Xmara Omo

xmara fl-Etjopja

Ix-Xmara Omo (bl-Amharic: ኦሞ ወንዝ, b'ittri Rumani: Omo Wenizi; imsejħa wkoll Omo-Bottego) fin-Nofsinhar tal-Etjopja hija l-ikbar xmara Etjopjana 'l barra mill-Baċir tan-Nil. Il-fluss kollu tagħha jinsab fi ħdan il-konfini tal-Etjopja, u titbattal fil-Lag ta' Turkana fil-fruntiera mal-Kenja. Ix-xmara hija n-nixxiegħa prinċipali ta' baċir bi drenaġġ endorrejku, magħruf bħala l-Baċir ta' Turkana.

Ix-xmara Omo qrib Omorati.

Il-baċir tax-xmara huwa famuż għall-għadd kbir ta' fossili tal-ominidi bikrin u ta' sejbiet arkeoloġiċi bħal għodod bikrin tal-ġebel, li nstabu hemmhekk u li wasslu biex il-Wied t'Isfel tal-Omo jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Ix-xmara Omo tifforma mill-konfluwenza tax-xmara Gibe, bil-bosta l-ikbar tributarja totali tax-xmara Omo, u tax-xmara Wabe, l-ikbar tributarja fix-xatt tax-xellug tax-xmara Omo bil-koordinati 8°19′N 37°28′E. Minħabba d-daqsijiet, it-tul u l-flussi tagħhom, wieħed jista' jqis ix-xmajjar Omo u Gibe bħala l-istess xmara iżda b'ismijiet differenti. B'hekk, il-baċir tax-xmara kollha xi kultant jissejjaħ bħala l-Baċir tax-Xmara Omo-Gibe. Dan il-baċir tax-xmara jinkludi parti mill-Punent tar-Reġjun ta' Oromia u n-nofs tar-Reġjun tan-Nazzjonijiet, tan-Nazzjonalitajiet u tal-Popli tan-Nofsinhar.

 
Id-delta tax-xmara Omo.

Il-fluss tax-xmara ġeneralment inixxi lejn in-Nofsinhar, madankollu b'lilwa kbira lejn il-Punent fil-koordinati 7° N 37° 30' E sa madwar 36° E, fejn imbagħad iddur lejn in-Nofsinhar sa 5° 30' N, fejn tagħmel lilwa b'għamla tal-ittra S u mbagħad tkompli tnixxi lejn in-Nofsinhar sal-Lag ta' Turkana. Skont materjali ppubblikati mill-Aġenzija Etjopjana tal-Istatistika Ċentrali, ix-xmara Omo-Bottego hija twila 760 kilometru (470 mil).

Matul il-fluss tagħha, ix-xmara Omo-Bottego tinżel total ta' madwar 700 metru (2,300 pied) mill-konfluwenza tax-xmajjar Gibe u Wabe minn għoli ta' 1,060 metru (3,480 pied) għal 360 metru (1,180 pied) fil-livell tal-lag, u b'hekk hija nixxiegħa rapida fil-partijiet ta' fuq tagħha, li tiġi interrotta ħesrem mill-Kaskata ta' Kokobi u minn kaskati oħra, u hija navigabbli biss għal distanza qasira fil-punt 'il fuq minn fejn titbattal fil-Lag ta' Turkana, wieħed mil-lagi tal-Foss Tettoniku ta' Gregory. L-iSpectrum Guide to Ethiopia jiddeskriviha bħala sit popolari għall-white-water rafting f'Settembru u f'Ottubru, meta l-livell tal-ilma tax-xmara jkun għadu għoli minħabba l-istaġun tax-xita.[2] L-iżjed tributarja importanti hija x-xmara Gibe; tributarji iżgħar jinkludu x-xmajjar Wabi, Denchya, Gojeb, Mui u Usno.

Ix-xmara Omo-Bottego ffurmat il-konfini tal-Lvant tal-eks renji ta' Janjero u Garo. Ix-xmara Omo tnixxi wkoll qalb il-Parks Nazzjonali ta' Mago u ta' Omo, li huma magħrufa għall-organiżmi selvaġġi. Bosta annimali jgħixu qrib ix-xmara u fiha, inkluż l-ippopotami, il-kukkudrilli u s-sriep.[3]

Sejbiet arkeoloġiċi

immodifika
 
Triq li taqsam minn naħa għall-oħra tax-xmara Omo.

Il-baċir kollu tax-xmara Omo huwa importanti ġeoloġikament u arkeoloġikament. Ġew identifikati iktar minn 50,000 fossila mill-Wied t'Isfel tal-Omo, inkluż 230 fossila ta' ominidi li jmorru lura għall-Plijoċen u għall-Plejstoċen.[4] Il-fossili tal-ġeneri Australopithecus u Homo nstabu f'diversi siti arkeoloġiċi, flimkien ma' għodod magħmula mill-kwarzit; l-eqdem minnhom imorru lura għal madwar 2.4 miljun sena ilu. Meta ġew skoperti, kien maħsub li l-għodod setgħu kienu parti mill-hekk imsejħa industrija ta' qabel il-kultura Oldowan, saħansitra iktar primittivi minn dawk li kienu nstabu fil-Fondoq ta' Olduvai. Riċerka li saret wara wriet li d-dehra grezza tal-għodod fil-fatt kienet ikkawżat mill-kwalità ħażina tal-materja prima, u li t-tekniki u l-għamliet użati jippermettu l-inklużjoni tagħhom fi żmien il-kultura Oldowan.

L-ewwel skoperti arkeoloġiċi fl-inħawi saru fl-1901 minn spedizzjoni Franċiża. L-iżjed sejbiet sinifikanti saru iktar 'il quddiem, bejn l-1967 u l-1975, minn tim arkeoloġiku internazzjonali. Dan it-tim sab għadd ta' oġġetti differenti, inkluż ix-xedaq ta' raġel tal-ġeneru Australopithecus, li huwa stmat li jmur lura għal xi 2.5 miljun sena ilu. L-arkeologi sabu wkoll frammenti ta' fossili ta' ominidi tal-kultura Olduwan mill-Plejstoċen Bikri sal-bidu tal-Plijoċen. L-għodod tal-kwarzit instabu flimkien ma' wħud mill-fdalijiet tal-Homo sapiens max-xtut tax-xmara. Minn dak iż-żmien tas-sejbiet, l-iskavi twettqu minn tim Franċiż u Amerikan konġunt.[5]

Apparti l-fossili tal-ominidi bikrin, instabu wkoll fossili ta' diversità ta' mammiferi u ta' ħut fi ħdan il-wied tax-xmara Omo.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Wied t'Isfel tal-Omo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Impatt uman

immodifika
 
Il-wied tax-xmara Omo.

Il-Wied t'Isfel tal-Omo attwalment huwa maħsub li għal eluf ta' snin kien salib it-toroq importanti u diversi kulturi u gruppi etniċi wettqu migrazzjoni madwar ir-reġjun. Il-popli tal-Wied t'Isfel tal-Omo, inkluż il-popli Mursi, Suri, Nyangatom, Dizi u Me'en, għadhom jiġu studjati sal-lum għad-diversità tagħhom.

L-esploratur Taljan Vittorio Bottego wasal għall-ewwel darba fix-xmara Omo fid-29 ta' Ġunju 1896 matul it-tieni spedizzjoni Afrikana tiegħu (1895-1897), u miet matul din l-ispedizzjoni fis-17 ta' Marzu 1897. Ix-xmara Omo bdiet tissejjaħ bħala x-xmara Omo-Bottego f'ġieħu. Herbert Henry Austin u t-tim ta' rġiel tiegħu waslu fid-delta tax-xmara Omo fit-12 ta' Settembru 1898, u sabu li spedizzjoni Etjopjana mmexxija minn Ras Wolda Giyorgis, kienet diġà tajret bnadar Etjopjani max-xatt tat-Tramuntana tal-Lag ta' Turkana fis-7 ta' April, u kienet serqet ir-rikkezzi tan-nies lokali u ħalliethom fil-faqar. Il-Logutenent Alexander Bulatovich mexxa t-tieni spedizzjoni Etjopjana li waslu ħdejn il-lag fil-21 ta' Awwissu 1899, u kienet distruttiva bl-istess mod. Minkejja dan, il-Franċiżi fit-tim irnexxielhom jimmappjaw bir-reqqa għall-ewwel darba ħafna mil-lilwiet tad-delta tax-xmara Omo. Dan l-immappjar tax-xmara Omo baqa' jintuża sas-snin 30 tas-seklu 20, meta l-kartografi kolonjali Taljani għamlu mmappjar ġdid u iktar preċiż tax-xmara u tad-delta tagħha.[7]

Impjanti tal-enerġija idroelettrika

immodifika

Hemm diversi impjanti tal-enerġija u digi fil-baċir tax-xmara Omo li ngħataw isem ix-xmajjar Gilgel Gibe u Gibe, li huma tributarji tax-xmara Omo. Minkejja t-tismija li tista' toħloq ftit tal-konfużjoni, l-impjanti tal-enerġija u digi huma nattivi u jinsabu tul ix-xmara Omo.

Impjant tal-Enerġija ta' Gilgel Gibe II

immodifika

L-Impjant tal-Enerġija ta' Gilgel Gibe II, bil-koordinati 7.756492664604506°N 37.56255950100352°E, huwa impjant idroelettriku max-xmara Omo b'output enerġetiku ta' 420 Megawatt (MW). L-impjant tal-enerġija jirċievi l-ilma minn daħla ta' mina, bil-koordinati 7°55′27″N 37°23′16″E, fix-xmara Gilgel Gibe permezz ta' skema operattiva tax-xmajjar. Id-daħla tal-mina tinsab iktar 'l isfel mid-Diga ta' Gilgel Gibe I tul ix-xmara Gilgel Gibe wkoll li flimkien magħha tifforma kaskata idroelettrika.

Diga ta' Gibe III

immodifika

Id-Diga Idroelettrika ta' Gibe III hija diga tal-konkos ikkumpattat għolja 243 metru (797 pied) bir-rombli u b'impjant idroelettriku assoċjat fix-xmara Omo. Dan huwa l-ikbar impjant idroelettriku fl-Etjopja b'output tal-enerġija ta' madwar 1,870 Megawatt (MW), u b'hekk iktar milli rdoppjat il-kapaċità installata totali fl-Etjopja mil-livell tal-2007 ta' 814-il MW.[8][9] Inqalgħet kontroversja rigward il-kostruzzjoni tad-diga, u diversi NGOs nedew kampanja biex jopponuha. Skont Terri Hathaway, id-direttur tal-Programm Internazzjonali tax-Xmajjar fl-Afrika, id-Diga ta' Gibe III hija "l-iżjed diga distruttiva li nbniet fl-Afrika". Il-proġett seta' jikkundanna "nofs miljun persuna mill-iktar vulnerabbli fir-reġjun għall-ġuħ u għall-kunflitt".[10] Grupp ta' organizzazzjonijiet internazzjonali nedew kampanja u petizzjoni online kontra l-proġett tad-diga fl-Etjopja minħabba tħassib relatat mad-drittijiet tal-bniedem.[11][12]

Madankollu, Azeb Asnake, il-maniġer tal-proġett tad-Diga ta' Gibe III għall-fornitur tal-enerġija tal-gvern, sostna li miżura ta' mitigazzjoni tħejjiet f'każ li jiġri xi ħaġa mhux mistennija. Apparti minn hekk, Asnake bassar li l-proġett ma kien se jkollu l-ebda konsegwenza avversa, u żied jgħid li iktar minn nofs miljun persuna li jgħixu fl-inħawi jiddependu fuq l-għajnuna għall-ikel u li l-impjant il-ġdid huwa meħtieġ peress li attwalment il-korporazzjoni tipprovdi l-enerġija lil 25 fil-mija biss tal-popolazzjoni.[13]

Għargħar tal-2006

immodifika
 
Mara u l-wild tagħha tal-poplu Karo qrib ix-xmara Omo.

Ix-xita qliel fl-2006 ikkawżat għargħar fil-wied t'isfel tax-xmara Omo, u għerqu mill-inqas 456 ruħ filwaqt li iktar minn 20,000 persuna spiċċaw lampa stampa fi żmien ħamest ijiem xita li ntemmew fis-16 ta' Awwissu. Filwaqt li x-xita qliel staġonali hija normali għal din il-parti tal-pajjiż, ir-ragħa eċċessiv u d-deforestazzjoni huma l-kawża ta' din it-traġedja. "Ix-xmajjar fl-Etjopja għandhom inqas kapaċità li jżommu l-istess ammont ta' ilma bħalma kienu jagħmlu fl-imgħoddi, peress li qed jimtlew bis-sedimenti", sostniet il-kelliema tal-Programm Dinji għall-Ikel Paulette Jones. "Hija meħtieġa inqas intensità tax-xita ... biex xmara fi kwalunkwe parti tal-pajjiż tfur". L-għargħar staġonali tax-xmara Omo huwa vitali għall-gruppi indiġeni li jgħixu max-xmara. L-għargħar iġib miegħu sedimenti għammiela u jgħerreq ix-xtut bl-ilma, u b'hekk il-kultivazzjoni fix-xtut tax-xmara ssir possibbli. Il-popli diversi fil-Wied t'Isfel tal-Omo — li jinkludu l-popli Turkana, Dassanach, Hamer, Nyangatom, Karo, Kwegu, Mursi, Bodi u Me'en — jiksbu parti kbira mill-provvista tal-ikel tagħhom mill-kultivazzjoni li ssir meta l-għargħar jirtira.

L-għargħar kbar u qerrieda tal-2006 huma l-uniċi li seħħew f'dawn l-aħħar ħamsin sena. It-tnaqqis reċenti fil-livell tal-Lag ta' Turkana, li ġeneralment huwa rrikonoxxut li jirċievi madwar 90 fil-mija tal-ilmijiet tiegħu mill-influss tax-xmara Omo, diġà kkawża żieda fil-livell ta' salinità. Id-daqs ikbar tad-delta, li issa laħaq madwar 1,300 kilometru kwadru (500 mil kwadru), ipprovda artijiet għall-kultivazzjoni wara l-għargħar u għar-ragħa tal-bhejjem tal-ifrat u ta' bhejjem domestiċi oħra tar-rgħajja indiġeni fil-Wied t'Isfel tal-Omo.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Lower Valley of the Omo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-16.
  2. ^ Camerapix (2000), p. 262.
  3. ^ Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. p. 281. ISBN 0-89577-087-3.
  4. ^ Alemseged, Z (April 2003). "An integrated approach to taphonomy and faunal change in the Shungura Formation (Ethiopia) and its implication for hominid evolution". Journal of Human Evolution. 44 (4): 451–478.
  5. ^ Plummer, Thomas W.; Ferraro, Joseph V.; Louys, Julien; Hertel, Fritz; Alemseged, Zeresenay; Bobe, René; Bishop, L.C. (November 2015). "Bovid ecomorphology and hominin paleoenvironments of the Shungura Formation, lower Omo River Valley, Ethiopia". Journal of Human Evolution. 88: 108–126.
  6. ^ Trapani, Josh (September 2008). "Quaternary fossil fish from the Kibish Formation, Omo Valley, Ethiopia". Journal of Human Evolution. 55 (3): 521–530.
  7. ^ "Local data on delta" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-06-12. Miġbur 2024-01-16.
  8. ^ "Gibe3 Home Page". web.archive.org. 2016-10-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-14. Miġbur 2024-01-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "EIA - International Energy Data and Analysis for Ethiopia". web.archive.org. 2010-08-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-08-31. Miġbur 2024-01-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "Web campaign against Ethiopia dam" (bl-Ingliż). 2010-03-23. Miġbur 2024-01-16.
  11. ^ "Web campaign against Ethiopia dam" (bl-Ingliż). 2010-03-23. Miġbur 2024-01-16.
  12. ^ International, Survival. "Giant dam to devastate 200,000 tribal people in Ethiopia". www.survivalinternational.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-16.
  13. ^ "nazret.com". nazret.com. Miġbur 2024-01-16.