Vladimir Ashkenazy
Vladimir Davidovich Ashkenazy (bir-Russu: Влади́мир Дави́дович Ашкена́зи, Vladimir Davidovich Ashkenazi; twieled fis-6 ta’ Lulju 1937) huwa pjanista solista, mużiċista u surmast magħruf internazzjonalment. Oriġinarjament huwa mir-Russja u mill-1972 għandu ċittadinanza Iżlandiża. Huwa ilu jgħix fl-Iżvizzera mill-1978. Ashkenazy ikkollabora ma’ orkestri u solisti magħrufin ferm. Barra minn hekk, huwa rreġistra maħżen kbir ta’ xogħlijiet klassiċi u romantiċi. Permezz tar-reġistrazzjonijiet tiegħu ngħata ħames Grammys u l-Ordni tal-Falkun tal-Iżlanda.
Vladimir Ashkenazy | |||
---|---|---|---|
1996 - 2003 ← Gerd Albrecht - Zdeněk Mácal → | |||
Ħajja | |||
Twelid | Nizhny Novgorod, 6 Lulju 1937 (87 sena) | ||
Nazzjonalità |
Russja Iżlanda | ||
Familja | |||
Ulied |
uri
| ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater |
Skola Ċentrali tal-Mużika Konservatorju ta' Moska | ||
Lingwi |
Ingliż Russu | ||
Għalliema | Lev Oborin | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
classical pianist (en) surmast tal-orkestra kompożitur pjanist | ||
Premjijiet | |||
Moviment artistiku | mużika klassika | ||
Strument/i tal-mużika | pjanu | ||
Tikketta tar-reġistrazzjoni | Decca |
Ħajja bikrija
immodifikaVladimir Ashkenazy twieled f’Gorky, l-Unjoni Sovjetika (illum Nizhny Novgorod, ir-Russja), iben il-pjanista u l-kompożitur David Ashkenazi u l-attriċi Yevstolia Grigorievna (kunjomha xebba Plotnova). Missieru kien Lhudi u ommu twieldet f’familja Ortodossa Russa. Ashkenazy tgħammed fi knisja Ortodossa Russa.[1] Huwa beda jdoqq il-pjanu meta kellu sitt snin u ġie aċċettat fl-Iskola Ċentrali tal-Mużika meta kellu tmien snin, fejn studja ma’ Anaida Sumbatyan.
Edukazzjoni
immodifikaAshkenazy attenda l-Konservatorju ta’ Moska fejn studja ma’ Lev Oborin u ma’ Boris Zemliansky. Huwa rebaħ it-tieni premju fil-Kompetizzjoni Chopin Internazzjonali tal-Pjanu f’Varsavja fl-1955 u l-ewwel premju fil-Kompetizzjoni Mużikali tar-Reġina Eliżabetta fi Brussell fl-1956. Huwa kkondivida l-ewwel premju fil-Kompetizzjoni Tchaikovsky Internazzjonali fl-1962 flimkien mal-pjanista Brittaniku John Ogdon. Bħala student, bħal ħafna f’dak iż-żmien, huwa ġie pedinat mill-KGB biex isir “informatur”. Huwa fil-fatt ma kkooperax, minkejja l-pressjoni mill-awtoritajiet.
Ħajja personali
immodifikaFl-1961, huwa żżewweġ lill-Iżlandiża Þórunn Jóhannsdóttir, li studjat il-pjanu miegħu fil-Konservatorju ta’ Moska. Sabiex tiżżewweġ lil Ashkenazy, Þórunn ġiet sfurzata ċċedi ċ-ċittadinanza Iżlandiża tagħha u tiddikjara li riedet tgħix fl-Unjoni Sovjetika. Isimha s-soltu jiġi trażlitterat bħala "Thorunn"; il-laqam tagħha huwa Dódý[2], u għalhekk hija magħrufa bħala Dódý Ashkenazy.
Wara diversi proċeduri burokratiċi, l-awtoritajiet Sovjetiċi qablu li l-familja Ashkenazy tkun tista’ żżur il-Punent għal spettakli mużikali u għal żjarat lill-ġenituri ta’ Dódý meta kellhom l-ewwel tifel. Fil-memorji tiegħu, il-mexxej Sovjetiku Nikita Khrushchev semma li Ashkenazy kien iżżewweġ lil mara Ingliża u wara żjara f’Londra rrifjutat li terġa’ lura fl-Unjoni Sovjetika. Khrushchev semma wkoll li Ashkenazy imbagħad talab parir mill-Ambaxxata Sovjetika f’Londra, li rreferiet il-kwistjoni lil Moska. Khrushchev qal li kien tal-fehma li kieku Ashkenazy mar lura fl-Unjoni Sovjetika kien jitqies bħala “Anti-Sovjetiku”. Huwa qal ukoll li dan kien eżempju tajjeb ta’ artist li seta’ jidħol u joħroġ mill-Unjoni Sovjetika liberament, għalkemm Ashkenazy sostna li din kienet "distorsjoni faħxija tal-verità". Fl-1963, Ashkenazy iddeċieda li jitlaq għalkollox mill-Unjoni Sovjetika, u beda jirresjedi f’Londra, fejn kienu jgħixu l-ġenituri tal-mara tiegħu.[3]
Il-koppja marret tgħix fl-Iżlanda fl-1968 u fl-1972 Ashkenazy sar ċittadin Iżlandiż.[4] Fl-1970 huwa għen biex jistabbilixxi l-Festival tal-Arti ta’ Reykjavík; attwalment għadu l-President Onorarju tiegħu.[5][6] Fl-1978 il-koppja u l-erbat it-tfal tagħhom (sa dak iż-żmien - Vladimir Stefan, Nadia Liza, Dimitri Thor, u Sonia Edda) marru jgħixu f’Lucerne, l-Iżvizzera. Il-ħames tifla tagħhom, Alexandra Inga, twieldet fl-1979. Mill-1989, Ashkenazy beda jirresjedi f’Meggen.[7] It-tifel il-kbir tiegħu, Vladimir, li juża l-laqam “Vovka” fuq il-palk, huwa pjanista kif ukoll għalliem fl-Akkademja Internazzjonali tal-Pjanu ta’ Imola. It-tieni iben tiegħu, Dimitri, huwa klarinettista.
Kritika
immodifikaThe Guardian stqarret li Ashkenazy kien surmast b’talent naturali speċjalment fir-rigward ta’ xogħlijiet mużikali ta’ Prokofiev u Glière waqt sensiela ta’ kunċerti li esploraw ir-rispons mużikali għar-Rivoluzzjoni Bolxevika tal-1917, inkluż Iron Foundry (1927) tal-kompożitur Alexander Mosolov u The Red Poppy, żfin klassiku bil-mużika ta’ Glière.[8]
Karriera
immodifikaAshkenazy irreġistra repertorju mużikali wiesgħa għall-pjanu, kemm xogħlijiet solisti kif ukoll kunċerti. Fost ir-reġistrazzjonijiet tiegħu hemm:
- The Well-Tempered Clavier ta’ Bach
- French Suites ta’ Bach
- 24 Preludju u Fuga ta’ Shostakovich
- sonati kompluti ta’ Beethoven
- sonati kompluti ta’ Scriabin
- ix-xogħlijiet kompluti għall-pjanu ta’ Rachmaninoff
- ix-xogħlijiet kompluti għall-pjanu solist ta’ Chopin
- ix-xogħlijiet (kważi) kompluti għall-pjanu ta’ Schumann
Fost ir-reġistrazzjonijiet tal-kunċerti tiegħu hemm:
- il-kunċerti kompluti tal-pjanu ta’ Mozart (fejn kien surmast bit-tastiera mal-Orkestra Philharmonia)
- tliet ċikli ta’ ħames kunċerti ta’ Beethoven
- (a) mal-Orkestra Sinfonika ta’ Chicago taħt Sir Georg Solti
- (b) ma’ Zubin Mehta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Vjenna
- (c) bħala surmast mill-pjanu mal-Orkestra ta’ Cleveland
- Brahms ma’ Bernard Haitink (Nru 1 mal-Orkestra tal-Concertgebouw; Nru 2 mal-Orkestra Filarmonika ta’ Vjenna)
- Bartók (ma’ Georg Solti u l-Orkestra Filarmonika ta’ Londra)
- Prokofiev (ma’ André Previn u l-Orkestra Filarmonika ta’ Londra)
- żewġ ċikli tal-kunċerti ta’ Rachmaninoff
- (a) ma’ André Previn u l-Orkestra Filarmonika ta’ Londra
- (b) ma’ Bernard Haitink u l-Orkestra tal-Concertgebouw
Fl-ispettakli pubbliċi bil-pjanu, Ashkenazy kien magħruf li jirrifjuta li jilbes l-ingravata u qmis bil-buttuni u minflok jilbes flokk abjad bl-għonq twil. Barra minn hekk kien iħobb jiġri (mhux jimxi) fuq il-palk u lil hinn mill-palk. Daqq u rreġistra wkoll mużika tal-kamra. Ashkenazy kellu wkoll karriera kollaborattiva tajba, inkluż reġistrazzjoni famuża tas-sonati kompluti ta’ Beethoven bil-vjolin ma’ Itzhak Perlman, kif ukoll is-sonati bil-vjolinċell ma’ Lynn Harrell, u wirjiet bil-pjanu ma’ Harrell u ma’ Perlman f’daqqa.
F’nofs il-karriera internazzjonali tiegħu bil-pjanu, Ashkenazy beda jagħmilha iktar ta’ surmast. Fl-Ewropa, Ashkenazy kien is-surmast prinċipali tal-Orkestra Filarmonika Rjali mill-1987 sal-1994, u tal-Orkestra Filarmonika Ċeka mill-1998 sal-2003. Ashkenazy huwa surmast onorarju tal-Orkestra Philharmonia, surmast onorarju tal-Orkestra Sinfonika tal-Iżlanda, u direttur mużikali tal-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea.[9] F’Lulju 2013 huwa sar direttur tal-Accademia Pianistica Internazionale di Imola, fejn ħa l-post tal-predeċessur u l-fundatur Franco Scala.[10] Ir-reġistrazzjonijiet tiegħu bħala surmast jinkludu ċikli kompluti tas-sinfoniji ta’ Sibelius u ta’ Rachmaninoff, kif ukoll xogħlijiet orkestrali ta’ Prokofiev, Shostakovich, Scriabin, Richard Strauss, Stravinsky, Beethoven, u Tchaikovsky.
Barra mill-Ewropa, Ashkenazy kien direttur mużikali tal-Orkestra Sinfonika NHK mill-2004 sal-2007. Huwa kien is-surmast ewlieni tal-Orkestra Sinfonika ta’ Sydney mill-2009 sal-2013.[11]
Ashkenazy irreġistra għal Decca mill-1963; fl-2013, Decca ċċelebra l-50 anniversarju mat-tikketta diskografika bis-sett “Vladimir Ashkenazy: 50 Years on Decca”, li kien jinkludi 50 reġistrazzjoni ta’ Ashkenazy kemm bħala pjanista kif ukoll bħala surmast. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq snin Ashkenazy, meta għalaq 80 snin, Decca rrilaxxat “Complete Piano Concerto Recordings” u “Ashkenazy on Vinyl” f’Lulju 2017. Ashkenazy deher ukoll f’diversi films ta’ Christopher Nupen dwar il-mużika. Huwa għamel ukoll l-orkestrazzjoni tiegħu stess tax-xogħol mużikali bil-pjanu ta’ Modest Mussorgsky, Pictures at an Exhibition (1982). Kien hemm ukoll CD li ġie prodott bix-xogħlijiet tiegħu bit-titlu “The Art of Ashkenazy”, u ġiet ippubblikata bijografija ta’ Ashkenazy bit-titlu “Beyond Frontiers”.
Fis-17 ta’ Jannar 2020, l-aġenzija tal-ġestjoni tal-artisti Harrison Parrott ħabbret li Ashkenazy irtira.[12]
Premjijiet u rikonoxximenti
immodifika- 1955 Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Chopin bil-Pjanu, Varsavja (it-tieni premju)[13]
- 1956 Kompetizzjoni Mużikali tar-Reġina Eliżabetta għall-pjanu, Brussell
- 1962 Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Tchaikovsky, Moska (kondiviż ma’ John Ogdon)
- 2000 Premju taċ-Ċittadinanza ta’ Hanno R. Ellenbogen, mal-Orkestra Filarmonika Ċeka
- President attwali tas-Soċjetà ta’ Rachmaninoff
- 2019 Medalja ta’ Elgar
- 2014 Premju Internazzjonali ta’ Sergei Rachmaninov
- Premju Grammy għall-Aqwa Prestazzjoni ta’ Solista Strumentali (mal-orkestra)
- 1974 Beethoven: Il-Kunċerti għall-Pjanu (Vladimir Ashkenazy, Sir Georg Solti u l-Orkestra Sinfonika ta’ Chicago)
- Premju Grammy għall-Aqwa Prestazzjoni tal-Mużika tal-Kamra
- 1979 Beethoven: Sonati għall-Vjolin u l-Pjanu (Itzhak Perlman u Vladimir Ashkenazy)
- 1982 Tchaikovsky: Tlieta bil-Pjanu f’A minuri (Vladimir Ashkenazy, Itzhak Perlman, Lynn Harrell)
- 1988 Beethoven: Kollezzjoni Kompluta ta’ Tlieta bil-Pjanu (Vladimir Ashkenazy, Itzhak Perlman, Lynn Harrell)
- Premju Grammy għall-Aqwa Prestazzjoni ta’ Solista Strumentali
- 1986 Ravel: Gaspard de la nuit; Pavane pour une infante défunte; Valses nobles et sentimentales
- 2000 Shostakovich: 24 Preludju u Fuga, Op. 87
Biblijografija
immodifika- Ashkenazy, Vladimir; Parrott, Jasper (1985). Beyond Frontiers. New York: Atheneum. ISBN 0-689-11505-9.
Referenzi
immodifika- ^ "Who is Vladimir Ashkenazy, and what are his contributions to music? - eNotes.com". eNotes (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-03-22. Miġbur 2021-07-06.
- ^ Pathé, British. "Russian Pianist Vladimir Ashkenazy Interviewed". www.britishpathe.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
- ^ Khrushchev Remembers, London, 1971, p. 521.
- ^ "Vladimir Ashkenazy | Biography & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Organisation — Reykjavík Artfest". archive.ph. 2013-11-04. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "EFA - Reykjavik Arts Festival - profile - members - European Festivals Association". web.archive.org. 2012-12-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-12-31. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "«Es ist schwer, die Sowjetunion zu vermissen»" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Philharmonia/Ashkenazy review – thumping Soviet classics pin you to your seat". the Guardian (bl-Ingliż). 2018-03-23. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "European Union Youth Orchestra". web.archive.org. 2008-04-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-04-20. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Musica, Ashkenazy nuovo direttore dell'Accademia pianistica di Imola". la Repubblica (bit-Taljan). 2013-07-15. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Maestro's star power a masterstroke for orchestra". The Sydney Morning Herald (bl-Ingliż). 2007-04-12. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Vladimir Ashkenazy Retires". HarrisonParrott (bl-Ingliż). 2020-01-17. Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Międzynarodowy Konkurs im. Fryderyka Chopina". web.archive.org. 2007-04-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-14. Miġbur 2021-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)