuqha
immodifika“ Madame Édith Piaf hi ġenju. Hi inimitabbli. Qatt ma kien hawn bħal Édith Piaf, qatt ma se jkun hawn oħra bħala. ”
“ L-unika kelma li tista' tissostitwixxi l-kelma Pariġi hi l-kelma Piaf. ”
“ Leħnek hu r-ruħ ta' Pariġi... ”
“ Niftakar li kien minħabba Édith Piaf li Les Compagnons de la chanson, Eddie Constantine u Yves Montand bdew ikantaw. ”
Unuri
immodifika- Il-Musée Édith Piaf iddedikat għaliha, rue Crespin du Gast, Pariġi.
- Il-kanzunetta Hymne à l'amour hi l-bażi tal-film Toutes ces belles promesses ta' Jean-Paul Civeyrac.
- Il-15 l-Improviżjoni tal-kompożitur Franċiż, Francis Poulenc, miktuba għall-pjanu fl-1960 (Editions Salabert S.A.) f' Unur ta' Édith Piaf .
Films li ħadmet fihom
immodifika- 1936: La Garçonne ta' Jean de Limur : bħala l-kantanta
- 1941: Montmartre-sur-Seine ta' Georges Lacombe : bħala Lily
- 1946: Étoile sans lumière ta' Marcel Blistène : bħala Madeleine
- 1948: Neuf garçons, un cœur ta' Georges Friedland : bħala Christine
- 1952: Paris chante toujours ta' Pierre Montazel : bħal hi stess
- 1954: Boum sur Paris ta' Maurice de Canonge : bħal hi stess
- 1954: Si Versailles m'était conté ta' Sacha Guitry : bħala tfajla li tkanta Ça ira
- 1954: French Cancan ta' Jean Renoir : Eugénie bħala Buffet
- 1959: Les Amants de demain ta' Marcel Blistène : bħala Simone
Fiċ-ċinema
immodifika- 1974: Piaf ta' Guy Casaril taħdem Brigitte Ariel fil-parti ta' Édith Piaf.
- 1983: Édith u Marcel ta' Claude Lelouch, taħdem Évelyne Bouix.
- 1984: Piaf, telefilm taħdem Jane Lapotaire.
- 1994: Une brève rencontre : Édith Piaf, téléfilm ta' Michel Wyn, taħdem Sophie Arthur.
- 2007: La Môme (jismu wkoll La Vie En Rose) ta' Olivier Dahan, taħdem Marion Cotillard.
Bibljografija
immodifikaAwtobijografija
immodifika- Édith Piaf, Ma vie (oriġinarjament miktub fl-1958, 5 snin qabel mewtha). Verżjoni Ingliża: The Wheel Of Fortune: The Autobiography of Edith Piaf Peter Owen Publishers; ISBN 0-7206-1228-4
- Édith Piaf and Simone Berteaut Édith Piaf ippublikat Jannar 1982; ISBN 2-904106-01-4
Kotba fuqha
immodifika- Denise Gassion u Robert Morcet, Édith Piaf secrète et publique, Ergo press, Issy-les-Moulineaux, 1988.
- Bernard Marchois, Édith Piaf, TF1, Pariġi, 1995.
- Marcel Cerdan jr., Édith Piaf et moi, Flammarion, Pariġi, 2000.
- Édith Piaf u Marcel Cerdan, Moi pour toi - Lettres d'amour, Le Cherche Midi Editur, Pariġi, 2002.
- Ginou Richer, Mon amie Édith Piaf, Instantané, Pariġi, 2004, (ktieb awdjo minn għand Livrior).
- Jacqueline Cartier-Hugues Vassal, Edith et Thérèse, la Sainte et la Pécheresse, Ed. Anne Carrière
Bijografiji
immodifikaFranċiż:
- Pierre Hiégel, Édith Piaf, de l'Heure, Monaco, 1962.
- Simone Berteaut, Piaf, Robert Laffont, Pariġi, 1969 (2 edizzjoni 1993).
- William Laurent, Édith Piaf, F. Loucrani, Collection Numéro 1, Pariġi, 1983.
- Monique Lefèvre, Piaf, Télérama Hors série n°47, Pariġi, 1993.
- Marc Bonel u Danielle Bonel, Édith Piaf, le temps d'une vie, de Fallois, Pariġi, 1993.
- Pierre Duclos u Georges Martin, Piaf, Le grand livre du mois, Pariġi, 1993.
- Dominique Grimault u Patrick Mahé, Piaf-Cerdan : un hymne à l'amour, 1946-1949, de la Seine, Pariġi, 1993.
- Louis Valentin, Piaf, Plon, Pariġi, 1993.
- André Larue, Edith Piaf, l'amour toujours, Michel Lafon, Pariġi, 1993.
- Jean Noli, Piaf secrète, L'Archipel, Pariġi, 1993 (re-ed. 2003).
- Pierre Duclos u Georges Martin, Piaf, biographie, du Seuil, Pariġi, 1995.
- Sophie Troubac, Edith Piaf, l'hymne à l'amour, Sauret, Monaco, 1995.
- Frédéric Perroud, Marcel Cerdan-Edith Piaf : le bel amour, Acropole, Pariġi, 1999.
- Stan Cuesta (daħla ta' François Hadji-Lazaro), Edith Piaf, J'ai lu/Librio musique nu 384, Pariġi, 2000, ISBN 2-290-30639-8
- François Levy, Passion Edith Piaf, la môme de Paris, Textuel, Pariġi, 2003.
- Jean-Dominique Brierre, Edith Piaf : “Sans amour on n'est rien du tout Pariġi, 2003.
- David Lelait-Helo, Sur un air ta' Piaf, Payot, Pariġi, 2003.
- Marcel Cerdan Jr., Piaf u moi, Flammarion, France, 2000.
Ingliż:
- Margaret Crosland, Piaf, Hodder and Stoughton, Londra, 1985.
- David Bret The Piaf Legend, Robson Books,Londra, 1988.
- David Bret, Piaf: A Passionate Life Robson Books, 1998, revised JR Books, 2007
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Édith Piaf (Édith Piaf) |
- (FR) Les Conquêtes ta' Piaf
- (FR) Sit fuq Édith Piaf
- (RU) Édith Piaf
- Ritratti ta' Édith Piaf
- (RU) Kanzunetti ta' Édith Piaf songs
- Storja fotografika ta' Édith Piaf
- Tu Es Partout (Traduzzjoni Ingliża)
- Pure Piaf, Vetrina mużikali tal-mużika u l-ħajja ta' Edith Piaf, miktuba minn Alex Ryer fl-2006
- Mużew Édith Piaf, Pariġi
- (RU) Versi tal-kanzunetti
- La Vie En Rose/La Môme – Sit uffiċjali tal-film
- Édith Piaf Piaf - Une chanson à trois temps fuq YouTube