Pëtr Il'ič Čajkovskij

Pëtr Il'ič Čajkovskij[1] (bir-Russu: Пётр Ильи́ч Чайко́вский; Votkinsk, 7 ta' Mejju 1840San Pietruburgu, 6 ta' Novembru 1893) kien kompożitur Russu tal-era romantika.

Pëtr Il'ič Čajkovskij
professur

Ħajja
Twelid Kamsko-Votkinsk, 25 April 1840 (in Julian calendar), 7 Mejju 1840
Nazzjonalità Imperu Russu
Residenza San Pietruburgu
Moska
Kamsko-Votkinsk
Moska
Alapayevsk
San Pietruburgu
Clarens
Firenze
Ruma
Moska
Klin
Klin
Ewropa
L-ewwel lingwa Russu
Mewt Malaya Morskaya Street, 13 (en) Translateu San Pietruburgu, 25 Ottubru 1893 (Julian)
Post tad-dfin Ċimiterju Tixvin
Kawża tal-mewt kawżi naturali (Kolera)
Familja
Missier Il'ja Petrovič Čajkovskij
Omm Aleksandra Čajkovskij
Konjuga/i Antonina Miljukova  (Lulju 1877 -  Settembru 1877)
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Konservatorju ta' San Pietruburgu 1865)
Skola Imperjali tal-Ġurisprudenza
(1850 - 12 Mejju 1859 (Julian))
Livell tal-edukazzjoni dottorat fil-mużika
Lingwi Russu
Franċiż
Ġermaniż
Għalliema Nikolai Zaremba (en) Translate
Anton Rubinstein (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
librettist
surmast tal-orkestra
koreografu
għalliem tal-mużika
pjanist
awtobijografu
kritiku tal-mużika
djarist
traduttur
għalliem fl-università
Post tax-xogħol San Pietruburgu
Moska
Impjegaturi Università ta' Washington
Konservatorju ta' Moska  (1866 -
Xogħlijiet importanti Swan Lake (en) Translate
The Nutcracker (en) Translate
The Sleeping Beauty (en) Translate
Symphony No. 6 (en) Translate
Piano Concerto No. 1 (en) Translate
1812 Overture (en) Translate
Violin Concerto (en) Translate
Eugene Onegin (en) Translate
The Queen of Spades (en) Translate
Premjijiet
Moviment artistiku sinfonija
opra
mużika taż-żfin klassiku
mużika klassika
mużika romantika
Strument/i tal-mużika pjanu

Bijografija

immodifika

Čajkovskij twieled Kamsko-Votkinsk, ir-Russja, minn Il'ja Petrovič Čajkovskij, inġinier minerarju Ukren u mit-tieni mara tiegħu, Aleksandra Andreevna Assier, li kienet ta' nisel Franċiż. Beda jieħu l-lezzjonijiet tal-pjanuforte meta kellu seba' snin. Mill-1861 sal-1865 studja fil-Konservatorju ta' San Pietruburgu, fejn ħa d-diploma bil-kompożizzjoni "Għanja lill-ferħ" fuq versi ta' Schiller. Fl-1866 inħatar professur tat-teorija u armonija fil-Konservatorju ta' Moska, imwaqqaf dik is-sena. Din il-kattedra offrihilu Nikolaj Rubinstein fuq rakkomandazzjoni ta' Anton Rubinstein, ħu Nikolaj u l-ewwel għalliem ta' Čajkovskij f'San Pietruburgu. Żamm dik il-pożizzjoni sal-1876.

Disagħt ijiem biss wara l-ewwel kunċert tas-Sitt Sinfonija tiegħu, (Pathétique), fl-1893 f'San Pietruburgu, Čajkovskij miet. Hemm opinjoni mifruxa li kien qatel ruħu b'idejh, allavolja l-mod u ċ-ċirkustanzi għadhom mhux ċerti: isemmiet ukoll il-kolera, li seta' ħa mill-ilma mniġġeż li kien xorob ftit jiem qabel. Imma hu iżjed probabbli li kien avvelenament bl-arseniku billi nafu li fil-funeral Rimskij-Korsakov u xi wħud minn sħabu warajh resqu lejn il-mejjet u bisuh fuq ġbinu. Hemm xnieġħa oħra li xi ħbieb tiegħu u xi nies li kien studja magħhom inkuraġġewh biex joqtol ruħu b'idejh biex jevita skandlu minħabba xi relazzjoni li kellu ma' neputi ta' membru tal-aristokrazija Russa.

Minkejja l-omosesswalità tiegħu, fit-18 ta' Lulju 1877, iżżewweġ, għalkemm kontra qalbu, lil Antonina Miljukova, studenta fil-konservatorju li kienet tammirah ħafna. Kien iddeċieda li jiżżewweġ ‘il min jieħdu. Il-konsegwenzi fuq il-psike ta' Čajkovskij kienu tal-biża': ġranet biss wara ż-żwieġ beda jiddispjaċih u ġimgħatejn wara waqa' fl-ilma ngazzat tax-xmara Moskova u kien ħa jmut l-aħħar (jgħidu li kien attentat ta' suwiċidju bla grazzja); darba li kien għaddhielu l-effett tal-inċident, telaq lejn San Pietruburgu b'għeja nervuża kbira.

Matul ħajtu kellu appoġġ ekonomiku u morali ġeneruż mill-armla għanja Nadežda von Meck. Din kienet intlaqtet ħafna mill-mużika ta' Čajkovskij u saret il-finanziera prinċipali tal-kompożitur. Bis-somom kbar ta' flus li tagħtu seta' jitlaq mill-kattedra fil-konservatorju biex jiddedika ruħu kompletament għall-kompożizzjoni. Kienet ukoll konfidenti privileġġata għaliex kellha korrispondenza kontinwa miegħu li damet mill-1877 sal-1890, b'total ta' 'l fuq minn 1200 ittra; huma, bi ftehim bejniethom, qatt ma ltaqgħu. Ma' dan kollu wara 13-il sena, il-korrispondenza waqfet f'daqa, uffiċjalment minħabba li l-benefattriċi falliet, allavolja ħafna (fosthom Berberova fil-bijografija tagħha) sostnew li l-kawża kienet l-iskoperta tal-omosesswalità ta' Pëtr Il'ič.

Forsi l-iżjed bijografija interessanti ta' Čajkovskij hi dik li kitbet Nina N. Berberova, li tagħmel iżjed enfasi fuq l-istudju psikoloġiku tal-personalità tal-mużiċista milli fuq l-analisi tax-xogħol artistiku tiegħu. Din il-bijografija għandha t-titlu evokattiv It-tifel tal-ħġieġ, kif kienet issejjaħlu il-maħbuba governanti Fanny. F'dal-ktieb l-awtriċi tpinġi ritratt interessanti tal-artista, li jibda mill-fraġiltà żagħżugħa tat-tifel, marbut morbożament ma' ommu, ta' oriġni Franċiża, li mietet f'età żgħira bil-kolera. Matul is-snin tal-adolexxenza, immarkati b'ħbiberiji mħawdin ma' ħbieb fil-konservatorju, kellu rabta ta' mħabba profonda mal-kuġin tiegħu Davydov, li għalih iddedika l-aħħar xogħol tiegħu, is-sitt sinfonija, li bla dubju tista' titqis bħala t-testment spiritwali ta' Čajkovskij. Fil-bijografija tagħha Berberova ċaħdet kategorikament l-ipoteżi tas-suwiċidju u twaħħal fix-xorb tal-ilma mniġġeż bħala l-kawża tad-diżgrazzja tal-mewt tiegħu.

Il-ħajja tiegħu hi rakkontata fil-film ta' Ken Russell The music lovers (1970).

Il-qabar tiegħu qiegħed fiċ-Ċimiterju Tixvin ta' San Pietruburgu.

Čajkovskij kulturament kien imbiegħed ħafna mill-kompożituri Russi kontemporanji miegħu (dawn saru jissejħu l-Grupp ta' Ħamsa) li kienu ispirati min-nazzjonaliżmu, waqt li hu, fil-mużika kellu spirtu kożmopolita. Però, il-partituri tiegħu, mimlijin sensibbiltà u eleganza naturali, xorta juru tratti li huma distintament Russi, fl-għażla spissa tal-mod minuri u fuq kollox fil-melodiji li sikwit huma meħudin mill-kant tradizzjonali jew mill-liturġija ortodossa.

Bil-kontra tal-kollegi Russi, Čajkovskij f'ħajtu kollha kien jistudja l-mużika tal-punent - minn Mozart sal-operisti Taljani u mir- romantiċi Ġermaniżi għall-iskola ġdida Franċiża ta' Bizet u Massenet. (Ta' min jinnota li Beethoven ma tantx kien jogħġbu, l-iżjed Beethoven tal-maturità, u ‘l Schumann kien jippreferih mir-"rival" Brahms.) Hekk irnexxilu jagħti l-mużika tiegħu xeħta tassew internazzjonali.

F'dan is-sens, il-figura tiegħu ta' mużiċista kapaċi li jassorbi u jirrielabora kwalunkwe lingwaġġ u kull forma mużikali, hi fundamentali fl-ambitu romantiku kif ukoll biex nifhmu l-vjaġġ artistiku li kien ħa jagħmel fil-futur Stravinskij.

Fost il-ħafna aspetti tal-figura tiegħu b'ħafna faċċati, ta' kompożitur instintiv u appassjonat u fl-istess ħin attent ħafna għall-irfinar formali, tispikka s-sensibbiltà timbrika straordinarja. Čajkovskij kien jaf jesperimenta bil-possibiltajiet espressivi tal-istrumenti tradizzjonali, b'mod partikulari bl-istrumenti tan-nifs, u joħroġ minhom ħoss u taħwir oriġinali, raffinatissmu u inkonfondibbli. L-importanza li ta lill-kuluri tal-orkestra twarrab il-mużika pjanistika għat-tieni pjan, minkejja l-fama straordinarja li kiseb bl-ewwel kunċert għall-pjanu u l-orkestra.

Kompożizzjonijiet Prinċipali

immodifika

Balletti

immodifika

Čajkovskij jaf il-popolarità tiegħu l-iżjed lill-mużika għall-balletti.

  • Il-Lag tac-Ċinji, op. 20 (1875-76) Kien l-ewwel ballett ta' Čaikovskij, irrappreżentat, b'xi qtugħ fit-Teatru Bol'šoj ta' Moska, fl-1877. Ma kienx apprezzat sħiħ ħlief wara l-mewt tal-mużiċista minkejja it-tirqim drammaturġiku finissmu u fantasjuż.
  • Is-Sbejħa Rieqda, op. 66 (1888-89) Čaikovskij kien iqis dan ix-xogħol bħala wieħed mill-iżjed li rnexxa. L-ewwel rappreżentazzjoni tiegħu kienet fl-1890, fit-Teatru Mariinskij f'San Pietruburgu.
  • Il-Kissiera tal-Lewż, op. 71 (1891-92) Dan hu wieħed mix-xogħlijiet l-iżjed popolari. Il-faxxinu qiegħed fis-sentiment pekuljari ta' maġija u ta' seher flimkien mal-ħolm u r-ritorn għat-tfulija. Čajkovskij ġabar fi suite Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti minn dan il-ballett.

Sinfoniji

immodifika
  • Sinfonija nru. 1 fis-Sol minuri (Ħolm tax-xitwa), op. 13 (1866)
  • Sinfonija nru. 2 fid-Do minuri (Russja Żgħira), op. 17 (1872)
  • Sinfonija nru. 3 fir-Re maġġuri (Pollakka), op. 29 (1875)
  • Sinfonija nru. 4 fil-Fa minuri, op. 36 (1877)
  • Manfred, op. 58 (1885)
  • Sinfonija nru. 5 fil-Mi minuri, op. 64 (1888)
  • Sinfonija nru. 6 fis-Si minuri (Pathétique), op. 74 (1893)
  • Sinfonija fil-Mi bemoll maġġuri (1891-1892, abbandunata)

Ouvertures u xogħlijiet oħra għall-orkestra

immodifika
  • Il-Buraxka, op. 76 (1864)
  • Ouverture fil-Fa maġġuri (1865, rev. 1866)
  • Ouverture solenni fuq l-innu nazzjonali Daniż, op. 15 (1866, rev. 1892)
  • Id-Destin, op. 77 (1868)
  • Romeo u Ġuljetta (1869, rev. 1870, 1880)
  • It-Tempesta, op. 18 (1873)
  • Marċ Slav, op. 31 (1876)
  • Francesca da Rimini, op. 32 (1876)
  • Kapriċċ Taljan, op. 45 (1880)
  • Serenata għall-arki, op. 48 (1880)
  • L-1812, op. 49 (1880)
  • Amletu, op. 67 (1888)
  • Voevoda, op. 78 (1890-91)

Kunċerti u biċċiet konċertanti

immodifika
  • Kunċert għall-pjanu nru. 1 fis-Si bemoll minuri, op. 23 (1874-75, rev. 1879 et 1889)
  • Sérenade mélancolique, op. 26 (1875)
  • Varjazzjonijiet fuq tema rokoko, op. 33 (1876)
  • Valz-Scherzo, op. 34 (1877)
  • Kunċert għall-vjolin fir-Re maġġuri, op. 35 (1878)
  • Kunċert għall-pjanu nru. 2 fis-Sol maġġuri, op. 44 (1879-80)
  • Concert fantaisie, op. 56 (1884)
  • Pezzo Capriccioso, op. 62 (1887)
  • Kunċert għall-pjanu nru. 3 fil-Mi bemoll maġġuri, op. 75 (1893)
  • Kunċert għall-pjanu nru. 3, Andante u Finale, op. 79 (1893)
  • Suite nru. 1 fir-Re minuri, op. 43 (1878-1879)
  • Suite nru. 2 fid-Do maġġuri, op. 53 (1883)
  • Suite nru. 3 fis-Sol maġġuri, op. 55 (1884)
  • Suite nru. 4 fis-Sol maġġuri, Mozartiana, op. 61 (1887)

Čajkovskij ġabar fi suite għall-ballett, Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti mill-ballett tiegħu Il-Kissiera tal-Lewż. Jeżistu wkoll xi suites għall-balletti il-Lag taċ-Ċinji (suite 20a) u is-Sbejħa Rieqda (suite 66a), imma dawn m'humiex awtentiċi, għaliex ma nġabrux mill-kompożitur innifsu (għalkemm kellu f'rasu li jagħmel hekk) u kienu ippublikati wara mewtu.

Mużika da camera

immodifika
  • Kwartett għall-arki fis-Si bemoll maġġuri (1865)
  • Kwartett għall-arki nru. 1 fir-Re maġġuri, op. 11 (1871)
  • Kwartett għall-arki nru. 2 fil-Fa maġġuri, op. 22 (1873-74)
  • Kwartett għall-arki nru. 3 fil-Mi bemoll minuri, op. 30 (1876)
  • Tifkira ta' post għażiż, op. 42 (1878)
  • Trio għall-pjanu fil-La minuri, op. 50 (1881-82)
  • Tifkira ta' Firenze, op. 70 (1890)

Biċċiet għall-pjanu

immodifika

Čajkovskij kiteb xi mitt biċċa għall-pjanu. Fosthom l-iżjed famużi huma L-iStaġuni op. 37a.

Mużika di scena

immodifika
  • Sneguročka, op. 12 (1873)

Čajkovskij ikkompona għaxar opri. Fosthom it-tnejn l-iżjed famużi huma Ewġenju Onegin u r-Reġina tal-Piki li jinstemgħu spiss fir-repertorju liriku modern. L-opri l-oħra, għalkemm magħrufin ħafna inqas (u barra mir-Russja rari li jindaqqu) huma:

Titlu bil-Malti Titlu oriġinali (bir-Russu) Librett Première (data) Première (post)
Voevoda[2] Воевода Aleksandr Ostrovskij u l-kompożitur 11 ta' Frar 1869 Moska, Teatru Bol'šoj
Undina Ундина Vladimir Sologub Qatt ma ndaqqet[3] Qatt ma ndaqqet
Opriċnik Опричник il-kompożitur 24 ta' April 1874 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Vakula l-Ħaddied Кузнец Вакула J. P. Polonski 6 ta' Diċembru 1876 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Ewġenju Onegin Евгений Онегин il-kompożitur, fuq storja ta' Puškin 29 ta' Marzu 1879 Moska, Teatru Malyj
Ix-Xebba t'Orléans Орлеанская дева il-kompożitur, fuq it-traġedja ta' Schiller 25 ta' Frar 1881 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Mażepa Мазепа Viktor Burenin u l-kompożitur, fuq storja ta' Puškin 15 ta' Frar 1884 Moska, Teatru Bol'šoj
Ċereviċki[4] Черевички J. P. Polonski 31 ta' Jannar 1887 Moska, Teatru Bol'šoj
Is-Saħħara Чародейка Ippolit Špažinskij 1 ta' Novembru 1887 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Ir-Reġina tal-Piki Пиковая дама Modest Čajkovskij u l-kompożitur, fuq storja ta' Puškin 19 ta' Diċembru 1890 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Iolanta Иоланта Modest Čajkovskij, fuq storja ta' Henrik Hertz 18 ta' Diċembru 1892 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij

Gallerija

immodifika
  1. ^ Billi hemm ħafna verżjonijiet tat-traslitterazzjoni mir-Russu ta' dan l-isem: Tchaikovsky, Ciajkovskij, Tchaïkovski, Chaikovski, Tschaikowski jew Tsjaikovski, qegħdin nużaw it-traslitterazzjoni xjentifika (International Scholarly System). F'din il-paġna nużaw din it-traslitterazzjoni għall-ismijiet Russi kollha.
  2. ^ Il-partitura nqerdet mill-kompożitur fis-snin 1870. Ġiet rikostitwita fl-1948, minn xi abbozzi u xi biċċiet għall-orkestra li baqgħu sħaħ.
  3. ^ Dan ix-xogħol kien rifjutat mill-Opera Imperjali u Čajkovskij qattal-partitura. Però, tliet estratti, li ndaqqu fit-28 ta' Marzu 1870, għadhom jeżistu. Čajkovskij reġa' uża xi idejat minn din l-opra f'xi xogħlijiet oħra.
  4. ^ Reviżjoni ta' Vakula l-Ħaddied
  5. ^ Traduzzjoni : Il-kompożitur kbir Russu Pëtr Il'ič Čajkovskij qagħad mit-2 sas-16 ta' Diċembru 1887 f'din il-lukanda fejn ikkompona r-raba' sinfonija.

Ħoloq esterni

immodifika