Wied t'Isfel tal-Awash
Il-Wied t'Isfel tal-Awash huwa żona ta' riċerka paleoantropoloġika fit-tarf tal-Majjistral ta' Gabi Rasu fir-Reġjun ta' Afar tul ix-xmara Awash fid-Depressjoni ta' Afar tal-Etjopja. Huwa laboratorju naturali uniku għall-istudju tal-oriġini u tal-evoluzzjoni tal-bniedem u ta' għadd ta' fossili tal-ominidi bikrin, b'mod partikolari tal-Australopithecines, kif ukoll ta' wħud mill-eqdem artefatti magħrufa tal-ġebel tal-kultura Olduwan, li nstabu fis-sit — kollha jmorru lura għall-Mijoċen, għall-Plijoċen u għall-Plejstoċen Bikri, jiġifieri madwar 5.6 miljun sena ilu sa 2.5 miljun sena ilu.[1][2] Huwa maħsub b'mod mifrux li d-diverġenza tan-nisel tal-iżjed ominidi bikrin miċ-chimpanzees tlestiet qrib il-bidu ta' dak il-perjodu ta' żmien, jew xi żmien bejn seba' u ħames miljun sena ilu. Madankollu, il-komunità usa' ta' xjenzati tipprovdi diversi stimi għall-perjodi ta' diverġenza li jimplikaw firxa ikbar ta' żmien għal dan l-avveniment.[3][4]
Sejbiet arkeoloġiċi
immodifikaSejba reċenti tal-Australopithecus anamensis ġiet datata li tmur lura għal madwar 4.2 miljun sena ilu, u b'hekk hemm distakk ta' 200,000 sena biss minn fossila iktar bikrija tal-Ardipithecus ramidus iktar primittiv (4.4 miljun sena ilu). Il-fossili tal-Australopithecus garhi ġew datati li huma saħansitra reċenti daqs il-bidu tal-Plejstoċen, jew 2.5 miljun sena ilu; il-fossili tal-Homo erectus fil-membru ta' Daka fis-sit (miljun sena ilu) u tal-Homo sapiens idaltu (160,000 sena ilu) ġew datati li jmorru lura għall-Plejstoċen Nofsani u Aħħari. Barra minn hekk, instabu rqajja' tat-tafal moħmi, li wħud iqisu bħala evidenza tal-użu kkontrollat tan-nar, u li jmorru lura għal dak l-istess perjodu iktar reċenti.[5]
Is-sedimenti fis-sit oriġinarjament ġew depożitati fil-lagi jew fix-xmajjar, u l-karbonati li nstabu fis-sit fihom proporzjonijiet baxxi ta' isotopi tal-karbonju. Din l-informazzjoni tissuġġerixxi li l-ambjent tal-Wied t'Isfel tal-Awash kien bl-ilma matul il-Mijoċen Aħħari, u li dan ir-reġjun li attwalment huwa wieħed aridu, dak iż-żmien kien okkupat minn ħabitats bil-boskijiet jew bil-bwar tal-ħaxix u s-siġar. Fost il-fdalijiet ta' fossili ta' vertebrati oħra li nstabu flimkien mal-ominidi, hemm ta' tip partikolari ta' far tal-kannamiela, li jkompli jsostni l-ħsieb ta' tali ambjent. Fir-reġjun seħħ vulkaniżmu perjodiku, li x'aktarx li ħoloq reġjuni ekoloġiċi distinti li kienu abitati minn speċijiet differenti ta' annimali vertebrati.[6]
Fost il-fossili l-iżjed importanti ta' ominidi li nstabu fil-Wied t'Isfel tal-Awash hemm:
- l-Ardipithecus kadabba;
- l-Ardipithecus ramidus;
- l-Australopithecus afarensis;
- l-Australopithecus garhi;
- l-Australopithecus anamensis;
- l-Homo erectus;
- l-Homo sapiens idaltu (li nstab f'Herto Bouri).
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Wied t'Isfel tal-Awash ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[7]
Referenzi
immodifika- ^ Kipfer, Barbara Ann (2000) [2000]. Encyclopedic Dictionary of Archaeology. New York, NY: Kluwer Acad./Plenum Publ. ISBN 0-306-46158-7.
- ^ De Heinzelin, J; Clark, JD; White, T; Hart, W; Renne, P; Woldegabriel, G; Beyene, Y; Vrba, E (1999). "Environment and behavior of 2.5-million-year-old Bouri hominids". Science. 284 (5414): 625–9.
- ^ Haile-Selassie, Yohannes (2001-07-12). "Late Miocene hominids from the Middle Awash, Ethiopia". Nature. 412 (6843): 178–181.
- ^ Gilbert, W. Henry; Asfaw, Berhane (2008). Homo Erectus: Pleistocene Evidence from the Middle Awash, Ethiopia. University of California Press. ISBN 978-0-520-25120-5.
- ^ Bogucki (1999) [1999-09-01]. Origins of Human Society. Blackwell Publishing. ISBN 1-57718-112-3.
- ^ "BIMODAL VOLCANISM AND RIFT BASIN DEVELOPMENT IN THE MIDDLE AWASH REGION, ETHIOPIA". web.archive.org. 2009-10-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-04. Miġbur 2024-01-16.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Lower Valley of the Awash". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-16.