Wied Superjuri tar-Renu Nofsani
Il-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani, magħruf ukoll bħala r-Renu Romantiku jew il-Fondoq tar-Renu, huwa sezzjoni ta' 65 kilometru tax-xmara Renu bejn Koblenz u Rüdesheim fl-istati federali ta' Rheinland-Pfalz u Hesse fil-Ġermanja. F'Ġunju 2002 din is-sezzjoni tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba s-sbuħija tagħha bħala pajsaġġ kulturali, l-importanza tagħha bħala rotta tat-trasport fl-Ewropa, u l-adattamenti uniċi tal-binjiet u tar-raba' mtarraġ max-xaqlibiet weqfin tal-fondoq.[1]
Il-blat tar-reġjun żviluppa fil-perjodu Devonjan u huwa magħruf teknikament bħala l-blat tar-Renu (bl-Ingliż: Rhenish Facies). Dan it-tip ta' blat sedimentarju fih bosta fossili u jikkonsisti l-iktar mil-lavanja. Il-blat għadda minn bosta fenomeni ġeoloġiċi konsiderevoli matul il-perjodu Karboniferu. Il-fondoq issawwar matul elevazzjoni ġeoloġika ferm iktar reċenti li ħalliet warajha x-xmara fil-fondoq b'żewġ xtut għoljin sa 200 metru. L-iżjed karatteristika famuża tal-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani hi l-Lorelei.
Il-fondoq fih il-mikroklima tiegħu stess u aġixxa bħala kuritur għal speċijiet li ma jinstabu mkien iktar fir-reġjun. Ix-xaqlibiet tiegħu ilhom li ġew imtarrġa għall-agrikoltura, b'mod partikolari għall-vitikoltura li tgawdi minn kundizzjonijiet tajbin speċjalment fix-xaqlibiet li jħarsu lejn in-Nofsinhar. Il-biċċa l-kbira tal-vinji jagħmlu parti mir-reġjun tal-inbid tar-Renu Nofsani magħruf bħala Mittelrhein, iżda l-partijiet li jinsabu l-iktar fin-Nofsinhar jagħmlu parti minn Rheingau u minn Nahe.
Ix-xmara ilha rotta kummerċjali importanti fl-Ewropa ċentrali mill-preistorja u sensiela ta' insedjamenti żgħar kienu żviluppaw tul ix-xtut tal-fondoq. Minħabba li ma tantx huma mdaqqsin, bosta mill-irħula antiki tul il-fondoq għad għandhom qalba storika li ġiet ippreservata sa llum il-ġurnata. Bis-saħħa tal-ġid li tkattar permezz ta' din ir-rotta kummerċjali importanti fl-Ewropa ċentrali, bejn wieħed u ieħor inbnew 40 kastell fuq għoljiet differenti u l-wied sar reġjun ewlieni tal-Imperu Ruman Sagru. Kien fiċ-ċentru tal-Gwerra ta' Tletin Sena, li ħalliet warajha bosta kastelli mġarrfa, attrazzjoni partikolari għad-dgħajjes li llum il-ġurnata jittrasportaw lit-turisti tul ix-xmara Renu. Fl-imgħoddi kien hemm żmien meta l-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani kien jifforma parti minn fruntiera ta' Franza, iżda fis-seklu 19 il-wied sar parti mill-Prussja u l-pajsaġġ tiegħu sar pajsaġġ karatteristiku tal-Ġermanja.
Din il-parti tar-Renu tissema ferm fil-folklor, pereżempju l-kastell leġġendarju mar-Renu fejn ġiet ambjentata l-opra ta' Götterdämmerung. Il-festivals annwali tar-Rhein in Flammen jinkludu logħob tan-nar f'Sankt Goar f'Settembru u f'Koblenz f'Awwissu. L-aqwa post biex wieħed igawdi dan il-logħob tan-nar huwa minn waħda mill-bosta dgħajjes fuq ir-Renu.
Bliet u rħula tul il-fondoq
immodifika- Koblenz (Punent u Lvant)
- Lahnstein (Lvant)
- Rhens (Punent)
- Braubach (Lvant)
- Boppard (Punent)
- St. Goarshausen (Lvant) u kważi direttament faċċata
- Sankt Goar (Punent) qrib il-blata tal-Lorelei (Lvant)
- Oberwesel (Punent)
- Kaub (Lvant)
- Bacharach (Punent)
- Lorch (Lvant)
- Assmannshausen (Lvant)
- Bingen (Punent)
- Rüdesheim (Lvant)
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Gallerija
immodifika-
Veduta tal-Kastell ta' Katz bil-blat ta' Lorelei fl-isfond.
-
Veduta mill-ajru tal-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani fl-inħawi ta' Sankt Goarshausen bil-blat ta' Lorelei fin-naħa t'isfel.
-
Koblenz, id-daħla tat-Tramuntana ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bil-Fortizza ta' Ehrenbreitstein.
-
Id-Deutsches Eck, fil-konfluwenza tar-Renu u tal-Moselle.
-
Il-Kastell ta' Stolzenfels, qrib Koblenz, l-epitoma tar-Romantiċiżmu tar-Renu.
-
Il-Kastell ta' Marksburg, l-unika kastell fl-għoljiet tal-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani li qatt ma ġġarraf.
-
Veduta mix-xatt tax-xellug tar-Renu qrib Sankt Goar bil-blat ta' Lorelei.
-
Bolla postali tal-2006.
-
Il-Kastell ta' Pfalzgrafenstein fir-Renu Nofsani, f'Kaub, u l-Kastell ta' Gutenfels fl-isfond.
-
Il-Kappella ta' Werner f'Bacharach.
-
Il-Kastell ta' Rheinstein, l-ewwel kastell li reġa' nbena fis-seklu 19.
-
Binger Loch, id-daħla tan-Nofsinhar tal-fondoq; it-Torri tal-Ġurdien fuq ix-xellug u l-Kastell ta' Ehrenfels fuq il-lemin.
-
Il-monument ta' Niederwalddenkmal bil-personifikazzjoni ta' Germania, f'Rüdesheim.
-
Waħda mill-eqdem knejjes li għadha teżisti f'dan is-Sit ta' Wirt Dinji, il-Bażilika ta' San Castor f'Koblenz.
-
Rhein in Flammen fl-2011, quddiem il-Fortizza ta' Ehrenbreitstein f'Koblenz.
-
Il-Kastell ta' Stahleck.
-
Veduta tar-Renu minn Kaub.
-
Is-servizz tal-cable car tar-Renu f'Koblenz.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Upper Middle Rhine Valley". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.