Tereża ta' Lisieux
Santa Tereża ta’ Lisieux (2 ta' Jannar 1873 – 30 ta' Settembru 1897), jew kif inhi magħrufa Santa Tereżina (biex niddistingwuha minn Santa Tereża ta’ Avila), jew Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, kienet soru Karmelitana Franċiża, imwielda Marie-Françoise-Thérèse Martin, imsejħa Il-Fjura Żgħira ta’ Ġesù, saret waħda mill-qaddisin l-iktar maħbubin fost l-Insara.
Santa Tereża ta' Lisieux | |
---|---|
Twelid |
2 ta' Jannar 1873 Alençon, Franza |
Mewt |
30 ta' Settembru 1897 Lisieux, Franza |
Beatifikazzjoni | 29 ta' April, 1923, Ruma minn Papa Piju XI |
Kanonizzazzjoni | 17 ta' Mejju, 1925, Ruma minn Papa Piju XI |
L-ikbar santwarju | Basilique Sainte-Thérèse de Lisieux, Lisieux, Franza |
Festa | 1 ta' Ottobru |
Attributi | ward |
Patrun/a |
Awstralja; Franza; Russja; morda bl-AIDS, bit-tuberkolozi u b'mard infettiv ieħor; avjaturi; bejjiegħa tal-fjuri; orfni; missjunarji. |
Tfulija
immodifikaBint Louis Martin, arluġġar, u Zelie Guerin, Tereża twieldet f’Alencon, Franza, u minn età żgħira kienet tifla qaddisa. Kienet l-iżgħar fost disa’ aħwa, erbgħa minnhom mietu żgħar, il-ħamsa l-oħra li kienu bniet, waħda wara l-oħra, daħlu sorijiet, tlieta minnhom, fosthom Tereża, mal-Karmelitani.
Ommha Zelie mietet meta t-tifla kellha 4 snin, u qabel mietet kienet qalet lil żewġha li kien ikun aħjar li jafda lil uliedhom f’idejn il-mara ta’ ħuha, li kienet taqgħod Lisieux. U missier Therese, Louis, malli sab ruħu bil-piż tal-familja fuq spallejh, trasferixxa l-familja fil-belt ta’ Lisieux, qrib il-familja Guerin, fejn Therese għexet il-bqija ta’ ħajjitha. Meta wasal iż-żmien li Tħerese tibda tmur l-iskola, missierha ħaseb biex jiktibha fil-Kulleġġ immexxi mis-Sorijiet Benedittini, fejn diġà kienu jmorru ħutha l-bniet Leone u Celine. Therese ħaditha hekk bi kbira t-telfa ta’ oħtha Pauline li daħlet soru mat-Tereżjani, illi lejn l-aħħar tas-sena 1882, meta kienet se tagħlaq 10 snin, waqgħet f’marda li ħallietha bla saħħa, tant li ħasbuha se tmut.
Soru
immodifikaTa’ 15-il sena daħlet il-kunvent Karmelitan ta’ Lisieux. Fl-1893 intgħażlet tieħu ħsieb in-novizzi tal-kunvent, fejn baqgħet għall-bqija ta’ ħajjitha. Tereża għażlet li tgħix it-“triq iż-żgħira”, programm ta’ ħajja u ta’ mħabba lejn Alla sempliċi u fl-istess ħin profond. Fittxet il-qdusija fl-azzjonijiet żgħar u fil-ħidmiet umli. It-tjubija tagħha kienet hekk kbira li s-superjuri tagħha ordnawlha tikteb il-ħajja tagħha (awtobijografija). Storja ta’ Ruħ (1898) sar wieħed mill-iktar bijografiji spiritwali li jinqraw.
Mard u mewt
immodifikaNhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-1896 Tereża sogħlot id-demm għall-ewwel darba. Kienet marida bit-tuberkolożi. Dak il-lejl stess inħakmet mill-“lejl mudlam” iżda hi “baqgħet żgħira” u Alla kien jerfagħha “minn mument għall-ieħor”. Oħtha Pauline kienet tinkedd taraha ssofri minn deni qawwi, vomitar ta’ demm u tbatija biex tieħu n-nifs. Tereża daret fuqha u qaltilha, “Toqgħodx tinkwieta… jekk ma nistax nieħu nifs, Alla jagħtini s-saħħa biex nissaporti. Jiena nħobbu! Hu qatt mhu se jitlaqni.” Tmien ġimgħat wara mietet bl-istess fiduċja, “Alla qatt mhu se jitlaqni, jiena ċerta…” qalet dakinhar li mietet. Ħalliet din l-art nhar it-30 ta’ Settembru 1897. Kien għad kellha biss 24 sena.
Wara mewtha
immodifikaIl-bosta mirakli li jingħad li saru bl-interċessjoni tagħha wettqu l-wegħda tagħha li, “Wara mewti, inħalli taqa’ xita ta’ ward.” Meta kienet żgħira Tereża xtaqet tmut martri bħal Ġovanna t'Arc. Din ta’ l-aħħar ġiet iddikjarata qaddisa fl-1920, f’ċerimonja modesta fil-Vatikan. Meta Tereża ġiet dikjarata qaddisa ħames snin wara (1925), il-Bażilika ta’ San Pietru iddawlet bil-fjakkoli, ċerimonja antika li tqajmet mill-ġdid għaliha b’miljun ruħ jimlew il-qċaċet ta’ Ruma biex jaraw il-Koppla l-Kbira mdawla għal Santa Tereżina.
Patruna u Duttur tal-Knisja
immodifikaSanta Tereża hija l-qaddisa patruna tal-missjunarji u l-avjaturi, u —flimkien ma’ Santa Ġovanna t’Arc — hija l-qaddisa patruna ta’ Franza. Fl-1997 il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha Duttur tal-Knisja. Il-Papa ħabbar dan quddiem miljun żagħżugħ miġburin f’Pariġi għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Awissu 1997 fejn qal: “Xtaqt li nħabbar solennement dan l-avveniment hawnhekk għax il-messaġġ ta’ Santa Tereża, mara żagħżugħa qaddisa hekk attwali għal żmienna, hija ta’ interess partikulari għalikom, iż-żgħażagħ."